Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2023/2497 tal-15 ta’ Novembru 2023 li jemenda d-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-limiti għall-konċessjonijiet (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/regulation/2023/2497@2023-11-15/mt
Contents
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni, u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4), it-tieni subparagrafu tagħha,
Billi:
(1) Permezz tad-Deċiżjoni 2014/115/UE, il-Kunsill approva l-Protokoll li jemenda l-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern konkluż fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ. Il-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku mill-Gvern emendat (il-Ftehim) huwa strument plurilaterali u għandu l-għan li jiftaħ is-swieq tal-akkwist pubbliku b’mod reċiproku fost il-partijiet kontraenti tiegħu. Il-Ftehim japplika għal kwalunkwe kuntratt ta’ akkwist pubbliku b’valur li jilħaq jew li jaqbeż l-ammonti (il-limiti) stipulati fih u espressi bħala drittijiet speċjali ta’ prelevament.
(2) Wieħed mill-għanijiet tad-Direttiva 2014/23/UE huwa li l-entitajiet kontraenti u l-awtoritajiet kontraenti, li japplikaw dik id-Direttiva jkunu jistgħu, fl-istess waqt, jikkonformaw mal-obbligi stabbiliti fil-Ftehim. Sabiex ikun żgurat li l-limitu għall-konċessjonijiet stipulat fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2014/23/UE jikkorrispondi għal-limitu għall-konċessjonjiet stabbilit fil-Ftehim, jeħtieġ li l-limitu stipulat f’dik id-Direttiva jiġi rivedut.
(3) L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2014/23/UE jeħtieġ li kull sentejn il-limiti jiġu riveduti mill-Kummissjoni b’effett mill-1 ta’ Jannar. Għalhekk, jenħtieġ li l-limiti għas-snin 2024–2025 japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2024.
(4) B’konsegwenza, il-kalkolu tal-limiti ma jistax jibda qabel l-1 ta’ Settembru minħabba d-disponibbiltà tad-data. Skont l-Artikolu 9(3) ta’ dik id-Direttiva, il-limiti riveduti f’euro u l-valuri korrispondenti tagħhom fil-muniti nazzjonali l-oħra tal-Istati Membri tal-UE jridu jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fil-bidu ta’ Novembru. Fid-dawl ta’ dan kollu, u sabiex tintlaħaq l-iskadenza msemmija hawn fuq, il-Kummissjoni tirrikorri għall-proċedura ta’ urġenza għall-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament.
(5) Għalhekk jenħtieġ li d-Direttiva 2014/23/UE tiġi emendata skont dan,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 Fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2014/23/UE, EUR 5382000 huwa sostitwit b’EUR 5538000.
Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2024.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Novembru 2023. Għall-Kummissjoni Il-President Ursula von der Leyen