Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2216 tal-4 ta’ Novembru 2025 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2757 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu triklorojsoċjanuriku li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina wara rieżami interim parzjali skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/regulation/2025/2216@2025-11-04/mt
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ir-Regolament bażiku), u b’mod partikolari, l-Artikolu 11(3) tiegħu,
Billi: PROĊEDURA Investigazzjonijiet preċedenti u miżuri fis-seħħ
(1) Permezz tar-Regolament (KE) Nru 1631/2005, il-Kunsill impona dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu triklorojsoċjanuriku (TCCA, Trichloroisocyanuric Acid) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (ir-RPĊ jew iċ-Ċina) u mill-Istati Uniti tal-Amerka (l-Istati Uniti). L-investigazzjoni li wasslet għall-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali, minn hawn ’il quddiem, se tissejjaħ l-investigazzjoni oriġinali.
(2) Wara rieżami interim skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, il-Kunsill, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 855/2010, naqqas id-dazju individwali applikabbli għal Heze Huayi Chemical Co. Ltd. (Heze Huayi) minn 14,1 % għal 3,2 %.
(3) Wara rieżami ta’ skadenza tal-miżuri limitati għall-importazzjonijiet tat-TCCA li joriġinaw mir-RPĊ (l-ewwel rieżami ta’ skadenza) li nbeda fis-6 ta’ Ottubru 2010, il-Kunsill impona mill-ġdid id-dazji anti-dumping definittivi applikabbli għall-importazzjonijiet tat-TCCA li joriġinaw miċ-Ċina permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1389/2011.
(4) Fit-28 ta’ Awwissu 2013 u fl-1 ta’ Lulju 2014, rispettivament, il-Kummissjoni Ewropea (il-Kummissjoni) bdiet żewġ rieżamijiet ta’ esportatur ġdid skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku. Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 569/2014, il-Kummissjoni imponiet dazju individwali ta’ 32,8 % fuq it-TCCA mmanifatturat minn produttur esportatur Ċiniż ġdid. Il-produttur esportatur Ċiniż l-ieħor irtira formalment it-talba tiegħu matul l-investigazzjoni u, b’konsegwenza, il-Kummissjoni temmet l-investigazzjoni permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/392.
(5) Wara rieżami ta’ skadenza (it-tieni rieżami ta’ skadenza) li beda fl-20 ta’ Diċembru 2016, il-Kummissjoni imponiet mill-ġdid miżuri anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet tat-TCCA li joriġinaw mir-RPĊ permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/2230.
(6) Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1209, il-Kummissjoni bdiet tliet rieżamijiet ta’ esportatur ġdid skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku. Fit-13 ta’ April 2022, l-investigazzjoni ġiet itterminata permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/619.
(7) Wara rieżami ta’ skadenza (it-tielet rieżami ta’ skadenza) li nbeda fil-5 ta’ Diċembru 2022, il-Kummissjoni imponiet mill-ġdid il-miżuri anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet tat-TCCA li joriġinaw mir-RPĊ permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/2757.
(8) Fil-31 ta’ Marzu 2023, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/712, il-Kummissjoni bdiet tliet rieżamijiet ta’ esportatur ġdid skont l-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku. Fit-13 ta’ Diċembru 2023, l-investigazzjoni ġiet itterminata permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/2766 wara li l-applikant irtira t-talba tiegħu.
(9) Id-dazji anti-dumping individwali li bħalissa huma fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet tat-TCCA li joriġinaw mir-RPĊ ivarjaw bejn 3,2 % u 40,5 %. Id-dazju anti-dumping applikabbli għall-produtturi esportaturi l-oħrajn kollha jammonta għal 42,6 %.
Talba għal rieżami interim
(10) Il-Kummissjoni rċeviet talba għal rieżami skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku (it-talba).
(11) It-talba tressqet fid-19 ta’ Marzu 2024 minn ERCROS S.A. u Electroquímica de Hernani S.A. (l-applikanti) f’isem l-industrija tal-Unjoni tat-TCCA fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. It-talba għal rieżami kienet limitata fl-ambitu għal eżami tad-dumping. It-talba kienet ibbażata fuq evidenza suffiċjenti pprovduta mill-applikanti li, fir-rigward tad-dumping, iċ-ċirkostanzi li abbażi tagħhom ġew imposti l-miżuri eżistenti nbidlu u li dawn il-bidliet huma ta’ natura dejjiema. B’mod partikolari, l-applikanti asserew li mill-investigazzjoni oriġinali kien hemm tkabbir sinifikanti fl-industrija Ċiniża tat-TCCA f’termini tal-għadd ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi u l-kapaċitajiet tal-produzzjoni eżistenti tal-prodott ikkonċernat. L-applikanti asserew ukoll li ż-żieda fl-għadd ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi, u konsegwentement, iż-żieda fil-kapaċitajiet żejda Ċiniżi wasslu biex il-prezzijiet jonqsu minħabba kompetizzjoni intensiva bejniethom. L-applikanti pprovdew evidenza li, mill-investigazzjoni oriġinali, il-prezz medju tal-importazzjonijiet Ċiniżi fl-Unjoni żdied b’rata aktar baxxa mir-rata tal-inflazzjoni Ċiniża għall-istess perjodu.
Bidu ta’ rieżami interim
(12) Fis-6 ta’ Awwissu 2024, il-Kummissjoni bdiet rieżami interim parzjali dwar l-importazzjonijiet tat-TCCA li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku. Ir-rieżami interim parzjali kien ristrett fl-ambitu għall-eżami tad-dumping.
Kummenti dwar il-bidu
(13) Fit-12 ta’ Settembru 2024, Hebei Jiheng Chemical Co. Ltd. (Hebei Jiheng Group), Heze Huayi u Puyang Cleanway Chemicals Co. Ltd. (Puyang Cleanway), bħala l-Alleanza tal-Produtturi Esportaturi tat-TCCA (ATEP, Alliance of TCCA Exporting Producers) issottomettew kummenti dwar it-talba u l-bidu tar-rieżami. Fid-9 ta’ Diċembru 2024, l-applikanti pprovdew reazzjoni għal dawn il-kummenti. Fid-19 ta’ Diċembru 2024, Hebei Jiheng, Heze Huayi u Puyang Cleanway issottomettew tweġiba għall-kummenti tal-applikanti.
(14) Hebei Jiheng Group, Heze Huayi u Puyang Cleanway asserew li l-argumenti u d-data sottomessi mill-applikanti ma ġġustifikawx il-kontinwazzjoni tar-rieżami minħabba li ma kienx hemm evidenza suffiċjenti ta’ bidliet ta’ natura dejjiema għall-industrija tat-TCCA fiċ-Ċina.
(15) Huma asserew ukoll li, f’każ li r-rieżami jitħalla jipproċedi, l-ambitu tiegħu għandu jkopri kalkolu mill-ġdid tal-marġni tad-dannu wkoll.
(16) Il-Kummissjoni qieset li t-talba għal rieżami interim kienet tinkludi evidenza suffiċjenti li ċ-ċirkostanzi li jikkonċernaw id-dumping inbidlu b’mod sinifikanti kif meħtieġ mill-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku biex jiġġustifikaw il-bidu ta’ rieżami interim. Il-Kummissjoni fakkret li l-istandard li jingħata bidu għal rieżami interim skont l-Artikolu 11(3) huwa aktar baxx minn dak għall-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi, għal dan tal-aħħar, hija vvalutat in-natura dejjiema tal-bidliet matul l-investigazzjoni, ara l-premessi (119) sa (127).
(17) Fir-rigward tal-asserzjoni li r-rieżami jenħtieġ li jkopri wkoll kalkolu mill-ġdid tal-marġni tad-dannu, il-Kummissjoni fakkret li ma kien hemm l-ebda evidenza fil-fajl li ssostni l-fehma li l-marġni tad-dannu stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali ma kienx għadu akkurat. B’mod partikolari, l-ATEP allegat li l-bidliet fit-tul fl-industrija Ċiniża tat-TCCA għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-impatt potenzjali tagħhom fuq il-prezz tal-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, hija argumentat li l-industrija tal-Unjoni żiedet il-kapaċità tal-produzzjoni tagħha, il-bejgħ domestiku u għall-esportazzjoni tagħha li allegatament influwenzaw l-istrateġiji tal-ipprezzar tagħha kemm fis-swieq domestiċi kif ukoll f’dawk tal-esportazzjoni. Fl-aħħar nett, hija qieset li l-Unjoni implimentat ukoll strateġiji li ma kinux jeżistu fiż-żmien tal-investigazzjoni oriġinali, b’mod partikolari l-Perkors ta’ Tranżizzjoni għall-Industrija tas-Sustanzi Kimiċi (TPCI, Transition Pathway for the Chemical Industry).
(18) Madankollu, il-Kummissjoni sabet li din l-asserzjoni ma kinitx sostanzjata billi bbażat biss fuq asserzjoni wiesgħa li ż-żewġt iswieq huma interkonnessi u fuq strateġiji (it-TPCI) li għad iridu jiġu adottati. L-ATEP la pprovdiet biżżejjed evidenza li turi li l-marġni tad-dannu kkalkulat fl-investigazzjoni oriġinali ma kienx se jibqa’ meħtieġ fil-livell attwali tiegħu biex jikkumpensa għall-effetti dannużi tad-dumping, u lanqas fir-rigward tad-data użata għall-kalkolu ta’ dan il-marġni. Fi kliem ieħor, il-partijiet interessati ma pprovdewx evidenza suffiċjenti li tiġġustifika l-bidu ta’ rieżami li jkopri d-dannu, u tali evidenza lanqas ma kienet disponibbli għall-Kummissjoni. Għalhekk, ma kien hemm l-ebda evidenza disponibbli għall-Kummissjoni li tissuġġerixxi li l-marġnijiet tad-dannu stabbiliti qabel ma kinux għadhom rappreżentattivi tad-dannu mġarrab mill-industrija tal-UE. Għalhekk, l-asserzjoni ġiet miċħuda.
Perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami
(19) L-investigazzjoni tad-dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2023 sat-30 ta’ Ġunju 2024 (il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami jew l-RIP).
Partijiet interessati
(20) Fin-Notifika tal-Bidu, il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkuntattjaw lill-Kummissjoni sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni speċifikament informat lill-produtturi, lill-esportaturi u lill-awtoritajiet tar-RPĊ, lill-importaturi magħrufa, lill-utenti, kif ukoll lill-assoċjazzjonijiet magħrufa li huma kkonċernati dwar il-bidu tar-rieżami interim, u stednithom jipparteċipaw.
(21) Il-partijiet interessati kellhom l-opportunità li jikkummentaw dwar il-bidu tar-rieżami interim u li jitolbu seduta ta’ smigħ mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.
Kampjunar
(22) Sabiex tiddeċiedi jekk il-kampjunar kienx neċessarju u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet lill-produtturi esportaturi magħrufa kollha fiċ-Ċina u lill-importaturi mhux relatati fl-Unjoni jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika tal-Bidu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni talbet lill-Missjoni tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-Unjoni Ewropea sabiex tidentifika u/jew tikkuntattja lil produtturi esportaturi oħrajn, jekk hemm, li jistgħu jkunu interessati li jipparteċipaw fl-investigazzjoni.
(23) Żewġ produtturi esportaturi, Hebei Jiheng Group u Puyang Cleanway, li jirrappreżentaw 72 % tal-volum totali tal-esportazzjonijiet tat-TCCA fl-RIP, ipprovdew l-informazzjoni mitluba dwar il-kampjunar u qablu li jiġu inklużi fil-kampjun. Fid-dawl tal-għadd baxx ta’ produtturi esportaturi li kkooperaw, il-Kummissjoni ddeċidiet li l-kampjunar ma kienx neċessarju.
(24) L-ebda importatur mhux relatat ma pprovda l-informazzjoni mitluba dwar il-kampjunar. Il-Kummissjoni kkonkludiet li lanqas ma kien neċessarju li jittieħdu kampjuni ta’ importaturi mhux relatati f’dan il-proċediment.
Tweġibiet għall-kwestjonarju
(25) Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fiċ-Ċina skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku lill-Gvern taċ-Ċina (GTĊ).
(26) Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lil Hebei Jiheng Group u lil Puyang Cleanway. L-istess kwestjonarji kienu wkoll disponibbli online fil-jum tal-bidu.
(27) Wara l-verifika tat-tweġiba għall-kwestjonarju ta’ Hebei Jiheng Group, sar evidenti li t-tweġiba għall-kwestjonarju kopriet biss il-produzzjoni konsolidata ta’ żewġ produtturi esportaturi relatati, Hebei Ji Heng Bai Kang Chemical Industry Co., Ltd (Bai Kang) u Hebei Jiheng Chemical Co. Ltd. (Jiheng). Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji separati lil Bai Kang u Jiheng, fejn talbet tweġiba fuq bażi individwali.
(28) Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lil AMIK Italia S.p.A. (AMIK) importatur mhux relatat li ppreżenta ruħu, u rċeviet tweġiba parzjali. Il-Kummissjoni rċeviet tweġiba parzjali mhux mitluba għall-kwestjonarju għal importaturi mhux relatati minn Productos QP, S.A.
Verifika
(29) Il-Kummissjoni vverifikat it-tweġiba għall-kwestjonarju tal-produtturi esportaturi li ġejjin: Produtturi esportaturi fir-RPĊ:
Hebei Jiheng Chemical Co. Ltd., Hengshui, ir-RPĊ.
Puyang Cleanway Chemicals Co. Ltd., Puyang, ir-RPĊ.
(30) Wara s-sottomissjoni ta’ tweġibiet separati għall-kwestjonarju, il-Kummissjoni wettqet ukoll kontroverifika mill-bogħod tal-produttur esportatur li ġej: Produttur esportatur fir-RPĊ
Hebei Ji Heng Bai Kang Chemical Industry Co. Ltd., Haixing, ir-RPĊ.
Proċedura sussegwenti
(31) Fit-2 ta’ Settembru 2025, il-Kummissjoni ddivulgat il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien beħsiebha timponi d-dazji anti-dumping definittivi. Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni.
(32) Il-kummenti li għamlu l-partijiet interessati ġew ikkunsidrati mill-Kummissjoni u tqiesu, meta jkun xieraq. Il-partijiet li talbu dan, ingħataw seduta ta’ smigħ.
PRODOTT TAĦT RIEŻAMI, PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI Prodott taħt rieżami
(33) Il-prodott taħt rieżami huwa l-istess bħal fl-investigazzjoni oriġinali u fir-rieżamijiet ta’ skadenza preċedenti, jiġifieri l-aċidu triklorojsoċjanuriku u l-preparazzjonijiet tiegħu, magħruf ukoll bħala simklożen skont id-denominazzjoni internazzjonali komuni (INN, International Non-Proprietary Name).
Prodott ikkonċernat
(34) Il-prodott ikkonċernat minn din l-investigazzjoni huwa l-prodott taħt rieżami, li joriġina mir-RPĊ li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex29336980 u ex38089420 (il-kodiċijiet TARIC 2933698070 u 3808942020).
Prodott simili
(35) Kif stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali, kif ukoll fir-rieżami ta’ skadenza preċedenti, din l-investigazzjoni ta’ rieżami interim parzjali kkonfermat li l-prodotti li ġejjin għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi, kif ukoll l-istess użi bażiċi:
il-prodott ikkonċernat meta jiġi esportat lejn l-Unjoni;
il-prodott taħt rieżami mmanifatturat u mibjugħ mill-produtturi esportaturi fis-suq domestiku tar-RPĊ;
il-prodott taħt rieżami mmanifatturat u mibjugħ mill-produtturi esportaturi lill-bqija tad-dinja; u
il-prodott taħt rieżami mmanifatturat u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni.
(36) Il-Kummissjoni kkonkludiet li dawn il-prodotti huma, għalhekk, meqjusa bħala prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.
DUMPING Kummenti preliminari
(37) Kif stabbilit fil-premessa (46), il-Kummissjoni kkonkludiet li ma kienx xieraq li jintużaw il-prezzijiet u l-kostijiet domestiċi fiċ-Ċina biex jiġi stabbilit il-valur normali fir-rigward tal-importazzjonijiet tat-TCCA mir-RPĊ, minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a), il-punt (b) tar-Regolament bażiku. L-importazzjonijiet miċ-Ċina komplew matul l-RIP, ġew importati aktar minn 32 elf tunnellata ta’ TCCA.
(38) Konsegwentement, il-Kummissjoni pproċediet biex taħdem il-valur normali esklużivament abbażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew valuri referenzjarji mingħajr distorsjoni, jiġifieri, abbażi tal-kostijiet korrispondenti tal-produzzjoni u tal-bejgħ f’pajjiż rappreżentattiv xieraq, f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.
Dumping Proċedura għad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku għall-importazzjonijiet tat-TCCA li joriġinaw mir-RPĊ
(39) Minħabba l-evidenza suffiċjenti disponibbli fil-bidu tal-investigazzjoni li turi, fir-rigward tar-RPĊ, l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a), il-punt (b) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni tad-dumping abbażi tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.
(40) Sabiex tikseb l-informazzjoni li qieset neċessarja għall-investigazzjoni tagħha fir-rigward tal-allegati distorsjonijiet sinifikanti, il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarju lill-GTĊ. Barra minn hekk, fil-punt 5.3.2. tan-Notifika tal-Bidu, il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati kollha jesprimu l-fehmiet tagħhom, jissottomettu informazzjoni u jipprovdu evidenza ta’ sostenn fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku fi żmien 37 jum mid-data tal-pubblikazzjoni tan-Notifika tal-Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Ma waslet l-ebda tweġiba għall-kwestjonarju mill-GTĊ u ma waslet l-ebda sottomissjoni dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku qabel l-iskadenza. Sussegwentement, il-Kummissjoni informat lill-GTĊ li hija kienet se tuża l-fatti disponibbli skont it-tifsira tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku biex tiddetermina l-eżistenza tad-distorsjonijiet sinifikanti fir-RPĊ.
(41) Fil-punt 5.3.2. tan-Notifika tal-Bidu, il-Kummissjoni speċifikat ukoll li, fid-dawl tal-evidenza disponibbli, hija kienet għażlet proviżorjament lill-Messiku bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, bil-għan li tiddetermina l-valur normali abbażi ta’ prezzijiet jew ta’ valuri referenzjarji mingħajr distorsjoni. Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll li kienet se teżamina pajjiżi xierqa possibbli oħra f’konformità mal-kriterji stabbiliti fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.
(42) Fl-10 ta’ Jannar 2025, il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati permezz ta’ nota (l-Ewwel Nota) dwar is-sorsi rilevanti li kienet beħsiebha tuża għad-determinazzjoni tal-valur normali. Fl-Ewwel Nota, il-Kummissjoni pprovdiet lista tal-fatturi kollha ta’ produzzjoni, bħall-materja prima, il-manodopera u l-enerġija użati fil-produzzjoni tat-TCCA. Barra minn hekk, abbażi tal-kriterji li jiggwidaw l-għażla tal-prezzijiet jew tal-valuri referenzjarji mingħajr distorsjoni, il-Kummissjoni identifikat il-pajjiżi rappreżentattivi possibbli, jiġifieri l-Messiku u l-Indoneżja. Il-Kummissjoni rċeviet kummenti mingħand Hebei Jiheng Group u Puyang Clenway, kif ukoll mingħand l-applikanti.
(43) Fil-5 ta’ Marzu 2025, wara li analizzat il-kummenti li rċeviet, il-Kummissjoni ħarġet it-Tieni Nota dwar is-sorsi għad-determinazzjoni tal-valur normali (it-Tieni Nota). Fit-Tieni Nota, il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati dwar is-sorsi rilevanti maħsuba għad-determinazzjoni tal-valur normali billi użat l-Indoneżja bħala l-pajjiż rappreżentattiv skont l-Artikolu 2(6a)(a), l-ewwel inċiż tar-Regolament bażiku. Hija informat ukoll lill-partijiet interessati li kienet se tistabbilixxi l-kostijiet tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi u l-profitti abbażi tar-rapporti finanzjarji disponibbli għall-pubbliku ta’ P.T. Pindo Deli (Pindo Deli), produttur tat-TCCA fl-Indoneżja. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati jikkummentaw dwar it-Tieni Nota. Waslu kummenti mingħand Hebei Jiheng Group u Puyang Clenway. L-argumenti tal-partijiet huma indirizzati fit-Taqsima 3.2.2.4 hawn taħt.
Valur normali
(44) Skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament bażiku, il-valur normali għandu normalment ikun ibbażat fuq il-prezzijiet imħallsa jew pagabbli, fil-kors ordinarju tal-kummerċ, minn klijenti indipendenti fil-pajjiż esportatur.
(45) Madankollu, skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, fil-każ li jiġi determinat […] li ma huwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fil-pajjiż esportatur minħabba l-eżistenza f’dak il-pajjiż ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-punt (b), il-valur normali għandu jinħadem esklużivament abbażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew valuri referenzjarji mingħajr distorsjoni, u għandu jinkludi ammont raġonevoli u mingħajr distorsjoni għal kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali u għal profitti (kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali minn hawn ’il quddiem SG&A (Selling, General and Administrative)).
(46) Kif spjegat aktar fid-dettall hawn taħt, fl-investigazzjoni attwali l-Kummissjoni kkonkludiet li, abbażi tal-evidenza disponibbli, u fid-dawl tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni tal-GTĊ u ta’ kummenti mill-produtturi esportaturi dwar din il-kwistjoni, l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku kienet xierqa.
Eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti
(47) Il-Kummissjoni eżaminat l-evidenza fil-fajl biex tiddeċiedi jekk kienx hemm distorsjonijiet sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku fir-RPĊ, li jagħmlu l-użu tal-prezzijiet u tal-kostijiet domestiċi mhux xieraq f’dak il-pajjiż. L-analiżi kopriet l-elementi evidenzjarji li ġejjin tad-diversi kriterji rilevanti għall-istabbiliment tal-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti.
(48) L-ewwel nett, l-evidenza fit-talba kienet tinkludi l-elementi li ġejjin li jindikaw l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti.
(49) L-applikant innota li jeżistu distorsjonijiet sinifikanti fir-rigward tal-elementi kollha tal-kost tal-produzzjoni tat-TCCA. Barra minn hekk, l-applikant argumenta li s-sitwazzjoni li kienet prevalenti fiż-żmien tar-rieżami ta’ skadenza l-aktar reċenti tal-Kummissjoni rigward l-importazzjonijiet tat-TCCA fiċ-Ċina ma nbidlitx.
(50) B’mod speċifiku, l-applikant argumenta li s-suq Ċiniż tal-prodott taħt rieżami huwa servut minn intrapriżi li joperaw taħt is-sjieda, il-kontroll jew is-superviżjoni jew il-gwida tal-politika tal-awtoritajiet Ċiniżi. Fir-rigward ta’ dan, l-applikant irrimarka li ħafna produtturi tal-prodott taħt rieżami huma kompletament jew parzjalment proprjetà tal-Istat. Barra minn hekk, hija nnotat ukoll li l-Partit Komunista Ċiniż (CCP, Chinese Communist Party) jinterferixxi fit-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ entitajiet privati, billi jeżerċita kontroll de facto fuq l-attività tagħhom.
(51) L-applikant argumenta wkoll li l-preżenza tal-Istat Ċiniż fil-produtturi tat-TCCA tippermetti lill-Istat jinterferixxi fir-rigward tal-prezzijiet u tal-kostijiet. Huwa afferma mill-ġdid l-interferenza mill-Istat, mhux biss permezz tal-intrapriżi tal-Istat iżda wkoll permezz tal-membri tas-CCP f’pożizzjonijiet maniġerjali ta’ kumpaniji privati. Fil-fatt, l-applikant innota li l-interferenza mill-Istat hija evidenzjata fil-fatturi kollha ta’ produzzjoni tal-prodott taħt rieżami.
(52) Barra minn hekk, l-applikant innota li l-materja prima użata fil-manifattura tat-TCCA tikkonsisti f’sustanzi kimiċi organiċi u inorganiċi. Fir-rigward ta’ dan, huwa ddikjara li s-settur kimiku huwa fost dawk promossi b’mod partikolari mill-GTĊ. Dan huwa dovut għall-isforz tiegħu għall-awtosuffiċjenza, u għall-inċentiv biex jinħolqu prodotti b’valur miżjud għoli, pereżempju t-TCCA. L-applikant innota wkoll li pajjiżi oħra ddikjaraw ukoll l-eżistenza ta’ sussidjar tat-TCCA fiċ-Ċina li ilu jikkaratterizza s-suq mill-2012.
(53) L-applikant innota li d-distorsjonijiet jaffettwaw ukoll l-enerġija, il-manodopera u l-makkinarju użati għall-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami. L-applikant indika wkoll li d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar Distorsjonijiet Sinifikanti fl-Ekonomija tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-finijiet tal-Investigazzjonijiet għad-Difiża tal-Kummerċ (ir-Rapport) semma li aktar minn 50 % tal-fornituri tal-enerġija huma proprjetà tal-Istat, u li l-grilja tat-trażmissjoni hija kompletament proprjetà ta’ żewġ SOEs. Barra minn hekk, huwa indika każijiet tal-passat li fihom il-Kummissjoni nnotat id-distorsjonijiet tal-prezzijiet tal-enerġija fis-settur kimiku. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet li s-setturi upstream tal-prodott taħt rieżami, inkluż is-settur kimiku, huma affettwati minn distorsjonijiet tal-kostijiet tal-pagi kemm direttament kif ukoll indirettament. Barra minn hekk, l-applikant iddikjara li ċerti intrapriżi domestiċi u intrapriżi b’investiment barrani huma eżentati mill-VAT u mit-tariffi fuq tagħmir importat. Programm bħal dan għandu l-għan li jħeġġeġ l-investimenti barranin u jintroduċi tagħmir avvanzat minn barra l-pajjiż biex itejjeb it-teknoloġija industrijali.
(54) L-applikant indika distorsjonijiet sinifikanti oħra, bħat-tnaqqis fit-taxxa fuq l-introjtu. Pereżempju, skont l-Artikolu 33 tal-Liġi Ċiniża dwar it-Taxxa fuq l-Introjtu tal-Intrapriżi, l-intrapriżi li jimmanifatturaw prodotti li huma konformi mal-Politika Industrijali tal-Istat u li jinvolvu użu sinerġistiku tar-riżorsi, jistgħu jkunu intitolati għal tnaqqis fit-taxxa. L-applikant innota li s-setturi strateġiċi kollha jistgħu jibbenefikaw minn tali dispożizzjonijiet u meta jitqies li s-settur kimiku ġie identifikat bħala settur ewlieni, il-produtturi tas-sustanzi kimiċi, u l-produtturi tat-TCCA speċifikament, jistgħu jibbenefikaw minn tali vantaġġ tat-taxxa.
(55) Barra minn hekk, l-applikant indika li l-awtoritajiet Ċiniżi jżommu politiki pubbliċi jew miżuri li jiddiskriminaw favur il-fornituri domestiċi jew li b’xi mod ieħor jinfluwenzaw il-forzi tas-suq ħieles. L-applikant argumenta wkoll li l-14-il FYP (Five-Year Plan) dwar il-materja prima jippromwovi żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni fis-setturi tal-urea, tal-fosfat tal-ammonju, tal-karbur tal-kalċju, tas-soda kawstika u tal-fosforu isfar. Huwa indika wkoll li s-soda kawstika, materja prima ewlenija għall-manifattura tal-prodott taħt rieżami, hija elenkata fil-Katalgu ta’ Gwida għall-Aġġustament Strutturali tal-Industrija tal-2019 fost l-industriji kkontrollati.
(56) L-applikant issottolinja wkoll in-nuqqas, l-applikazzjoni diskriminatorja jew l-infurzar inadegwat ta’ liġijiet dwar il-fallimenti, il-kumpaniji jew il-proprjetà. Kif diġà ġie enfasizzat fit-tielet rieżami ta’ skadenza, is-sistema Ċiniża għadha kkaratterizzata minn nuqqas ta’ infurzar sistematiku tal-liġi dwar il-fallimenti u involviment qawwi tal-Istat fil-proċedimenti ta’ insolvenza.
(57) It-talba ssottolinjat ukoll li l-kostijiet tal-pagi fiċ-Ċina huma distorti b’mod ġenerali u speċifikament fis-settur tat-TCCA. L-applikant irrimarka li s-suq tax-xogħol fir-RPĊ ma joperax b’pagi bbażati fuq is-suq, peress li ma rratifikax għadd ta’ konvenzjonijiet essenzjali tal-ILO.
(58) Fl-aħħar nett, l-applikant innota li hemm ukoll distorsjonijiet sinifikanti fir-rigward tal-aċċess għall-finanzjament mogħti minn istituzzjonijiet li jimplimentaw objettivi ta’ ordni pubbliku jew li b’xi mod ieħor ma jaġixxux b’mod indipendenti mill-Istat. Huwa rrimarka li l-SOBs joperaw skont l-objettivi tal-politika pubblika, u mhux skont il-vijabbiltà ekonomika tal-operaturi ekonomiċi. Kif diġà ġie nnotat fl-aktar rieżami ta’ skadenza reċenti, anke d-deċiżjonijiet bankarji kummerċjali privati jridu jiġu sorveljati mis-CCP u jibqgħu konformi mal-politiki nazzjonali. Huwa rrimarka wkoll li l-kostijiet tat-teħid b’self inżammu artifiċjalment baxxi biex jiġi stimulat it-tkabbir tal-investiment. Ir-rati tal-imgħax baxxi b’mod artifiċjali jirriżultaw fi twaqqigħ tal-prezzijiet, u konsegwentement, fl-użu eċċessiv tal-kapital.
(59) It-tieni, f’investigazzjonijiet reċenti dwar is-settur kimiku fir-RPĊ„, il-Kummissjoni sabet li kienu preżenti distorsjonijiet sinifikanti fis-sens tal-Artikolu 2 (6a) (b) tar-Regolament bażiku. F’dawk l-investigazzjonijiet, il-Kummissjoni sabet li hemm intervent sostanzjali tal-gvern fir-RPĊ li jirriżulta f’distorsjoni tal-allokazzjoni effettiva tar-riżorsi f’konformità mal-prinċipji tas-suq.. B’mod partikolari, il-Kummissjoni kkonkludiet li fis-settur kimiku, mhux biss għad hemm grad sostanzjali ta’ sjieda mill-GTĊ fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b), l-ewwel inċiż tar-Regolament bażiku iżda l-GTĊ huwa wkoll f’pożizzjoni li jinterferixxi fil-prezzijiet u fil-kostijiet permezz tal-preżenza tal-Istat fid-ditti fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b), it-tieni inċiż tar-Regolament bażiku.. Il-Kummissjoni sabet ukoll li l-preżenza u l-intervent tal-Istat fis-swieq finanzjarji, kif ukoll fil-provvista tal-materja prima u tal-inputs, iħallu wkoll effett ta’ distorsjoni addizzjonali fuq is-suq. Tabilħaqq, b’mod ġenerali, is-sistema tal-ippjanar fir-RPĊ twassal biex ir-riżorsi jitmexxew lejn setturi deżinjati bħala strateġiċi jew inkella bħala politikament importanti mill-GTĊ, aktar milli jiġu allokati f’konformità mal-forzi tas-suq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-liġijiet Ċiniżi dwar il-falliment u l-proprjetà ma jaħdmux kif suppost fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b), ir-raba’ inċiż, tar-Regolament bażiku, u b’hekk jiġġeneraw distorsjonijiet, b’mod partikolari meta ditti insolventi jinżammu għaddejjin u meta jiġu allokati drittijiet għall-użu tal-art fir-RPĊ. Bl-istess mod, il-Kummissjoni sabet distorsjonijiet tal-kostijiet tal-pagi fis-settur kimiku fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b), il-ħames inċiż, tar-Regolament bażiku„, kif ukoll distorsjonijiet fis-swieq finanzjarji fis-sens tal-Artikolu 2(6a)(b), is-sitt inċiż, tar-Regolament bażiku, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-kapital għall-atturi korporattivi fir-RPĊ.
(60) It-tielet, fl-aktar rieżami ta’ skadenza reċenti dwar il-prodott taħt rieżami, il-Kummissjoni kkonkludiet li kienu preżenti distorsjonijiet sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a), il-punt (b) tar-Regolament bażiku. Il-Kummissjoni ma taf bl-ebda bidla strutturali kbira fir-RPĊ b’mod ġenerali u/jew fis-settur rilevanti b’mod partikolari, li tista’ taffettwa dik il-konklużjoni.
(61) Ir-raba’, evidenza addizzjonali disponibbli fir-Rapport indikat l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti anke matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.
(62) Il-ħames, f’din l-investigazzjoni, la l-GTĊ u lanqas il-produtturi esportaturi ma ppreżentaw xi evidenza jew argument li juri l-kuntrarju.
(63) Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, l-evidenza disponibbli wriet li l-prezzijiet jew il-kostijiet tal-prodott taħt rieżami, inklużi l-kostijiet tal-materja prima, tal-enerġija u dawk lavorattivi, ma humiex ir-riżultat ta’ forzi tas-suq ħieles minħabba li huma affettwati minn intervent sostanzjali tal-gvern skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku, kif muri mill-impatt reali jew potenzjali ta’ wieħed jew aktar mill-elementi rilevanti elenkati fih. Fuq dik il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li, f’dan il-każ, ma huwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi biex jiġi stabbilit il-valur normali. Konsegwentement, il-Kummissjoni pproċediet biex taħdem il-valur normali esklużivament abbażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu l-prezzijiet jew il-valuri referenzjarji mingħajr distorsjoni, jiġifieri, f’dan il-każ, abbażi tal-kostijiet korrispondenti tal-produzzjoni u tal-bejgħ f’pajjiż rappreżentattiv xieraq, f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.
Pajjiż rappreżentattiv
(64) L-għażla tal-pajjiż rappreżentattiv kienet ibbażata fuq il-kriterji li ġejjin, skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku:
Livell ta’ żvilupp ekonomiku simili għar-RPĊ. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni użat pajjiżi b’introjtu nazzjonali gross per capita simili għar-RPĊ abbażi tal-bażi ta’ data tal-Bank Dinji;
Il-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami f’dak il-pajjiż;
Id-disponibbiltà ta’ data pubblika rilevanti fil-pajjiż rappreżentattiv.
Meta jkun hemm aktar minn pajjiż rappreżentattiv wieħed possibbli, jenħtieġ li tingħata preferenza, meta jkun xieraq, lill-pajjiż b’livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali.
(65) Kif spjegat fil-premessi (42) u (43), il-Kummissjoni ppubblikat żewġ noti għall-fajl dwar is-sorsi għad-determinazzjoni tal-valur normali. Dawn in-noti ddeskrivew il-fatti u l-evidenza li fuqhom huma bbażati l-kriterji rilevanti, u indirizzaw il-kummenti li waslu mill-partijiet dwar dawk l-elementi u dwar is-sorsi rilevanti. Fit-Tieni Nota, il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati bl-intenzjoni tagħha li tqis lill-Indoneżja bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq f’dan il-każ, jekk l-eżistenza tad-distorsjonijiet sinifikanti skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku tiġi kkonfermata.
Livell ta’ żvilupp ekonomiku simili għar-RPĊ
(66) Fl-Ewwel Nota dwar il-fatturi tal-produzzjoni, il-Kummissjoni identifikat lill-Messiku u lill-Indoneżja bħala pajjiżi b’livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħar-RPĊ fejn il-prodott taħt rieżami ġie prodott skont il-Bank Dinji, jiġifieri huma kollha kklassifikati mill-Bank Dinji bħala pajjiżi b’introjtu medju superjuri fuq bażi tal-introjtu nazzjonali gross, fejn kien magħruf li ssir il-produzzjoni tal-prodott li qiegħed jiġi investigat.
(67) Ma wasal l-ebda kumment dwar il-pajjiżi identifikati f’dik in-nota.
Disponibbiltà ta’ data rilevanti faċilment disponibbli fil-pajjiż rappreżentattiv
(68) Fl-Ewwel Nota, il-Kummissjoni indikat li għall-pajjiżi identifikati bħala pajjiżi fejn qiegħed jiġi mmanifatturat il-prodott taħt rieżami, jiġifieri l-Messiku u l-Indoneżja, id-disponibbiltà tad-data pubblika kellha tiġi vverifikata ulterjorment, b’mod partikolari fil-Messiku, fir-rigward tad-data finanzjarja pubblika għall-produtturi tat-TCCA.
(69) Fil-Messiku, il-Kummissjoni identifikat kumpanija waħda li tipproduċi l-prodott taħt investigazzjoni, jiġifieri ROT Química iżda ma setgħetx tidentifika data finanzjarja faċilment disponibbli għal din il-kumpanija.
(70) Fl-Indoneżja, il-Kummissjoni identifikat kumpanija waħda li tipproduċi l-prodott taħt investigazzjoni, jiġifieri Pindo Deli u sabet data finanzjarja awditjata faċilment disponibbli li tkopri l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami għal din il-kumpanija.
(71) Puyang Cleanway u Hebei Jiheng Group sostnew li Pindo Deli kienet involuta esklużivament fi prodotti tal-karta u ma kinitx tipproduċi jew tbigħ TCCA jew prodotti fl-istess kategorija ġenerali.
(72) Il-Kummissjoni kkonfermat li n-negozju ewlieni ta’ Pindo Deli kien il-manifattura ta’ prodotti tal-karta. Madankollu, din il-kumpanija kellha wkoll diviżjoni kimika li tipproduċi u tbigħ it-TCCA. Puyang Cleanway u Hebei Jiheng Group ma pprovdew l-ebda evidenza li tindika l-kuntrarju.
(73) Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni qieset lil Pindo Deli bħala produttur tal-prodott taħt rieżami f’pajjiż rappreżentattiv potenzjali.
(74) Hebei Jiheng Group ikkummenta li l-Kummissjoni jenħtieġ li tiddivulga d-data finanzjarja għall-kumpanija individwali, aktar milli ċ-ċifri konsolidati għal Pindo Deli u s-sussidjarji tagħha.
(75) Il-Kummissjoni nnotat li l-ebda data ma kienet disponibbli għall-pubbliku għal Pindo Deli separatament, minħabba l-konsolidazzjoni mas-sussidjarji. Għalhekk, il-Kummissjoni fittxet l-eqreb indikatur faċilment disponibbli, inkluża informazzjoni konsolidata tal-produtturi attivi, fost l-oħrajn fis-settur li jinkludi l-prodott taħt rieżami.
(76) Hebei Jiheng Group ma pprovdiex evidenza li l-kostijiet konsolidati tal-SG&A u l-profitt identifikati għal Pindo Deli ma jkunux xierqa jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti ammonti li ma kinux raġonevoli. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li tali data kienet rappreżentattiva u raġonevoli biżżejjed biex tiġi applikata għall-finijiet ta’ din l-investigazzjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjoni ta’ Hebei Jiheng Group.
(77) Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati bit-Tieni Nota li hija kellha l-ħsieb li tuża lill-Indoneżja bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq u lil Pindo Deli bħala l-kumpanija xierqa, f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a), l-ewwel inċiż tar-Regolament bażiku sabiex tikseb prezzijiet jew valuri referenzjarji mingħajr distorsjoni, il-kostijiet SG&A u l-profitt għall-kalkolu tal-valur normali.
(78) Il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkummentaw dwar l-adegwatezza tal-Indoneżja bħala pajjiż rappreżentattiv u ta’ Pindo Deli bħala produttur fil-pajjiż rappreżentattiv.
(79) Wara t-Tieni Nota, Puyang Cleanway u Hebei Jiheng Group talbu lill-Kummissjoni tivverifika darbtejn jekk ir-rapporti finanzjarji konsolidati ta’ Pindo Deli li bbażat fuqhom il-Kummissjoni koprewx id-diviżjoni kimika tagħha jew le. Huma argumentaw li s-sussidjarji elenkati fir-rapport finanzjarju ma kinux jinkludu l-kumpanija, P. T. Cakrawala Mega Indah, elenkata taħt it-tab tal-kuntatti fuq is-sit web ta’ Pindo Deli.
(80) Il-Kummissjoni kkonformat u sabet li P. T. Cakrawala Mega Indah kienet l-uffiċċju tal-bejgħ tad-diviżjoni kimika ta’ Pindo Deli, u, għaldaqstant, parti integrali minn Pindo Deli, u, bħala tali, kienet koperta mir-rapporti finanzjarji.
Livell ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali
(81) Wara li ġie stabbilit li l-Indoneżja kienet l-uniku pajjiż rappreżentattiv xieraq disponibbli, abbażi tal-elementi kollha ta’ hawn fuq, ma kienx hemm bżonn li titwettaq valutazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali f’konformità mal-aħħar sentenza tal-Artikolu 2(6a)(a), l-ewwel inċiż tar-Regolament bażiku.
Konklużjoni
(82) Fid-dawl tal-analiżi ta’ hawn fuq, l-Indoneżja ssodisfat il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 2(6a)(a), l-ewwel inċiż tar-Regolament bażiku sabiex titqies bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq.
Sorsi użati biex jiġu stabbiliti l-kostijiet mingħajr distorsjoni
(83) Fl-Ewwel Nota, il-Kummissjoni elenkat il-fatturi ta’ produzzjoni, bħall-materjali, l-enerġija u l-manodopera użati fil-produzzjoni tal-prodott taħt rieżami mill-produtturi esportaturi u stiednet lill-partijiet interessati jikkummentaw u jipproponu informazzjoni disponibbli għall-pubbliku dwar il-valuri mingħajr distorsjoni għal kull wieħed mill-fatturi ta’ produzzjoni msemmija f’dik in-nota.
(84) Sussegwentement, fit-Tieni Nota, il-Kummissjoni ddikjarat li, sabiex taħdem il-valur normali f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, hija tuża l-Atlas tal-Kummerċ Globali (GTA, Global Trade Atlas) biex tistabbilixxi l-kost mingħajr distorsjoni tal-materja prima. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li kienet se tuża d-data ppubblikata minn Badan Pusat Statistik sabiex tistabbilixxi l-kostijiet lavorattivi mingħajr distorsjoni, il-prezzijiet ippubblikati mill-Perusahan Listrik Negara għall-elettriku u d-data mill-Ministeru tal-Enerġija u r-Riżorsi Minerali għall-gass.
(85) Fit-Tieni Nota, il-Kummissjoni informat ukoll lill-partijiet interessati li minħabba l-piż negliġibbli ta’ xi materja prima fil-kost totali tal-produzzjoni, dawn l-entrati negliġibbli ġew raggruppati taħt materjali konsumabbli. Barra minn hekk, il-Kummissjoni informat li hija se tikkalkula l-perċentwal tal-materjali konsumabbli fuq il-kost totali tal-materja prima u se tapplika dan il-perċentwal għall-kost ikkalkulat mill-ġdid tal-materja prima meta tuża l-valuri referenzjarji mingħajr distorsjoni stabbiliti fil-pajjiż rappreżentattiv xieraq.
Fatturi ta’ produzzjoni
(86) Tabella 1 Fatturi ta’ produzzjoni tat-TCCA
Meta titqies l-informazzjoni kollha fit-talba għal rieżami u l-informazzjoni sussegwenti sottomessa mill-partijiet interessati, il-fatturi ta’ produzzjoni li ġejjin u s-sorsi tagħhom ġew identifikati sabiex jiġi ddeterminat il-valur normali f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku: Fattur ta’ Produzzjoni Kodiċi tal-Komodità fl-Indoneżja Valur mingħajr distorsjoni (CNY) Unità ta’ kejl Sors ta’ informazzjoni Materja prima Aċidu ċjanuriku Ma nstabx fin-nomenklatura Indoneżjana. 12,55 KG Maħdum fuq il-prezz tal-urea mill-GTA (IHS Markit) Urea 310210 5,28 KG GTA (IHS Markit) Kloru 28110 4,08 KG GTA (IHS Markit) Soluzzjoni tas-Soda Kawstika 281512 2,60 KG GTA (IHS Markit) Melħ Mhux Maħdum 25010093 0,34 KG GTA (IHS Markit) Idroġenu 280410 0,95 KG GTA (IHS Markit) Aċidu sulfuriku 28070010 0,30 KG GTA (IHS Markit) Materjal konsumabbli Manodopera Manodopera Mhux applikabbli 12,62 Sigħat Badan Pusat Statistik Enerġija Elettriku Mhux applikabbli 0,66 kWh Perusahaan Listrik Negara Gass Mhux applikabbli 1,62 m3 Il-Ministeru tal-Enerġija u r-Riżorsi Minerali
(87) Hebei Jiheng Group u Puyang Cleanway sostnew li l-prezz tal-importazzjoni tal-urea fl-Indoneżja la kien rappreżentattiv u lanqas raġonevoli, minħabba li varja b’mod sinifikanti u madwar 88 % tal-importazzjonijiet totali tal-urea tal-Indoneżja oriġinaw mir-RPĊ u dan wassal għal distorsjoni fil-prezzijiet domestiċi. Barra minn hekk, Hebei Jiheng Group argumenta li l-prezz tal-importazzjoni Indoneżjan tal-urea kien distort minħabba s-sussidji tal-gvern u l-kontrolli tal-esportazzjoni.
(88) Il-Kummissjoni ċaħdet l-argument ta’ Hebei Jiheng Group, minħabba li kkalkulat il-prezz tal-importazzjoni Indoneżjan tal-urea abbażi tal-medja ponderata tal-pajjiżi ta’ oriġini differenti. Il-ponderazzjoni skont il-volum naqqset l-effett eventwali tal-varjazzjonijiet fil-prezz li Hebei Jiheng Group iddikjara li toħloq distorsjoni. Għall-kuntrarju tal-asserzjoni ta’ Hebei Jiheng Group, il-Kummissjoni eskludiet l-importazzjonijiet mir-RPĊ meta kkalkulat il-prezz tal-importazzjoni mingħajr distorsjoni fl-Indoneżja. L-effett indirett tal-importazzjonijiet mir-RPĊ fuq il-prezz tal-fertilizzanti Indoneżjani bbażati fuq l-urea kien negliġibbli, peress li s-suq domestiku kien iddominat mill-produzzjoni Indoneżjana, prinċipalment minn P.T. Pupuk Indonesia. Il-Kummissjoni sabet li inqas minn 1 % tas-suq tal-fertilizzanti Indoneżjan totali kien issussidjat, u għalhekk l-ammont ta’ urea sussidjata kien insinifikanti wisq biex joħloq distorsjoni fil-prezzijiet fis-suq domestiku. Għall-kuntrarju tal-asserzjoni ta’ Hebei Jiheng Group li l-kontrolli tal-esportazzjoni joħolqu distorsjoni fis-suq tal-urea Indoneżjan, il-Kummissjoni sabet li r-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni fl-Indoneżja kienu applikabbli biss għal fertilizzanti sussidjati, inkluża l-urea.
(89) Il-Kummissjoni ċaħdet l-argument ta’ Puyang Cleanway, minħabba li l-kumpanija ma użatx l-urea għall-manifattura tat-TCCA.
(90) Puyang Cleanway argumentat li l-prezz referenzjarju għall-aċidu ċjanuriku la kien raġonevoli u lanqas rappreżentattiv, minħabba li l-prezz tal-importazzjoni fl-Indja, użat bħala l-valur referenzjarju, kopra ammont sinifikanti ta’ isoċjanurati klorinati, inkluż it-TCCA, il-prodott taħt rieżami. Puyang Cleanway ipproponiet li l-prezz referenzjarju għall-aċidu ċjanuriku jinħadem abbażi tal-proporzjon tal-konsum ivverifikat tal-urea minn Hebei Jiheng Group, li pproduċieh.
(91) Il-Kummissjoni aċċettat din l-asserzjoni. Għalhekk, il-valur referenzjarju għall-aċidu ċjanuriku nħadem abbażi tal-proporzjon tal-konsum ivverifikat ta’ Jiheng li għalih ġew applikati l-valuri referenzjarji rrapportati fit-Tabella 1. Il-Kummissjoni mbagħad żiedet il-kostijiet SG&A u l-profitt ta’ Pinto Deli biex tikkalkula prezz mingħajr distorsjoni. Meta wieħed iqis li Pindo Deli hija involuta fil-produzzjoni tat-TCCA u ta’ prodotti kimiċi oħra li jappartjenu għall-istess Kodiċi NACE (20.1) bħall-urea, is-soda kawstika, il-kloru u s-sulfat tal-ammonju, il-kostijiet SG&A u l-profitt ta’ din il-kumpanija kienu kkunsidrati raġonevoli.
(92) Puyang Cleanway argumentat li l-prezz referenzjarju għall-kloru la kien raġonevoli u lanqas rappreżentattiv, peress li, fid-dawl tan-natura kimika perikoluża tiegħu, l-Indoneżja stabbiliet kontrolli regolatorji u ta’ importazzjoni li setgħu rriżultaw f’kostijiet tal-importazzjoni sproporzjonalment għoljin u distorsjonijiet sinifikanti fil-prezzijiet tas-suq. Puyang Cleanway ipproponiet li l-prezz referenzjarju għall-kloru jinħadem abbażi tal-proporzjon tal-konsum ivverifikat użat minn Jiheng, li pproduċietu.
(93) Il-Kummissjoni ċaħdet l-argument, minħabba li sabet li regolamentazzjoni u kontroll stretti tal-bejgħ tal-kloru u d-derivattivi tiegħu ma kinux speċifiċi għall-Indoneżja, iżda karatteristika ġenerali tas-suq. Il-konformità regolatorja diġà hija element integrat tal-ipprezzar internazzjonali u domestiku tal-kloru.
Materja prima użata fil-proċess ta’ produzzjoni
(94) Jiheng huwa manifattur integrat li jipproduċi l-materjali ta’ input ewlenin tat-TCCA (l-aċidu ċjanuriku, il-kloru u s-soda kawstika) mill-urea u mill-melħ industrijali mhux ipproċessat. Manifatturi esportaturi oħra jixtru l-aċidu ċjanuriku, il-kloru u s-soda kawstika, sabiex jimmanifatturaw it-TCCA.
(95) Sabiex jiġi stabbilit il-prezz mingħajr distorsjoni ta’ materja prima kif ikkonsenjata sax-xatba ta’ produttur rappreżentattiv tal-pajjiż, il-Kummissjoni użat bħala bażi l-prezz medju ponderat tal-importazzjoni fil-pajjiż rappreżentattiv kif irrapportat fil-GTA li miegħu żdiedu d-dazji fuq l-importazzjoni u l-kostijiet tat-trasport. Prezz tal-importazzjoni fil-pajjiż rappreżentattiv ġie ddeterminat bħala medja ponderata tal-prezzijiet ta’ unità tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi terzi kollha bl-esklużjoni tar-RPĊ u l-pajjiżi li ma humiex membri tad-WTO elenkati fl-Anness 1 tar-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Il-Kummissjoni ddeċidiet li teskludi l-importazzjonijiet mir-RPĊ lejn il-pajjiż rappreżentattiv, minħabba li hija kkonkludiet fil-premessa (63) li ma kienx xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi fir-RPĊ minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(b) tar-Regolament bażiku. Minħabba li ma kien hemm l-ebda evidenza li turi li l-istess distorsjonijiet ma affettwawx bl-istess mod il-prodotti maħsuba għall-esportazzjoni, il-Kummissjoni qieset li l-istess distorsjonijiet affettwaw il-prezzijiet tal-esportazzjoni. Wara li ġew esklużi l-importazzjonijiet mir-RPĊ fil-pajjiż rappreżentattiv, il-volum tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi oħra baqa’ rappreżentattiv.
(96) Kif spjegat fil-premessi (90) u (91), il-Kummissjoni ħadmet il-valur referenzjarju għall-aċidu ċjanuriku abbażi tal-proporzjonijiet tal-konsum ta’ Jiheng, li għalihom ġew applikati l-valuri referenzjarji rrapportati fit-Tabella 1.
(97) Għal diversi fatturi ta’ produzzjoni, il-kostijiet reali mġarrba mill-produtturi esportaturi li kkooperaw kienu jirrappreżentaw sehem negliġibbli tal-kostijiet totali tal-materja prima fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Billi l-valur li ntuża għalihom ma kellu l-ebda impatt apprezzabbli fuq il-kalkoli tal-marġni tad-dumping, irrispettivament mis-sors użat, il-Kummissjoni ddeċidiet li tinkludi dawk il-kostijiet f’materjali konsumabbli kif spjegat fil-premessa (85).
(98) Il-Kummissjoni esprimiet il-kost tat-trasport imġarrab mill-produttur esportatur li kkoopera għall-provvista ta’ materja prima bħala perċentwal tal-kost reali ta’ tali materja prima u mbagħad applikat l-istess perċentwal għall-kost mingħajr distorsjoni tal-istess materja prima sabiex tikseb il-kost mingħajr distorsjoni tat-trasport. Il-Kummissjoni kkunsidrat li, fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni, il-proporzjon bejn il-materja prima tal-produttur esportatur u l-kostijiet tat-trasport irrapportati jista’ jintuża b’mod raġonevoli bħala indikazzjoni biex jiġu stmati l-kostijiet tat-trasport mingħajr distorsjoni tal-materja prima meta tiġi kkonsenjata lill-fabbrika tal-kumpanija.
Manodopera
(99) Badan Pusat Statistik (l-Aġenzija Ċentrali tal-Istatistika) tippubblika informazzjoni dwar il-pagi f’setturi ekonomiċi differenti fl-Indoneżja. Il-Kummissjoni użat medja tal-pagi fis-settur tal-manifattura għax-xhur ta’ Frar 2023 u Frar 2024, l-unika data disponibbli, fil-provinċja ta’ Java tal-Punent, fejn kienet tinsab Pindo Deli. L-ammont ta’ taxxa f’ras il-għajn u ta’ kontribuzzjoni tas-saħħa u tal-pensjoni żdied mal-paga fis-siegħa biex jiġi approssimat il-kost lavorattiv totali żborżat mill-impjegatur.
Elettriku
(100) Il-prezz tal-elettriku għall-utenti industrijali fl-Indoneżja huwa ppubblikat mill-Kumpanija Nazzjonali tal-Elettriku (Perusahaan Listrik Negara, PLN) fuq is-sit web tagħha. Il-Kummissjoni użat l-istatistika tal-prezzijiet tal-elettriku ppubblikata mill-PLN, jiġifieri l-prezzijiet tal-elettriku industrijali f’kWh għall-utenti li jikkonsmaw fil-medda ta’ bejn 200 u 6600 kVA fil-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.
Gass naturali
(101) Il-prezz tal-gass naturali għall-utenti industrijali fl-Indoneżja huwa ppubblikat mill-Ministeru tal-Enerġija u r-Riżorsi Naturali f’Deċiżjoni Ministerjali. Il-Kummissjoni użat il-prezz tal-gass għall-utenti industrijali fl-Indoneżja kif ippubblikat mill-Ministeru tal-Enerġija u r-Riżorsi Naturali fid-Deċiżjoni Ministerjali tiegħu 91.K/MG.01/MEM.M/2023. Il-Kummissjoni użat il-prezzijiet tal-gass industrijali għall-kumpaniji kimiċi fil-Java tal-Punent, fejn tinsab Pindo Deli, għal kull m3, li jkopru l-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami.
Kostijiet ġenerali tal-manifattura, kostijiet SG&A u profitti
(102) Skont l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali maħdum għandu jinkludi ammont raġonevoli u mingħajr distorsjoni għal kostijiet amministrattivi, tal-bejgħ u ġenerali u għal profitti. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi stabbilit valur għall-kostijiet ġenerali tal-manifattura biex ikopri l-kostijiet mhux inklużi fil-fatturi tal-produzzjoni msemmija hawn fuq.
(103) Il-Kummissjoni użat id-data rrapportata fir-rapporti finanzjarji ta’ Pindo Deli bħala l-bażi għall-istabbiliment tal-SG&A u l-perċentwali tal-profitti biex jinħadem il-valur normali, ara l-premessi (70) sa (80).
(104) L-ispejjeż ġenerali tal-manifattura mġarrba mill-produtturi esportaturi li kkooperaw ġew espressi bħala sehem mill-kostijiet tal-manifattura effettivament imġarrba mill-produtturi esportaturi. Dan il-persentaġġ ġie applikat għall-kostijiet tal-manifattura mingħajr distorsjoni.
Kalkolu tal-valur normali
(105) Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ħadmet il-valur normali għal kull tip ta’ prodott fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika, f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.
(106) L-ewwel nett, il-Kummissjoni stabbiliet il-kostijiet tal-manifattura mingħajr distorsjoni. Il-Kummissjoni applikat il-kostijiet ta’ unità mingħajr distorsjoni għall-konsum reali tal-fatturi individwali tal-produzzjoni tal-produtturi esportaturi li kkooperaw. Dawn il-proporzjonijiet tal-konsum ipprovduti minn Jiheng, Bai Kang u Puyang Cleanway ġew ivverifikati. Il-Kummissjoni mmultiplikat il-proporzjonijiet tal-konsum bil-kostijiet mhux distorti għal kull unità osservati fil-pajjiż rappreżentattiv, l-Indoneżja, kif deskritt fit-Taqsima 3.2.2.7.
(107) Ladarba ġie stabbilit il-kost mingħajr distorsjoni tal-manifattura, il-Kummissjoni żiedet il-kostijiet ġenerali tal-manifattura, l-SG&A u l-profitt kif stabbilit fil-premessi (102) sa (104). L-SG&A u l-profitt ġew iddeterminati abbażi tar-rapporti finanzjarji ta’ Pindo Deli għall-RIP kif huwa rrapportat fil-kontijiet awditjati tal-kumpanija (ara l-premessa (103)). Il-Kummissjoni żiedet l-entrati li ġejjin fil-kostijiet mingħajr distorsjoni tal-manifattura:
L-SG&A u kostijiet oħra, li kienu jammontaw għal 13,99 % tal-Kostijiet tal-Oġġetti Mibjugħa (COGS, Cost of Goods Sold) ta’ Pindo Deli, u
Il-profitt kif miksub minn Pindo Deli, li jammonta għal 22,29 % tal-COGS, ġie applikat għall-kostijiet totali mingħajr distorsjoni tal-manifattura tal-produtturi esportaturi li kkooperaw.
(108) Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni ħadmet il-valur normali għal kull tip ta’ prodott fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika f’konformità mal-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku.
Prezz tal-esportazzjoni
(109) Hebei Jiheng Chemical Co. Ltd. (Jiheng) u Puyang Cleanway Chemicals Co. Ltd (Puyang Cleanway) esportaw lejn l-Unjoni direttament lil klijenti indipendenti. Hebei Ji Heng Bai Kang Chemical Industry Co., Ltd. (Bai Kang) esportat lejn l-Unjoni permezz ta’ Jiheng, li taġixxi bħala negozjant relatat għall-esportazzjonijiet kollha tiegħu tal-prodott taħt rieżami lejn l-Unjoni.
(110) Għal Jiheng u Puyang Cleanway, li jesportaw il-prodott taħt rieżami direttament lil klijenti indipendenti fl-Unjoni, il-prezz tal-esportazzjoni kien il-prezz effettivament imħallas jew pagabbli għall-prodott taħt rieżami meta jinbiegħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni, f’konformità mal-Artikolu 2(8) tar-Regolament bażiku.
Tqabbil
(111) L-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku jirrikjedi li l-Kummissjoni tagħmel tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni fl-istess livell tal-kummerċ u li tagħmel konċessjonijiet għad-differenzi fil-fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet. Fil-każ inkwistjoni, il-Kummissjoni għażlet li tqabbel il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun fil-livell tal-kummerċ mill-fabbrika. Kif spjegat aktar hawn taħt, meta jkun xieraq, il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ġew aġġustati sabiex: (i) jiġu nnettjati lura għal-livell mill-fabbrika; u (ii) isiru konċessjonijiet għad-differenzi fil-fatturi li ġew iddikjarati, u murija, li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet.
Aġġustamenti magħmula għall-valur normali
(112) Il-valur normali ġie stabbilit fil-livell tal-kummerċ mill-fabbrika billi ntużaw il-kostijiet tal-produzzjoni flimkien mal-ammonti għall-SG&A u għall-profitt, li tqiesu raġonevoli għal dak il-livell ta’ kummerċ. Għalhekk, ma kien neċessarju l-ebda aġġustament biex il-valur normali jiġi nnettjat lura għal-livell mill-fabbrika.
Aġġustamenti magħmula għall-prezz tal-esportazzjoni
(113) Sabiex il-prezz tal-esportazzjoni jiġi nnettjat lura għal-livell ta’ kummerċ mill-fabbrika, saru aġġustamenti minħabba l-kostijiet relatati mat-trasport, l-assigurazzjoni, l-immaniġġar u t-tagħbija, il-kummissjonijiet, il-kostijiet tal-kreditu u l-imposti bankarji.
(114) Sar aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) għall-bejgħ kollu ta’ prodotti mmanifatturati minn Bai Kang esportati lejn l-UE esklużivament permezz ta’ Jiheng. Abbażi tad-dokumenti ta’ politika, il-fatturi u l-bqija tad-dokumentazzjoni tat-tranżazzjonijiet, il-Kummissjoni sabet li Jiheng wettqet funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq bażi ta’ kummissjoni. F’dan il-kuntest, meta jitqies li Jiheng ġiet remunerata għas-servizzi tagħha permezz ta’ marġni kummerċjali, biex tinħadem il-kummissjoni għall-fini tal-aġġustament intużaw il-kostijiet SG&A tagħha u profitt nozzjonali ta’ 5 %. Il-Kummissjoni qieset li profitt ta’ 5 % kien stima raġonevoli bbażata fuq il-marġni ta’ importaturi mhux relatati użat f’każijiet simili. Jiheng wettqet l-istess funzjonijiet fir-rigward tal-bejgħ domestiku ta’ Bai Kang, b’dan tal-aħħar ikollu bejgħ dirett, għalkemm limitat ħafna, għall-esportazzjoni barra mill-UE.
Marġnijiet tad-dumping
(115) Għall-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, il-Kummissjoni qabblet il-valur normali medju ponderat ta’ kull tip ta’ prodott simili mal-prezz tal-esportazzjoni medju ponderat tat-tip korrispondenti tal-prodott ikkonċernat biex tikkalkula l-marġni tad-dumping, f’konformità mal-Artikolu 2(11) u (12) tar-Regolament bażiku.
(116) Ġie kkalkulat marġni tad-dumping uniku għal Hebei Jiheng Group, li jinkludi l-produtturi esportaturi Jiheng u Bai Kang.
(117) Il-livell ta’ kooperazzjoni f’dan il-każ kien baxx minħabba li l-esportazzjonijiet tal-produtturi esportaturi li kkooperaw kienu jikkostitwixxu biss 72 % tal-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni mir-RPĊ matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tar-rieżami. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li tistabbilixxi l-marġni tad-dumping għall-pajjiż kollu applikabbli għall-produtturi esportaturi l-oħrajn kollha li ma kkooperawx fil-livell tal-marġni tad-dumping tat-tip ta’ prodott l-aktar esportat lejn l-UE mill-produtturi esportaturi li kkooperaw, jiġifieri 201,3 %.
(118) Bħala konklużjoni, il-marġnijiet tad-dumping definittivi, espressi bħala perċentwal tal-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej: Kumpanija Marġni tad-Dumping Definittiv (%) Hebei Jiheng Group (Hebei Jiheng Chemical Co. Ltd. u Hebei Ji Heng Bai Kang Chemical Industry Co., Ltd) 164,2 Puyang Cleanway Chemicals Co. Ltd. 165,5 Il-kumpaniji l-oħrajn kollha 201,3
Natura dejjiema taċ-ċirkostanzi mibdula
(119) F’konformità mal-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni analizzat jekk il-bidla fiċ-ċirkostanzi fir-rigward tad-dumping tistax b’mod raġonevoli tingħad li hija ta’ natura permanenti.
(120) Il-Kummissjoni osservat li l-volum tal-esportazzjonijiet tat-TCCA mir-RPĊ lejn l-UE żdied minn 21800 tunnellata matul il-perjodu ta’ investigazzjoni oriġinali, mill-1 ta’ April 2003 sal-31 ta’ Marzu 2004, għal 32000 tunnellata fl-RIP u b’hekk żdied b’madwar 47 %.
(121) Il-Kummissjoni nnotat ukoll li d-data f’kull rieżami ta’ skadenza mwettaq mill-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali wriet żieda sinifikanti fil-kapaċità u fil-kapaċità ta’ riżerva fir-RPĊ. Abbażi tal-konklużjonijiet tat-tieni rieżami ta’ skadenza, il-kapaċità tal-produzzjoni tal-industrija Ċiniża tat-TCCA kienet stmata għal 278000 tunnellata b’kapaċità ta’ riżerva ta’ 130000 tunnellata, filwaqt li l-konklużjonijiet tat-tielet rieżami ta’ skadenza jindikaw kapaċità tal-produzzjoni Ċiniża stmata għal 755000 tunnellata, b’kapaċità ta’ riżerva ta’ 510000 tunnellata.
(122) Fid-dawl tad-data makro li indikat żieda dejjiema fil-kapaċità tal-produzzjoni tal-industrija tar-RPĊ, l-evoluzzjoni tal-kapaċità tal-produtturi esportaturi li kkooperaw ġiet investigata u vverifikata. Mill-2005, Puyang Cleanway żiedet il-kapaċità tal-produzzjoni darbtejn, u investiet [40-50] miljun RMB, b’aktar mid-doppju tal-output finali tagħha ta’ TCCA minn madwar 30000 għal madwar 70000 tunnellata. Fl-istess perjodu, Jiheng ittriplikat il-kapaċità tal-produzzjoni tagħha minn 10000 għal 30000 tunnellata permezz ta’ investiment kbir, u ħolqot il-produttur esportatur relatat, Bai Kang. Din l-evoluzzjoni kkonfermat ix-xejriet murija mid-data makroekonomika, kif spjegat fil-premessa preċedenti.
(123) Il-Kummissjoni qabblet ukoll l-evoluzzjoni tal-għadd ta’ produtturi magħrufa tat-TCCA fir-RPĊ mill-impożizzjoni tal-miżuri oriġinali. Il-formola tal-kampjunar intbagħtet lil 12-il produttur magħruf fl-2005, filwaqt li fl-aħħar rieżami ta’ skadenza l-Kummissjoni kkuntattjat lil 73 produttur esportatur potenzjali. Din iż-żieda qawwija ħafna fl-għadd ta’ produtturi tat-TCCA fiċ-Ċina mill-2005 ġiet ikkorroborata mill-Kummissjoni Internazzjonali tal-Kummerċ tal-Istati Uniti fit-tielet rieżami tagħha tal-Isoċjanurati Klorinati miċ-Ċina u minn Spanja.
(124) Barra minn hekk, fit-tielet rieżami ta’ skadenza, il-Kummissjoni ddeterminat li l-industrija tat-TCCA kienet soġġetta fir-RPĊ, kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak reġjonali, għal politiki li jiggwidaw il-funzjonament tas-settur li għandhom l-għan li jżidu l-kapaċità tal-produzzjoni. Il-fergħa tal-industrija kimika li tipproduċi ċerti materjali ta’ input għall-produzzjoni tat-TCCA, skont il-Katalgu ta’ Gwida tal-2019 għall-Aġġustament Strutturali tal-Industrija, kienet ristretta għall-parteċipazzjoni barranija. Il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li tali politiki u restrizzjonijiet ħolqu distorsjoni fil-kostijiet tal-produtturi esportaturi fir-RPĊ.
(125) Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq u fid-dawl taż-żieda fl-importazzjonijiet fl-RIP bi prezzijiet oġġett ta’ dumping baxxi ħafna, il-Kummissjoni kkonkludiet li r-rekwiżit fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku, jiġifieri l-miżura eżistenti... ma għadhiex biżżejjed sabiex tirribatti d-dumping ġie ssodisfat.
(126) Hebei Jiheng Group, Heze Huayi u Puyang Cleanway argumentaw li l-bidla fiċ-ċirkostanzi fir-rigward tad-dumping ma setgħetx raġonevolment titqies li hija ta’ natura dejjiema, ara l-premessa (14), filwaqt li asserew li ma kien hemm l-ebda evidenza suffiċjenti sottomessa mill-applikanti ta’ bidla fl-għadd ta’ produtturi Ċiniżi li jesportaw lejn l-UE u tal-allegata kapaċità żejda, filwaqt li argumentaw ukoll li żieda fl-importazzjonijiet u ċerti politiki tal-gvern ġenerali u mhux vinkolanti ma jikkostitwixxux evidenza suffiċjenti ta’ bidla dejjiema fiċ-ċirkostanzi.
(127) Il-Kummissjoni nnotat li s-sejbiet tagħha fir-rigward tal-eżistenza ta’ ċirkostanzi dejjiema relatati mad-dumping ma kinux ibbażati fuq it-talba iżda fuq ir-riżultati tal-investigazzjoni, kemm fil-livell makro kif ukoll fil-livell tal-produtturi esportaturi li kkooperaw li kienu jirrappreżentaw 72 % tal-esportazzjonijiet totali lejn l-Unjoni fl-RIP. L-investigazzjoni żvelat li kien hemm żieda sinifikanti fl-esportazzjonijiet, fl-għadd ta’ produtturi esportaturi, fil-kapaċità tal-produzzjoni u fil-kapaċità ta’ riżerva, ara l-premessi (121) sa (123). Għalkemm żieda fl-esportazzjonijiet jew l-eżistenza ta’ politiki governattivi rilevanti, waħedhom, mhux dejjem jistgħu jikkostitwixxu raġunijiet suffiċjenti għal sejba ta’ ċirkostanzi dejjiema relatati mad-dumping, f’dan il-każ id-daqs taż-żieda appoġġa s-sejbiet tiegħu kif stabbilit hawn fuq. Għaldaqstant, dawn l-argumenti ġew miċħuda.
MIŻURI ANTI-DUMPING
(128) Skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament bażiku u f’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, għandu jiġi impost dazju anti-dumping fuq l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat li joriġina mir-RPĊ fil-livell tal-inqas marġni tad-dannu li fuqu huma bbażati l-miżuri fis-seħħ u l-marġnijiet tad-dumping misjuba fir-rieżami interim attwali.
(129) Bai Kang kienet relatata ma’ Jiheng, li għandha l-marġni individwali tagħha stess mill-investigazzjoni oriġinali fl-2005, ara l-premessa (27). Bai Kang ġiet stabbilita fl-2009, u bdiet il-produzzjoni fl-2010. Bai Kang qatt ma ppreżentat ruħha lill-Kummissjoni qabel l-investigazzjoni attwali, u għalhekk ma għandha l-ebda marġni tad-dannu individwali. Għalhekk, il-marġni tad-dannu ta’ Jiheng, li jirriżulta mill-investigazzjoni oriġinali se jiġi impost kemm fuq Jiheng kif ukoll fuq Bai Kang, li huma l-produtturi esportaturi ta’ Hebei Jiheng Group, bħala d-dazju anti-dumping definittiv.
(130) Fl-investigazzjoni oriġinali fl-2005, ma kien hemm l-ebda kampjunar peress li l-produtturi esportaturi kollha tar-RPĊ li kkooperaw ġew investigati. Il-marġni tad-dannu għall-pajjiż kollu għall-kumpaniji kollha tar-RPĊ kien ibbażat fuq l-inqas marġni tad-dannu li nstab fl-istadju proviżorju. Id-dazju anti-dumping definittiv kien ibbażat fuq il-marġnijiet tad-dumping. Mandakollu, fl-investigazzjoni preżenti, l-impożizzjoni tal-marġni tad-dannu għall-pajjiż kollu (60,6 %), ikkalkulat fl-investigazzjoni oriġinali bħala d-dazju anti-dumping, kienet twassal għal sitwazzjoni li fiha id-dazju għall-kumpaniji li ma kkooperawx ikun aktar baxx minn dak għall-produtturi esportaturi li jikkooperaw. Fl-investigazzjoni oriġinali, il-marġnijiet tad-dannu ta’ Jiheng u Puyang Cleanway kienu ogħla mir-rata għall-pajjiż kollu. Għalhekk, il-Kummissjoni imponiet l-ogħla wieħed miż-żewġ marġnijiet tad-dannu kkalkulati fl-investigazzjoni oriġinali bħala r-rata tad-dazju għall-pajjiż kollu.
(131) Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-rati tad-dazju anti-dumping definittivi, espressi skont il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju doganali mhux imħallas, jenħtieġ li jkunu kif ġej: Kumpanija Marġni tad-dumping (%) Marġni tad-dannu (%) Dazju anti-dumping definittiv (%) Hebei Jiheng Group (Hebei Jiheng Chemical Co. Ltd. u Hebei Ji Heng Bai Kang Chemical Industry Co., Ltd) 164,2 62,6 62,6 Puyang Cleanway Chemicals Co. Ltd. 165,5 78,9 78,9 Il-kumpaniji l-oħrajn kollha 201,3 78,9 78,9
(132) Sabiex jiġu mminimizzati r-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza fir-rati tad-dazju, huma meħtieġa miżuri speċjali biex tiġi żgurata l-applikazzjoni tad-dazji anti-dumping individwali. Il-kumpaniji b’dazji anti-dumping individwali jeħtiġilhom jippreżentaw fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament. L-importazzjonijiet li ma jkunux akkumpanjati minn dik il-fattura jenħtieġ li jkunu soġġetti għad-dazju anti-dumping applikabbli għall-Kumpaniji l-oħrajn kollha.
(133) Filwaqt li l-preżentazzjoni ta’ din il-fattura hija meħtieġa biex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali fuq l-importazzjonijiet, din mhijiex l-uniku element li għandu jitqies mill-awtoritajiet doganali. Tabilħaqq, anke jekk jiġu ppreżentati b’fattura li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jeħtiġilhom iwettqu l-verifiki tas-soltu tagħhom u jistgħu, bħal fil-każijiet l-oħrajn kollha, jirrikjedu dokumenti addizzjonali (dokumenti tat-trasport, eċċ.) bil-għan li jkunu jistgħu jivverifikaw l-akkuratezza tad-dettalji li jkun hemm fid-dikjarazzjoni u jiżguraw li l-applikazzjoni sussegwenti tar-rata tad-dazju aktar baxxa tkun ġustifikata, f’konformità mal-liġi doganali.
(134) Jekk l-esportazzjonijiet minn waħda mill-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati tad-dazju individwali aktar baxxi jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-volum wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, tali żieda fil-volum tista’ titqies bħala waħda li fiha nnifisha tikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ minħabba l-impożizzjoni ta’ miżuri skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’ċirkostanzi bħal dawn u dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet, tista’ tinbeda investigazzjoni antiċirkomvenzjoni. Din l-investigazzjoni tista’, fost l-oħrajn, teżamina l-ћtieġa għat-tneћћija tar-rati tad-dazju individwali u għall-impożizzjoni konsegwenti tad-dazju madwar il-pajjiż kollu.
(135) Ir-rati ta’ dazju anti-dumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament japplikaw biss għall-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami li joriġinaw mir-RPĊ u mmanifatturat mill-entitajiet legali msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott taħt rieżami mmanifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija b’mod speċifiku fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk speċifikament imsemmija, jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-Kumpaniji l-oħrajn kollha. Jenħtieġ li dawn ma jkunu soġġetti għall-ebda waħda mir-rati tad-dazju anti-dumping individwali.
(136) Kumpanija tista’ titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali jekk hija sussegwentement tbiddel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tkun indirizzata lill-Kummissjoni. Din irid ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li tippermetti li jintwera li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma taffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, se jiġi ppubblikat Regolament dwar il-bidla tal-isem f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
(137) Il-partijiet interessati kollha ġew informati bil-fatti u bil-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kien maħsub li jiġi rrakkomandat li jinżammu l-miżuri eżistenti u li jiġu imposti dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet tat-TCCA miċ-Ċina. Huma ngħataw ukoll perjodu biex jagħmlu rappreżentazzjonijiet wara d-divulgazzjoni. Il-kummenti sottomessi mill-partijiet interessati ġew ikkunsidrati sewwa u, fejn kien xieraq, is-sejbiet ġew immodifikati kif xieraq.
(138) Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, meta jkollu jiġi rrimborżat ammont wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jenħtieġ li l-imgħax li għandu jitħallas ikun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin tiegħu, kif ippubblikat fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar.
(139) Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Dazju anti-dumping definittiv huwa b’dan impost fuq l-importazzjonijiet tal-aċidu triklorojsoċjanuriku u l-preparazzjonijiet tiegħu, magħruf ukoll bħala simklożen skont id-denominazzjoni internazzjonali komuni (INN), li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex29336980 u ex38089420 (il-kodiċijiet TARIC 2933698070, 3808942020) u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.
2. Ir-rati tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u mmanifatturat mill-kumpaniji elenkati hawn taħt għandhom ikunu kif ġejjin: Pajjiż ta’ oriġini Kumpanija Dazju anti-dumping Kodiċi addizzjonali TARIC Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina Hebei Jiheng Group (Hebei Jiheng Chemical Co. Ltd. u Hebei Ji Heng Bai Kang Chemical Industry Co., Ltd.) 62,6 % 89XG Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina Puyang Cleanway Chemicals Co. Ltd. 78,9 % A628 Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina Il-kumpaniji l-oħrajn kollha 78,9 % A999
3. L-applikazzjoni tar-rati tad-dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 għandha ssir bil-kundizzjoni li tiġi ppreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha għandha tidher dikjarazzjoni datata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ tali fattura, identifikat b’ismu u l-kariga tiegħu, abbozzata kif ġej: Jien, is-sottoskritt, niċċertifika li l-(volum) tal-(prodott taħt rieżami) mibjugħ biex jiġi esportat lejn l-Unjoni Ewropea u kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (l-isem u l-indirizz tal-kumpanija) (kodiċi addizzjonali TARIC) fi [pajjiż ikkonċernat]. Jiena niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f’din il-fattura hija kompluta u korretta. Jekk ma tiġix ippreżentata fattura bħal din, għandu japplika d-dazju applikabbli għall-kumpaniji l-oħrajn kollha.
4. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.
Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Novembru 2025. Għall-Kummissjoni Il-President Ursula von der Leyen