Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/2408 tal-1 ta’ Diċembru 2025 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1134 dwar miżuri għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni, l-istabbiliment u t-tixrid fit-territorju tal-Unjoni tas-Spodoptera frugiperda (Smith) fir-rigward tal-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/regulation/2025/2408@2025-12-01/mt
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar il-miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 228/2013, (UE) Nru 652/2014 u (UE) Nru 1143/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 69/464/KEE, 74/647/KEE, 93/85/KEE, 98/57/KE, 2000/29/KE, 2006/91/KE u 2007/33/KE, u b’mod partikolari l-Artikolu 28(1), il-punti (a), (b), (d), (e), (f), (h) u (i), u l-Artikolu 41(2) u l-Artikolu 72(3) tiegħu,
Billi:
(1) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2023/1134 jistabbilixxi miżuri għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni, l-istabbiliment u t-tixrid fit-territorju tal-Unjoni tas-Spodoptera frugiperda (Smith) (il-pest speċifikat).
(2) Dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni japplika sal-31 ta’ Diċembru 2025 biex ikunu possibbli evalwazzjoni u rieżami addizzjonali tat-tixrid tal-pest speċifikat, il-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fir-rigward tal-pest speċifikat u l-effettività tal-miżuri meħuda fit-territorju tal-Unjoni.
(3) Meta wieħed iqis li l-introduzzjoni ta’ ċerti pjanti hi relatata mar-riskju tat-tixrid tal-pest speċifikat fl-Unjoni, dawk il-pjanti ġew elenkati fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1134, soġġetti għal rekwiżiti speċjali għall-importazzjoni tagħhom. Abbażi tar-rieżami previst f’dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, ir-rekwiżiti speċjali rispettivi li jikkonċernaw il-pjanijiet ta’ kontinġenza, iż-żoni demarkati, il-miżuri ta’ qerda u r-rapportar, jenħtieġ li jinżammu mingħajr limitu ta’ żmien peress li skont l-esperjenza eżistenti, urew li huma l-aktar xierqa biex jindirizzaw ir-riskju tal-pest speċifikat.
(4) Madankollu, ir-rekwiżiti li jikkonċernaw l-introduzzjoni u l-moviment fl-Unjoni tal-frott tal-Capsicum L., tal-Momordica L., tas-Solanum aethiopicum L., tas-Solanum macrocarpon L., tas-Solanum melongena L., il-pjanti tal-Asparagus officinalis L., għajr iz-zkuk koperti tul ħajjithom kollha bil-ħamrija, l-għabra tad-dakra ħaj, il-kulturi tat-tessuti tal-pjanti u ż-żrieragħ, u l-pjanti taż-Zea mays L., għajr l-għabra tad-dakra ħaj, il-kulturi tat-tessuti tal-pjanti, iż-żrieragħ u l-ħbub, jenħtieġ li japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2028. Dan meħtieġ biex jingħata żmien biżżejjed ħalli tinkiseb valutazzjoni addizzjonali dwar il-perkorsi tal-pest speċifikat, u l-aktar miżuri xierqa biex jiġi indirizzat ir-riskju fitosanitarju rispettiv.
(5) Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1134 jiġi emendat kif xieraq.
(6) Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 Emenda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1134
L-Artikolu 15 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2023/1134 huwa sostitwit b’dan li ġej:
Artikolu 15 Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-Artikoli 10 u 11 għandhom japplikaw sal-31 ta’ Diċembru 2028.
Artikolu 2 Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, l-1 ta’ Diċembru 2025. Għall-Kummissjoni Il-President Ursula von der Leyen