Gelex

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/24 tad-19 ta’ Diċembru 2024 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 965/2012 fir-rigward tar-rekwiżiti għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru relatati mal-attivitajiet tas-servizzi fuq l-art (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

In forceVersion 2024-12-19from 2025-03-27
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/regulation/2025/24@2024-12-19/mt

Contents
  1. Preamble
  2. Artikolu 2 Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
  3. ANNEX
  4. 1.
  5. 2.
  6. (1)
  7. (2)
  8. ORO.GEN.315
  9. 3.
  10. (1)
  11. CAT.GEN.MPA.220
  12. (2)
  13. (3)
  14. CAT.POL.MAB.110

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91, u b’mod partikolari l-Artikolu 31(1)(a) tiegħu,

Billi:

(1) Ir-Regolament (UE) 2018/1139 jistabbilixxi r-rekwiżiti essenzjali għall-forniment sikur tas-servizzi fuq l-art mill-organizzazzjonijiet li jipprovdu s-servizzi fuq l-art u mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jwettqu l-awtoforniment tas-servizzi.

(2) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru, u fost l-oħrajn, mal-istruzzjonijiet u mal-proċeduri għall-persunal involut fl-operazzjonijiet fuq l-art, id-dmirijiet, ir-responsabbiltajiet, u t-taħriġ tal-persunal involut fl-operazzjonijiet fuq l-art, u l-attivitajiet kuntrattati tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru. Tali rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi jenħtieġ li jiġu aġġornati, iċċarati u allinjati mar-rekwiżiti dwar is-servizzi fuq l-art u l-organizzazzjonijiet li jipprovduhom kif stabbilit fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2025/20.

(3) Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ sikurezza tal-avjazzjoni ċivili fl-Unjoni, dan ir-Regolament jenħtieġ li jirrifletti l-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku u l-aħjar prattiki fil-qasam tas-servizzi fuq l-art; jenħtieġ li jqis l-Istandards u l-Prattiki Rakkomandati applikabbli tal-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali; jenħtieġ li jqis l-esperjenza dinjija tal-operazzjonijiet tas-servizzi fuq l-art, kif ukoll il-progress xjentifiku u tekniku fil-qasam tas-servizzi fuq l-art; jenħtieġ li jkun proporzjonat għad-daqs u għall-kumplessità tal-attivitajiet tas-servizzi fuq l-art; u jenħtieġ li jipprevedi l-flessibbiltà meħtieġa għall-konformità personalizzata.

(4) Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 965/2012 jiġi emendat biex jakkomoda l-bidliet li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet dwar is-servizzi fuq l-art stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2025/20, kemm meta dawn is-servizzi jiġu kuntrattati lil fornitur tas-servizzi fuq l-art li jkun parti terza kif ukoll meta jitwettqu bħala awtoforniment tas-servizzi mill-operaturi tal-inġenji tal-ajru tat-trasport kummerċjali bl-ajru b’inġenji tal-ajru kumplessi li jaħdmu bil-magni.

(5) Ir-rekwiżiti tas-servizzi fuq l-art applikabbli għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru jintroduċu termini ġodda biex jiddefinixxu l-kompiti u l-proċessi tas-servizzi fuq l-art, u għalhekk jenħtieġ li jiżdiedu definizzjonijiet ġodda għal dawn it-termini.

(6) L-organizzazzjonijiet kollha fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1139 huma responsabbli għall-ġestjoni tar-riskji għas-sikurezza u għandhom l-għan li jtejbu s-sikurezza b’mod kontinwu, inkluż il-kondiviżjoni reċiproka tal-informazzjoni rilevanti għas-sikurezza. L-iskop hu li jiġi żgurat approċċ komuni meta jiġu indirizzati r-riskji għas-sikurezza tal-interfaċċi fl-operazzjonijiet tas-servizzi fuq l-art, lil hinn mill-obbligi tar-rapportar tal-okkorrenzi. Dan l-approċċ ilesti l-obbligi tar-rapportar tal-okkorrenzi lill-awtoritajiet kompetenti u jiżgura fluss iktar dirett ta’ informazzjoni dwar is-sikurezza fost il-partijiet ikkonċernati. Għalhekk, ir-regoli jenħtieġ li jiġu emendati biex l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jkunu jistgħu jikkondividu l-informazzjoni rilevanti dwar is-sikurezza li tirriżulta mir-rapporti dwar l-okkorrenzi jew mill-ispezzjonijiet u mill-awditi ta’ sorveljanza ma’ organizzazzjonijiet oħra biex jappoġġawhom fiż-żamma tas-sikurezza tal-operazzjonijiet tagħhom stess.

(7) Ir-rekwiżiti essenzjali tar-Regolament (UE) 2018/1139 jobbligaw lill-organizzazzjonijiet jipprovdu servizzi fuq l-art f’konformità mal-istruzzjonijiet u mal-proċeduri operazzjonali tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru. Il-proċeduri operazzjonali għall-istess servizz fuq l-art applikati għall-istess tip ta’ inġenju tal-ajru jistgħu jvarjaw b’mod sinifikanti bejn l-operaturi tal-inġenji tal-ajru, u dan iżid ir-riskju ta’ żball uman peress li jista’ jwassal għal ħsara lill-inġenji tal-ajru u jipperikola s-sikurezza tat-titjiriet. Għalhekk, l-armonizzazzjoni ta’ diversi proċeduri operazzjonali hija essenzjali għall-forniment sikur u effiċjenti tas-servizzi fuq l-art. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jippermetti t-tnaqqis kemm jista’ jkun tal-bosta proċeduri operazzjonali differenti għall-istess servizz fuq l-art applikati għall-istess tip ta’ inġenju tal-ajru u jenħtieġ li jiżgura l-armonizzazzjoni ta’ dawk il-proċeduri. Peress li l-organizzazzjonijiet tas-servizzi fuq l-art huma meħtieġa jiżviluppaw il-proċeduri operazzjonali tagħhom stess għall-forniment tas-servizzi fuq l-art, filwaqt li jagħtu prijorità lis-sikurezza u jżommu bilanċ bejn is-sikurezza u l-pressjoni kummerċjali, ir-regoli dwar l-operazzjonijiet bl-ajru jenħtieġ li jiġu emendati biex l-operaturi tal-inġenji tal-ajru jkunu jistgħu jaqblu li l-organizzazzjoni tas-servizzi fuq l-art li tiddikjara l-attività tagħha f’konformità mar-Regolament Delegat (UE) 2025/20 tapplika l-proċeduri operazzjonali tagħha stess għall-forniment tas-servizzi fuq l-art.

(8) Sabiex jiġu żgurati l-proporzjonalità tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-allinjament mar-Regolament Delegat (UE) 2025/20, huma biss l-operaturi tal-ajruplani li jwettqu operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru b’inġenji tal-ajru kumplessi li jaħdmu bil-magni meta jwettqu l-awtoforniment tas-servizzi li se jiġu affettwati mir-responsabbiltajiet il-ġodda relatati mas-servizzi fuq l-art. Ir-regoli dwar l-operazzjonijiet bl-ajru jenħtieġ li jkun fihom ir-rabta meħtieġa mar-Regolament Delegat (UE) 2025/20, u b’hekk tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni. Fl-istess ħin, ir-rekwiżiti jenħtieġ li jipprovdu linja bażi tas-sikurezza għall-forniment ta’ servizzi fuq l-art li huma esklużi mir-Regolament Delegat (UE) 2025/20 u jibqgħu taħt ir-responsabbiltà u l-kontroll sħaħ tal-operatur tal-inġenji tal-ajru.

(9) L-operaturi tal-inġenji tal-ajru huma responsabbli għat-twettiq ta’ ċerti attivitajiet tas-servizzi fuq l-art li jibqgħu taħt il-kontroll sħiħ tagħhom u li mhumiex koperti mir-Regolament Delegat (UE) 2025/20. Dan huwa l-każ tas-superviżjoni fuq l-art meta din l-attività titwettaq bħala awtoforniment tas-servizzi minn kwalunkwe operatur, bil-persunal tiegħu stess, kif ukoll ċerti fażijiet tal-proċess ta’ kontroll tat-tagħbija, jiġifieri l-kalkoli tal-massa u tal-bilanċ, l-ippjanar tat-tagħbija, il-ħruġ ta’ dokumenti tal-massa u tal-bilanċ, u komunikazzjonijiet relatati, irrispettivament minn jekk dawn l-attivitajiet jitwettqux bħala awtoforniment tas-servizzi jew jiġu esternalizzati bħala servizzi kuntrattati. Ir-regoli dwar l-operazzjonijiet bl-ajru jenħtieġ li jiġu emendati biex jiċċaraw ir-responsabbiltajiet tal-operatur fir-rigward ta’ dawn l-attivitajiet tas-servizzi fuq l-art.

(10) Il-programm ta’ taħriġ għall-persunal tas-servizzi fuq l-art tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru li jwettqu awtoforniment tas-servizzi jenħtieġ li jiġi inkluż ukoll fil-manwal tal-operazzjonijiet tagħhom mingħajr ebda approvazzjoni mill-awtorità kompetenti. Madankollu, sabiex jiġi żgurat trattament ugwali għall-organizzazzjonijiet kollha li jipprovdu s-servizzi fuq l-art, il-programm ta’ taħriġ inkluż fil-manwal tal-operazzjonijiet jenħtieġ li jkun soġġett biss għal verifika matul l-attivitajiet regolari tas-sorveljanza. Ir-rekwiżit rilevanti tal-operazzjonijiet bl-ajru jenħtieġ li jiġi emendat kif xieraq biex jirrifletti dan it-trattament ugwali.

(11) Il-kontroll tat-tagħbija huwa proċess tas-servizzi fuq l-art li huwa kemm kritiku għas-sikurezza kif ukoll kumpless. Il-proċess tal-kontroll tat-tagħbija jikkonsisti f’diversi fażijiet u jimplika allokazzjoni ċara tal-kompiti u tar-responsabbiltajiet fost il-persuni involuti fit-twettiq tagħhom. Il-kalkoli tal-massa u tal-bilanċ, l-ippjanar tat-tagħbija, il-ħruġ tad-dokumenti dwar il-massa u l-bilanċ u l-komunikazzjonijiet relatati huma partijiet mill-proċess tal-kontroll tat-tagħbija li jibqgħu fil-kontroll u fir-responsabbiltà sħaħ tal-operatur tal-inġenji tal-ajru, peress li huma kompletament ibbażati fuq data pprovduta mill-manifattur tal-inġenji tal-ajru u mill-operatur tal-inġenji tal-ajru. Għalkemm l-operaturi tal-inġenji tal-ajru diġà huma midħla ta’ dan il-proċess u jiġi applikat bħala parti mis-sistema tal-kontroll operazzjonali tagħhom, ir-regoli attwali ma jiddefinixxux b’mod ċar il-proċess tal-kontroll tat-tagħbija u ma jidentifikawx id-diversi kompiti u responsabbiltajiet tal-persuni li jwettqu dawn l-attivitajiet. Peress li l-fażijiet tal-proċess tal-kontroll tat-tagħbija identifikati hawn fuq jistgħu jitwettqu mill-operatur tal-inġenji tal-ajru bħala awtoforniment tas-servizzi jew jiġu kuntrattati lil organizzazzjoni tas-servizzi fuq l-art bħala parti terza, huwa importanti li r-regoli jipprovdu ċarezza u ċertezza legali f’dan ir-rigward, kif ukoll kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-organizzazzjonijiet kollha li jwettqu dawn l-attivitajiet. Ir-rekwiżiti tal-operazzjonijiet bl-ajru jenħtieġ li jiġu emendati biex jiġi żgurat li l-funzjonijiet u r-responsabbiltajiet tal-kontroll tat-tagħbija tal-persuni involuti jiġu identifikati u deskritti fil-manwal tal-operazzjonijiet tal-operatur tal-inġenji tal-ajru.

(12) Ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament huma bbażati fuq l-Opinjoni Nru 01/2024 maħruġa mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (l-Aġenzija) f’konformità mal-Artikolu 75(2), il-punti (b) u (c), u mal-Artikolu 76(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139.

(13) Jeħtieġ li jingħata biżżejjed żmien lill-industrija tas-servizzi fuq l-art u lill-awtoritajiet kompetenti biex jimplimentaw il-qafas regolatorju l-ġdid wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, għaldaqstant jenħtieġ li f’dan ir-Regolament jiġi previst perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ 3 snin.

(14) Ir-rekwiżiti stipulati f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-applikazzjoni ta’ regoli komuni tas-sikurezza fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili stabbiliti mill-Artikolu 127 tar-Regolament (UE) 2018/1139,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1 L-Annessi I, III u IV tar-Regolament (UE) Nru 965/2012 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2 Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1. Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2. Għandu japplika minn tas-27 ta’ Marzu 2028.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, id-19 ta’ Diċembru 2024. Għall-Kummissjoni Il-President Ursula von der Leyen

ANNEX

ANNESS

L-Annessi għar-Regolament (UE) Nru 965/2012 huma emendati kif ġej:

1. Fl-Anness I jiżdiedu l-punti 130 u 131 li ġejjin:

1.

(130) superviżjoni fuq l-art tfisser servizz fuq l-art li jikkonsisti f’attivitajiet relatati mas-superviżjoni tas-servizzi kollha ta’ fuq l-art lil operatur f’ajrudrom. Dan is-servizz jista’ jiġi kuntrattat lil organizzazzjoni tas-servizzi fuq l-art jew jitwettaq mill-operatur tal-inġenji tal-ajru nnifsu, bħala awtoforniment tas-servizzi;

(131) kontroll tat-tagħbija tfisser proċess taħt ir-responsabbiltà tal-operatur tal-inġenji tal-ajru, biex jiġi żgurat li l-inġenju tal-ajru jitgħabba b’mod sikur u effiċjenti qabel kull titjira;;

2. L-Anness III huwa emendat kif ġej:

2.

(1) fil-punt ORO.GEN.150, jiżdied il-punt (d) li ġej:

(1)

(d) jinforma lil kwalunkwe organizzazzjoni kuntrattata tas-servizzi fuq l-art bl-azzjonijiet meħuda biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ konformità jekk dak in-nuqqas ta’ konformità jaffettwa direttament ir-riskju għas-sikurezza fi ħdan dik l-organizzazzjoni tas-servizzi fuq l-art, jew ir-responsabbiltajiet tagħha.;

(2) il-punt ORO.GEN.315 li ġej jiżdied fis-Subparti GEN, it-Taqsima III Rekwiżiti organizzazzjonali addizzjonali:

(2)

ORO.GEN.315 Proċeduri operazzjonali għas-servizzi fuq l-art

ORO.GEN.315

(a) L-operatur għandu jiżgura li s-servizzi fuq l-art għall-inġenji tal-ajru, għall-passiġġieri, għall-posta u għall-merkanzija tiegħu jiġu pprovduti bħala awtoforniment tas-servizzi mwettaq mill-persunal tiegħu stess jew bħala servizzi kuntrattati lil organizzazzjoni tas-servizzi fuq l-art bħala parti terza, jew bħala kombinament tat-tnejn.

(b) L-operatur għandu jiżgura li l-organizzazzjoni tas-servizzi fuq l-art bħala parti terza tipprovdi s-servizzi f’konformità mal-istruzzjonijiet u mal-proċeduri tal-operatur.

(c) Meta jikkuntratta s-servizzi fuq l-art elenkati fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2025/20 lil organizzazzjoni li topera skont it-termini ta’ dikjarazzjoni f’konformità ma’ dak ir-Regolament, l-operatur jista’ juża l-proċeduri operazzjonali tal-organizzazzjoni kuntrattata fi kwalunkwe wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(c)

(1) l-operatur jaqbel li l-organizzazzjoni tas-servizzi fuq l-art tapplika l-proċeduri operazzjonali tagħha stess għall-forniment tas-servizzi fuq l-art, f’konformità mal-punt GH.OPS.005(b) tar-Regolament Delegat (UE) 2025/20. Dan għandu jiġi ddokumentat;

(2) l-organizzazzjoni tas-servizzi fuq l-art li tipprovdi s-servizzi tkun iddikjarat li kapaċi twettaq ir-responsabbiltajiet assoċjati mas-servizzi pprovduti u li dik id-dikjarazzjoni hija valida;

(3) l-operatur ma jistax jipprovdi l-proċeduri u l-istruzzjonijiet tiegħu stess lill-organizzazzjoni tas-servizzi fuq l-art.

(d) Meta l-operatur jiżgura s-superviżjoni fuq l-art bil-persunal tiegħu stess bħala awtoforniment tas-servizzi jew jikkuntratta din l-attività lil fornitur tas-servizzi bħala parti terza, huwa għandu jiżgura li l-funzjoni tas-superviżjoni fuq l-art tikkonforma mal-punt ORO.GEN.110 u li l-operatur jinkludi l-elementi li ġejjin fil-manwal tal-operazzjonijiet tiegħu:

(d)

(1) deskrizzjoni tal-attivitajiet inklużi fl-ambitu tas-superviżjoni fuq l-art u kwalunkwe proċedura meħtieġa;

(2) ir-responsabbilitajiet assoċjati ma’ din il-funzjoni,

(3) il-programm ta’ taħriġ għal din il-funzjoni, b’enfasi fuq it-taħriġ dwar is-sikurezza meta din il-funzjoni jkollha kompiti relatati mas-sikurezza..

3. L-Anness IV huwa emendat kif ġej:

3.

(1) il-punt CAT.GEN.MPA.220 li ġej jiżdied fis-Subparti GEN, it-Taqsima I Inġenji tal-ajru li jaħdmu bil-magni:

(1)

CAT.GEN.MPA.220

Responsabbiltajiet addizzjonali għall-operaturi CAT tal-ajruplani kumplessi li jaħdmu bil-magni li jwettqu awtoforniment tas-servizzi

(a) L-operatur li jipprovdi kwalunkwe waħda mill-attivitajiet tas-servizzi fuq l-art elenkati fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament Delegat (UE) 2025/20 lilu nnifsu jew fi ħdan raggruppament kummerċjali uniku tat-trasportaturi tal-ajru (awtoforniment tas-servizzi) għandu jikkonforma mar-rekwiżiti applikabbli tal-Anness I u tal-Anness II ta’ dak ir-Regolament, għajr għar-rekwiżiti applikabbli għall-funzjoni tas-superviżjoni fuq l-art, li għandhom jikkonformaw mal-punt ORO.GEN.315.

(b) L-operatur għandu jissottometti l-programm ta’ taħriġ għall-persunal tas-servizzi fuq l-art tiegħu f’konformità mal-punt ORGH.GEN.145 tar-Regolament Delegat (UE) 2025/20 lill-awtorità kompetenti responsabbli għas-sorveljanza tal-attivitajiet tas-servizzi fuq l-art. Il-programm ta’ taħriġ dwar l-oġġetti perikolużi huwa soġġett għall-approvazzjoni f’konformità mal-punt ORO.GEN.110(j).;

(2) il-punt (b)(1) ta’ CAT.POL.MAB.105 huwa sostitwit b’dan li ġej:

(2)

(1) jivverifika l-integrità tad-data tal-output biex jiżgura li d-data tkun fi ħdan il-limitazzjonijiet tal-AFM jew il-limitazzjonijiet tal-manwal tal-operazzjonijiet jekk ikunu iktar restrittivi; u;

(3) jiżdied il-punt CAT.POL.MAB.110 li ġej:

(3)

CAT.POL.MAB.110

Proċess tal-kontroll tat-tagħbija L-operatur għandu jistabbilixxi u jimplimenta proċess tal-kontroll tat-tagħbija u proċeduri assoċjati, li għandhom jiġu inklużi fil-manwal tal-operazzjonijiet..

Versions

  1. 2024-12-19