Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/138 tal-15 ta’ Jannar 2026 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 dwar id-disinji tal-Unjoni Ewropea
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/regulation/2026/138@2026-01-15/mt
Contents
- Preamble
- Artikolu 1 Kontenut tal-applikazzjoni
- 1.
- Artikolu 2 Rappreżentazzjoni tad-disinn
- Artikolu 3 Talba għall-prijorità
- Artikolu 4 Prijorità ta’ wirja
- Artikolu 5 Kontenut tal-pubblikazzjoni ta’ reġistrazzjoni
- 1.
- Artikolu 6 Ċertifikat ta’ reġistrazzjoni
- Artikolu 7 Kontenut tat-talba għal tibdil
- Artikolu 8 Kontenut ta’ talba għall-bidla fl-isem jew fl-indirizz
- 1.
- Artikolu 9 Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trasferiment
- 1.
- 3.
- Artikolu 10 Ċediment
- 1.
- Artikolu 11 Rati massimi għall-kostijiet
- 1.
- Artikolu 12 Pubblikazzjonijiet perjodiċi
- Artikolu 13 Skambju ta’ informazzjoni u komunikazzjonijiet
- Artikolu 14 Ftuħ tal-fajls għall-ispezzjoni
- Artikolu 15 Preżentazzjoni tad-dokumenti ta’ sostenn fil-proċedimenti bil-miktub
- Artikolu 16 Standards tat-traduzzjonijiet
- 2.
- Artikolu 17 Awtentiċità legali tat-traduzzjonijiet
- Artikolu 18 Deċiżjonijiet ta’ Diviżjoni tal-Invalidità meħuda minn membru uniku
- Artikolu 19 Dispożizzjonijiet tranżizzjonali
- Artikolu 20 Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat-12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 28a, l-Artikolu 36a, l-Artikolu 37a, l-Artikolu 42a, l-Artikolu 44a, l-Artikolu 49a, l-Artikolu 50c, l-Artikolu 50f, l-Artikolu 50h, l-Artikolu 51a, l-Artikolu 70a, l-Artikolu 73a, l-Artikolu 75a, l-Artikolu 98a, u l-Artikolu 105a tiegħu,
Billi:
(1) Ir-Regolament (KE) Nru 6/2002, ħoloq sistema speċifika għall-Unjoni għall-protezzjoni tad-disinji li jridu jinkisbu fil-livell tal-Unjoni fuq il-bażi ta’ applikazzjoni quddiem l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (l-Uffiċċju).
(2) Ir-Regolament (UE) 2024/2822 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill allinja s-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 6/2002 mal-Artikoli 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Sabiex ikunu konformi mal-qafas legali l-ġdid li jirriżulta minn dak l-allinjament, ċerti regoli jridu jiġu adottati permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni u delegati. Dawk ir-regoli l-ġodda jenħtieġ li jissostitwixxu r-regoli attwali stabbiliti fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2245/2002.
(3) Fl-interess taċ-ċertezza legali, tal-konsistenza u tas-simplifikazzjoni, ir-regoli li jridu jiġu adottati permezz ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jiġu allinjati mar-regoli applikabbli għat-trademarks tal-UE sa fejn ikun possibbli, kif stabbilit fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/626.
(4) Għal raġunijiet ta’ ċarezza, ċertezza legali u effiċjenza, u bl-għan li tiġi ffaċilitata l-preżentazzjoni ta’ applikazzjonijiet għal disinn tal-UE, huwa ta’ importanza essenzjali li d-dettalji obbligatorji u fakultattivi li jridu jkunu jinsabu f’applikazzjoni għal disinn irreġistrat tal-UE, inkluż f’applikazzjoni multipla, jiġu speċifikati b’mod ċar u eżawrjenti, filwaqt li jiġi evitat piż amministrattiv bla bżonn.
(5) Ir-Regolament (UE) 2024/2822 iwessa’ d-definizzjonijiet ta’ disinn u prodott biex jinkludi disinji ġodda li mhumiex inkorporati fi prodotti fiżiċi. Filwaqt li jitqiesu l-avvanzi tekniċi relatati mal-viżwalizzazzjoni tad-disinji u l-ħtiġijiet tal-industrija tal-Unjoni fir-rigward ta’ disinji diġitali ġodda, huwa meħtieġ li tkun permessa r-rappreżentazzjoni dinamika u animata tad-disinji bi kwalunkwe mezz xieraq bl-użu tat-teknoloġija ġeneralment disponibbli.
(6) Jixraq li jiġu ssimplifikati l-proċedimenti sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv fil-preżentazzjoni u fl-ipproċessar ta’ talbiet għall-prijorità. Għal dan l-għan, id-dokumentazzjoni li trid tiġi ppreżentata għal talba għall-prijorità ta’ applikazzjoni preċedenti jenħtieġ li tkun tikkonsisti minn kopja tal-applikazzjoni preċedenti.
(7) Sabiex tiġi żgurata l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni kollha dwar reġistrazzjoni ta’ disinn tal-UE, li hija meħtieġa għal raġunijiet ta’ trasparenza u ċertezza legali, u wara t-twessigħ tal-mezzi tekniċi għar-rappreżentazzjoni viżwali ta’ disinn, inklużi rappreżentazzjonijiet dinamiċi jew animati, jenħtieġ li jkun permissibbli għall-Uffiċċju li jippubblika r-reġistrazzjoni ta’ disinn tal-UE billi jagħmel ir-rappreżentazzjoni tad-disinn aċċessibbli b’mod elettroniku.
(8) Għall-istess raġunijiet, jenħtieġ ukoll li jkun permessibbli għall-Uffiċċju li joħroġ ċertifikati ta’ reġistrazzjoni li fihom ir-rappreżentazzjoni tat-trademark tiġi provduta b’aċċess elettroniku għall-fajl rilevanti.
(9) Ir-Regolament (UE) 2024/2822 jippermetti talbiet għal tibdil tar-rappreżentazzjoni ta’ reġistrazzjoni ta’ disinn tal-UE f’dettalji immaterjali, filwaqt li tiġi abbandunata l-possibbiltà li disinn irreġistrat tal-UE jiġi ċedut parzjalment jew li dan jiġi parzjalment invalidat. Fl-interess taċ-ċarezza u taċ-ċertezza legali, huwa importanti li r-rekwiżiti għal talba għal tibdil tar-rappreżentazzjoni ta’ reġistrazzjoni ta’ disinn tal-UE jiġu speċifikati b’mod ċar u eżawrjenti.
(10) Ir-rati massimi għall-kostijiet tar-rappreżentazzjoni mġarrba mill-parti rebbieħa fil-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju jenħtieġ li jiġu speċifikati, filwaqt li jitqies il-bżonn li jiġi żgurat li l-obbligu li jiġġarrbu l-kostijiet ma jistax jintuża b’mod ħażin, inter alia, għal raġunijiet tattiċi mill-parti l-oħra.
(11) Għal raġunijiet ta’ effiċjenza, jenħtieġ li jiġu permessi pubblikazzjonijiet perjodiċi mill-Uffiċċju fi kwalunkwe forma elettronika appoġġata mill-Uffiċċju, inkluż fil-forma ta’ bażi tad-data li wieħed jista’ jfittex fiha.
(12) Jeħtieġ li jiġi żgurat l-iskambju effettiv u effiċjenti tal-informazzjoni bejn l-Uffiċċju u l-awtoritajiet tal-Istati Membri fil-kuntest tal-kooperazzjoni amministrattiva, filwaqt li jitqiesu kif xieraq ir-restrizzjonijiet li għalihom hija soġġetta l-ispezzjoni tal-fajls.
(13) Sabiex jiġu ssimplifikati l-proċedimenti quddiem l-Uffiċċju, jenħtieġ li jkun possibbli li tiġi limitata s-sottomissjoni ta’ traduzzjonijiet għal dawk il-partijiet tad-dokumenti li huma rilevanti għall-proċedimenti. Għall-istess fini, jenħtieġ li l-Uffiċċju jkun awtorizzat li jirrikjedi prova li t-traduzzjoni tikkorrispondi għat-test oriġinali f’każ ta’ dubju biss.
(14) Għal raġunijiet ta’ effiċjenza u minħabba n-natura mhux kumplessa tagħhom u l-fatt li ma jirrigwardawx il-merti tal-każ, id-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju dwar it-tqassim u l-iffissar tal-kostijiet kif ukoll dwar l-ammissibbiltà u ċerti kwistjonijiet proċedurali oħra fir-rigward tal-applikazzjonijiet għal dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ disinn tal-UE jenħtieġ li jittieħdu minn membru uniku.
(15) Ir-regoli dettaljati stabbiliti f’dan ir-Regolament huma relatati mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 li ġew emendati bir-Regolament (UE) 2024/2822 b’effett mill-1 ta’ Lulju 2026. Huwa għalhekk meħtieġ li dan ir-Regolament isir applikabbli fl-istess data. Fl-istess waqt, ċerti proċedimenti li nbdew qabel dik id-data jenħtieġ li jkomplu jiġu rregolati sal-konklużjoni tagħhom mid-dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament (KE) Nru 2245/2002.
(16) Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat dwar ir-Regoli ta’ Implimentazzjoni,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 Kontenut tal-applikazzjoni
1. Minbarra r-rekwiżiti fl-Artikolu 36(1), (2) u (3), u fl-Artikolu 40 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, l-applikazzjoni għal disinn irreġistrat tal-UE għandu jkun fiha:
1.
(a) l-isem u l-indirizz tal-applikant;
(b) in-nazzjonalità tal-applikant;
(c) meta l-applikant ikun ħatar rappreżentant, l-isem u jew l-indirizz tan-negozju ta’ dak ir-rappreżentant jew in-numru tal-identifikazzjoni li jkun diġà ngħata mill-Uffiċċju;
(d) speċifikazzjoni tal-lingwa li biha ġiet ippreżentata l-applikazzjoni, u tat-tieni lingwa skont l-Artikolu 98(2) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002;
(e) il-firma tal-applikant jew tar-rappreżentant tal-applikant f’konformità mat-tieni sentenza tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2026/137.
2. L-isem u l-indirizz imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), għandu jkun fihom l-isem tal-applikant u l-indirizz li fih l-applikant ikollu d-domiċilju tiegħu is-sede jew stabbiliment. L-ismijiet ta’ persuni fiżiċi għandhom jiġu indikati bil-kunjom(ijiet) u l-isem/l-ismijiet tal-persuna. L-ismijiet tal-entitajiet legali, kif ukoll tal-korpi li jaqgħu taħt l-Artikolu 2a tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, għandhom jiġu indikati bid-deżinjazzjoni uffiċjali tagħhom u jinkludu l-forma legali tal-entità, li tista’ tiġi mqassra bħas-soltu. In-numru tal-identifikazzjoni nazzjonali tal-kumpanija jista’ wkoll jiġi speċifikat jekk ikun disponibbli. L-Uffiċċju jista’ jitlob lill-applikant jipprovdi n-numri tat-telefown jew dettalji oħra ta’ kuntatt għall-komunikazzjoni b’mezzi elettroniċi, kif iddefinit mid-Direttur Eżekuttiv. Bħala prinċipju, għandu jiġi indikat indirizz wieħed biss għal kull applikant. Meta jiġu indikati diversi indirizzi, għandu jitqies biss l-indirizz li jissemma l-ewwel, ħlief meta l-applikant jiddeżinja wieħed mill-indirizzi bħala l-indirizz għas-servizz. Meta numru tal-identifikazzjoni jkun diġà ngħata mill-Uffiċċju, għandu jkun biżżejjed għall-applikant li jindika dak in-numru u l-isem tal-applikant.
3. Meta r-rappreżentant imsemmi fil-paragrafu 1, il-punt (c), ikollu aktar minn indirizz tan-negozju wieħed jew meta jkun hemm żewġ rappreżentanti jew aktar b’indirizzi tan-negozju differenti, l-indirizz li jissemma l-ewwel biss għandu jitqies bħala l-indirizz għas-servizz sakemm l-applikazzjoni ma tindikax liema indirizz irid jintuża bħala indirizz għas-servizz.
4. Id-deskrizzjoni unika msemmija fl-Artikolu 36(3), il-punt (a), tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 ma għandhiex taqbeż il-100 kelma li jispjegaw ir-rappreżentazzjoni tad-disinn. Id-deskrizzjoni għandha tkun relatata biss ma’ dawk il-karatteristiċi li jidhru fir-rappreżentazzjoni tad-disinn. Ma għandux ikun fiha dikjarazzjonijiet għal dak li jirrigwarda l-allegata novità jew karattru individwali tad-disinn jew il-valur tekniku tiegħu.
5. L-Artikolu 36(1), il-punt (c), l-Artikolu 36(2), l-Artikolu (36)(3), il-punti (a), (b), (d) u (e), l-Artikolu 42(1), u l-Artikolu 44(2) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 għandhom japplikaw mutatis mutandis għal kull disinn li jinsab f’applikazzjoni multipla.
Artikolu 2 Rappreżentazzjoni tad-disinn
1. Id-disinn għandu jiġi rappreżentat viżwalment, jew bl-iswed u l-abjad jew bil-kulur. Ir-rappreżentazzjoni tista’ tkun statika, dinamika jew animata u għandha ssir bi kwalunkwe mezz xieraq, bl-użu ta’ teknoloġija ġeneralment disponibbli, inkluż tpinġijiet, ritratti, vidjos, immaġni bil-kompjuter jew immudellar bil-kompjuter.
2. Ir-rappreżentazzjoni għandha turi b’mod konsistenti l-karatteristiċi kollha tad-disinn li għalih qed tintalab il-protezzjoni. Is-suġġett tar-reġistrazzjoni għandu jiġi ddeterminat mill-karatteristiċi viżivi kollha tad-dehriet jew tar-riproduzzjonijiet kollha kkombinati.
3. Id-disinn għandu jiġi rrappreżentat waħdu bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe element ieħor. Madankollu, ir-rappreżentazzjoni tad-disinn tista’ tinkludi elementi li għalihom ma tintalab l-ebda protezzjoni, dment li dawn ikunu identifikati permezz ta’ rinunzja ta’ pretensjoni viżwali, kif iddeterminat mid-Direttur Eżekuttiv f’konformità mal-Artikolu 36(5) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002. Ir-rinunzji ta’ pretensjoni viżwali għandhom jiġu applikati b’mod konsistenti fid-dehriet kollha.
Artikolu 3 Talba għall-prijorità
1. Id-dokumentazzjoni li trid tiġi ppreżentata b’appoġġ għal talba għall-prijorità skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 għandha tikkonsisti f’kopja tal-applikazzjoni preċedenti. F’konformità mal-Artikolu 4D(3) tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi għall-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali, iffirmata f’Pariġi (Franza) fl-20 ta’ Marzu 1883, dik il-kopja għandha tinħareġ mill-awtorità li tkun irċevietha u jkun fiha l-istess informazzjoni bħall-applikazzjoni oriġinali inkluża r-rappreżentazzjoni tad-disinn, bil-kulur meta applikabbli. Din għandha tiddikjara jew tkun akkumpanjata minn dikjarazzjoni li jkun fiha n-numru tal-fajl u d-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni preċedenti.
2. Jekk il-lingwa tal-applikazzjoni preċedenti li għaliha tkun saret talba għall-prijorità ma tkunx waħda mil-lingwi tal-Uffiċċju, l-applikant għandu, jekk ikun mitlub mill-Uffiċċju, jipprovdi traduzzjoni tal-applikazzjoni preċedenti fil-lingwa tal-Uffiċċju użata bħala l-ewwel jew it-tieni lingwa tal-applikazzjoni għal disinn irreġistrat tal-UE, f’perjodu speċifikat mill-Uffiċċju.
Artikolu 4 Prijorità ta’ wirja
1. Meta ssir talba għall-prijorità ta’ wirja skont l-Artikolu 44 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, l-applikant għandu jagħmel dikjarazzjoni għal dak l-għan, li tiddikjara l-isem tal-wirja u d-data tal-ewwel żvelar tal-prodotti li fihom id-disinn huwa inkorporat jew li għalihom huwa applikat.
2. Id-dokumentazzjoni li trid tiġi ppreżentata b’appoġġ għat-talba għall-prijorità ta’ wirja skont l-Artikolu 44(2) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 għandha tikkonsisti f’ċertifikat maħruġ fil-wirja mill-awtorità responsabbli għall-protezzjoni tal-proprjetà industrijali fil-wirja. Dak iċ-ċertifikat għandu jiċċertifika li d-disinn inkorporat fil-prodott jew applikat għalih ġie żvelat fil-wirja. Għandu jindika wkoll id-data tal-ftuħ tal-wirja u d-data tal-ewwel żvelar tal-prodott, jekk din tkun differenti mid-data tal-ftuħ tal-wirja. Iċ-ċertifikat għandu jinkludi jew jagħmel referenza ċara għal rappreżentazzjoni tad-disinn kif żvelat fil-wirja.
Artikolu 5 Kontenut tal-pubblikazzjoni ta’ reġistrazzjoni
1. Il-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 49 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 għandu jkun fiha l-informazzjoni li ġejja:
1.
(a) l-isem, il-belt u l-pajjiż tad-detentur tad-disinn irreġistrat tal-UE;
(b) meta applikabbli, l-isem u l-indirizz tan-negozju tar-rappreżentant appuntat mid-detentur li mhux rappreżentant li jissemma fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 77(3) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002;
(c) ir-rappreżentazzjoni tad-disinn skont l-Artikolu 2; meta r-rappreżentazzjoni tad-disinn tkun bil-kulur, il-pubblikazzjoni għandha tkun bil-kulur. Ir-rappreżentazzjoni tad-disinn tista’ tiġi ppubblikata billi r-rappreżentazzjoni ssir aċċessibbli b’mod elettroniku;
(d) meta applikabbli, indikazzjoni li ġiet ippreżentata deskrizzjoni skont l-Artikolu 36(3), il-punt (a) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002;
(e) indikazzjoni tal-prodotti li fihom ikun maħsub li jiġi inkorporat id-disinn jew li għalihom ikun maħsub li jiġi applikat id-disinn, ippreċeduta mill-għadd tal-klassijiet u s-subklassijiet rilevanti tal-klassifikazzjoni Locarno, u miġbura kif xieraq;
(f) meta applikabbli, l-isem tad-disinjatur jew l-ismijiet tad-disinjaturi li jiffurmaw parti minn tim; jew dikjarazzjoni li d-disinjatur(i) irrinunzja(w) id-dritt li jiġi/u ċitat(i);
(g) id-data tal-preżentazzjoni u tar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 48(3) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 u n-numru tal-fajl u, fil-każ ta’ applikazzjoni multipla, in-numru tal-fajl ta’ kull disinn individwali;
(h) meta applikabbli, id-dettalji tat-talba ta’ prijorità skont l-Artikolu 42 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002;
(i) meta applikabbli, id-dettalji tat-talba ta’ prijorità ta’ wirja skont l-Artikolu 44 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002;
(j) id-data tar-reġistrazzjoni tad-disinn fir-Reġistru tad-disinji tal-UE msemmi fl-Artikolu 72 (ir-Reġistru) u n-numru tar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 48(1) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, u d-data tal-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni;
(k) indikazzjoni tal-lingwa li biha ġiet ippreżentata l-applikazzjoni u tat-tieni lingwa indikata mill-applikant skont l-Artikolu 98(2) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002;
(l) meta applikabbli, indikazzjoni tad-differiment tal-pubblikazzjoni skont l-Artikolu 50 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, li tispeċifika d-data ta’ skadenza tal-perjodu tad-differiment.
2. Jekk ikun hemm iżjed minn rappreżentant wieħed bl-istess indirizz tan-negozju msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (b), għandhom jiġu ppubblikati biss l-isem u l-indirizz tan-negozju tar-rappreżentant li jissemma l-ewwel u għandhom ikunu segwiti bil-kliem u oħrajn. Meta jkun hemm żewġ rappreżentanti jew aktar b’indirizzi tan-negozju differenti, għandu jiġi ppubblikat biss l-indirizz għas-servizz iddeterminat skont l-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament. Meta tinħatar assoċjazzjoni ta’ rappreżentanti f’konformità mal-Artikolu 74(8) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/625 flimkien mal-Artikolu 26 tar-Regolament Delegat (UE) 2026/137, għandhom jiġu ppubblikati biss l-isem u l-indirizz tan-negozju tal-assoċjazzjoni.
3. Jekk l-applikazzjoni jkun fiha talba għal differiment tal-pubblikazzjoni skont l-Artikolu 50 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, il-kontenut tal-pubblikazzjoni tar-reġistrazzjoni għandu jkun limitat għall-indikazzjoni u l-informazzjoni stabbiliti fil-paragrafu 3 ta’ dak l-Artikolu.
Artikolu 6 Ċertifikat ta’ reġistrazzjoni
1. Iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ f’konformità mal-Artikolu 50b tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 għandu jkun fih l-entrati fir-Reġistru elenkati fl-Artikolu 72(2) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 u dikjarazzjoni li dawk l-entrati ġew irreġistrati fir-Reġistru. Iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni jista’ jinkorpora r-rappreżentazzjoni tad-disinn billi jipprovdi aċċess elettroniku għall-fajl rilevanti.
2. Iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni għandu jkollu miegħu, meta applikabbli, estratt li juri l-entrati kollha li jridu jiġu rreġistrati fir-Reġistru f’konformità mal-Artikolu 72(3) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 u dikjarazzjoni li dawk l-entrati ġew irreġistrati fir-Reġistru.
Artikolu 7 Kontenut tat-talba għal tibdil
It-talba għal tibdil tar-rappreżentazzjoni ta’ reġistrazzjoni ta’ disinn tal-UE f’dettalji immaterjali skont l-Artikolu 50e tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 għandu jkun fiha:
(a) in-numru ta’ reġistrazzjoni tad-disinn irreġistrat tal-UE;
(b) l-isem u l-indirizz tad-detentur tat-trademark tal-UE f’konformità mal-Artikolu 1(1), il-punt (a), u mal-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament;
(c) indikazzjoni tal-karatteristiċi li jridu jinbidlu u d-dehra jew id-dehriet li jridu jinbidlu jew jiġu rtirati;
(d) rappreżentazzjoni tad-disinn kif mibdul, f’konformità mal-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 8 Kontenut ta’ talba għall-bidla fl-isem jew fl-indirizz
1. It-talba għal bidla fl-isem jew fl-indirizz tad-detentur ta’ disinn irreġistrat tal-UE skont l-Artikolu 50 g tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 għandu jkun fiha:
1.
(a) in-numru ta’ reġistrazzjoni tad-disinn irreġistrat tal-UE;
(b) l-isem u l-indirizz tad-detentur tad-disinn irreġistrat tal-UE kif irreġistrat fir-Reġistru, sakemm l-Uffiċċju ma jkunx diġà ta numru tal-identifikazzjoni lid-detentur, f’liema każ għandu jkun biżżejjed li jiġi indikat dak in-numru u l-isem tad-detentur;
(c) l-indikazzjoni tal-isem u tal-indirizz il-ġodda tad-detentur tad-disinn irreġistrat tal-UE, f’konformità mal-Artikolu 1(1), il-punt (a), u mal-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament.
2. Il-paragrafu 1, il-punti (b) u (c) għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-finijiet tat-talba għall-bidla fl-isem jew fl-indirizz tal-applikant għal disinn tal-UE. Tali talba għandu jkun fiha wkoll in-numru tal-applikazzjoni tad-disinn tal-UE.
3. Il-paragrafi 1 sa 2 għandhom japplikaw mutatis mutandis għal bidla fl-isem jew fl-indirizz tar-rappreżentant irreġistrat.
Artikolu 9 Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trasferiment
1. L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trasferiment skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 għandu jkun fiha:
1.
(a) in-numru ta’ reġistrazzjoni tad-disinn irreġistrat tal-UE;
(b) id-dettalji tal-propjetarju l-ġdid f’konformità mal-Artikolu 1(1), il-punt (a), u mal-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament;
(c) meta fit-trasferiment ma jkunux inklużi d-disinji kollha koperti minn reġistrazzjoni multipla, id-detalji tad-disinji rreġistrati li huwa relatat magħhom it-trasferiment;
(d) l-evidenza li tistabbilixxi kif xieraq it-trasferiment f’konformità mal-Artikolu 28(1) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002;
(e) meta applikabbli, l-isem u l-indirizz tan-negozju tar-rappreżentant tad-detentur il-ġdid, f’konformità mal-Artikolu 1(1), il-punt (c), u mal-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament.
2. Il-paragrafu 1, il-punti (b) sa (e) għandhom japplikaw mutatis mutandis għall-finijiet ta’ talba għar-reġistrazzjoni ta’ trasferiment ta’ applikazzjoni għal disinn tal-UE. Tali talba għandu jkun fiha wkoll in-numru tal-applikazzjoni tad-disinn tal-UE. It-trasferiment għandu jiġi rreġistrat fil-fajls miżmuma mill-Uffiċċju li jikkonċerna l-applikazzjoni għal disinn tal-UE.
3. Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (d), kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin għandha tkun evidenza biżżejjed tat-trasferiment: L-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trasferiment tista’ tiġi ffirmata mir-rappreżentanti awtorizzati tal-partijiet, li jistgħu jkunu l-istess rappreżentant għaż-żewġ partijiet.
3.
(a) l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trasferiment iffirmata mid-detentur irreġistrat u mis-suċċessur fit-titolu;
(b) meta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trasferiment tiġi sottomessa mid-detentur irreġistrat, dikjarazzjoni ffirmata mis-suċċessur fit-titolu, li fiha jaqbel mar-reġistrazzjoni tat-trasferiment;
(c) meta l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiġi sottomessa mis-suċċessur fit-titolu, dikjarazzjoni, iffirmata mid-detentur irreġistrat, li d-detentur irreġistrat jaqbel mar-reġistrazzjoni tas-suċċessur fit-titolu;
(d) formola jew dokument ta’ trasferiment mimli, kif stabbilit fl-Artikolu 18 tar-Regolament Delegat (UE) 2026/137, iffirmat mid-detentur irreġistrat u mis-suċċessur fit-titolu.
Artikolu 10 Ċediment
1. Id-dikjarazzjoni ta’ ċediment skont l-Artikolu 51(1) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 għandu jkun fiha:
1.
(a) in-numru ta’ reġistrazzjoni tad-disinn irreġistrat tal-UE;
(b) l-isem u l-indirizz tad-detentur f’konformità mal-Artikolu 1(1), il-punt (a), u mal-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament;
(c) meta ċ-ċediment ikun iddikjarat biss għal xi disinji li jinsabu f’reġistrazzjoni multipla, indikazzjoni tad-disinji li għalihom qed jiġi ddikjarat iċ-ċediment.
2. Meta fir-Reġistru jiddaħħal dritt ta’ parti terza relatat mad-disinn irreġistrat tal-UE, dikjarazzjoni ta’ kunsens għaċ-ċediment, iffirmata mid-detentur ta’ dak id-dritt jew minn rappreżentant ta’ dak id-detentur, għandha tikkostitwixxi prova suffiċjenti tal-qbil tal-parti terza maċ-ċediment.
3. Meta jkunu nbdew proċedimenti relatati mal-intitolament għal disinn irreġistrat tal-UE quddiem il-qorti jew l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, dikjarazzjoni ta’ kunsens għaċ-ċediment, iffirmata mill-pretendent jew mir-rappreżentant ta’ dak il-pretendent, għandha tkun biżżejjed bħala prova li l-pretendent jaqbel maċ-ċediment.
Artikolu 11 Rati massimi għall-kostijiet
1. Il-kostijiet imsemmija fl-Artikolu 70(1) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 għandhom jitħallsu mill-parti telliefa fuq il-bażi tar-rati massimi li ġejjin:
1.
(a) meta l-parti rebbieħa ma tkunx irrappreżentata minn rappreżentant imsemmi fl-Artikolu 78(1) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, il-kostijiet tal-ivvjaġġar u tas-sussistenza ta’ dik il-parti għal persuna waħda għall-vjaġġ tat-tluq u tar-ritorn bejn il-post tar-residenza jew il-post tan-negozju u l-post fejn iseħħu l-proċedimenti orali skont l-Artikolu 49 tar-Regolament Delegat (UE) 2018/625, flimkien mal-Artikolu 11 tar-Regolament Delegat (UE) 2026/137, kif ġej:
(a)
(i) il-kost tal-vjaġġ bil-ferrovija tal-ewwel klassi inklużi s-supplimenti normali tat-trasport meta d-distanza totali bil-ferrovija ma taqbiżx it-800 km jew il-kost tal-ajru tal-klassi ekonomika meta d-distanza totali bil-ferrovija taqbeż it-800 km jew ir-rotta tinkludi vjaġġar fuq il-baħar;
(ii) il-kostijiet ta’ sussistenza kif stabbilit fl-Artikolu 13 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68;
(b) il-kostijiet tal-ivvjaġġar tar-rappreżentanti msemmija fl-Artikolu 78(1) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, bir-rati previsti fil-punt (a)(i) ta’ dan il-paragrafu;
(c) il-kostijiet tar-rappreżentazzjoni, skont it-tifsira tal-Artikolu 78(1) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, imġarrba mill-parti rebbieħa, kif ġej:
(c)
(i) fi proċedimenti relatati mal-invalidità ta’ disinn irreġistrat tal-UE: EUR 450;
(ii) fil-proċedimenti ta’ appell: EUR 550;
(iii) meta jseħħu proċedimenti orali li għalihom ikunu ġew imsejħa l-partijiet skont l-Artikolu 49 tar-Regolament Delegat (UE) 2018/625 flimkien mal-Artikolu 11 tar-Regolament Delegat (UE) 2026/137, l-ammont imsemmi fil-punti (i) jew (ii) ta’ dan il-punt żdied b’EUR 400.
2. Meta jkun hemm diversi detenturi tar-reġistrazzjoni tad-disinn tal-UE jew meta jkun hemm diversi applikanti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità li jkunu ppreżentaw l-applikazzjoni għal dikjarazzjoni ta’ invalidità b’mod konġunt, il-parti telliefa għandha ġġarrab il-kostijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punt (a), għal persuna waħda biss.
3. Meta l-parti rebbieħa tkun irrappreżentata minn aktar minn rappreżentant wieħed skont it-tifsira tal-Artikolu 78(1) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, il-parti telliefa għandha ġġarrab il-kostijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-punti (b) u (c) ta’ dan l-Artikolu għal persuna waħda biss.
4. Il-parti telliefa ma għandhiex tkun obbligata li tirrimborża lill-parti rebbieħa għall-kostijiet, l-ispejjeż u tariffi oħra, ħlief dawk imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3.
Artikolu 12 Pubblikazzjonijiet perjodiċi
1. Meta d-dettalji jiġu ppubblikati fil-Bullettin tad-Disinji tal-Unjoni Ewropea f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 6/2002, ir-Regolament Delegat (UE) 2026/137 jew dan ir-Regolament, id-data tal-pubblikazzjoni fuq il-Bulettin għandha titqies bħala d-data tal-pubblikazzjoni tad-dettalji.
2. Id-dettalji kollha jistgħu jirreferu għad-data li diġà tinsab fil-bażi tad-data msemmija fl-Artikolu 72a tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 jew fir-Reġistru, jew jorbtu magħha.
3. Il-Bulettin tad-Disinji tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi ppubblikat bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, fejn xieraq.
4. Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea jista’ jsir disponibbli għall-pubbliku fi kwalunkwe forma elettronika appoġġata mill-Uffiċċju, inkluż fil-forma ta’ bażi tad-data li wieħed jista’ jfittex fiha.
Artikolu 13 Skambju ta’ informazzjoni u komunikazzjonijiet
1. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 152 tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-Uffiċċju u l-uffiċċji ċentrali tal-proprjetà industrijali tal-Istati Membri, inkluż l-Uffiċċju tal-Benelux għall-Proprjetà Intellettwali, għandhom, fuq talba, jikkomunikaw lil xulxin l-informazzjoni rilevanti dwar il-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għal disinji rreġistrati tal-UE jew disinji nazzjonali u dwar il-proċedimenti relatati ma’ dawn l-applikazzjonijiet u d-disinji rreġistrati b’riżultat tagħhom.
2. L-Uffiċċju u l-qrati jew l-awtoritajiet tal-Istati Membri għandhom jiskambjaw l-informazzjoni għall-finijiet tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, direttament jew permezz tal-uffiċċji ċentrali tal-proprjetà industrijali tal-Istati Membri.
3. Meta possibbli, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandha tiġi skambjata b’mezzi elettroniċi.
4. L-ispejjeż fir-rigward tal-komunikazzjonijiet skont il-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu imponibbli mill-awtorità li tkun qed twettaq il-komunikazzjonijiet. Tali komunikazzjonijiet għandhom ikunu eżentati minn kwalunkwe tariffa.
Artikolu 14 Ftuħ tal-fajls għall-ispezzjoni
1. Meta possibbli, l-ispezzjoni tal-fajls relatati mal-applikazzjonijiet għal disinn tal-UE jew mad-disinji rreġistrati tal-UE mill-qrati jew mill-awtoritajiet tal-Istati Membri għandha ssir b’mezzi elettroniċi.
2. Fil-waqt tat-trażmissjoni tal-fajls relatati mal-applikazzjonijiet għal disinn tal-UE jew mad-disinji rreġistrati tal-UE, lill-qrati jew lill-uffiċċji tal-prosekuturi pubbliċi tal-Istati Membri, l-Uffiċċju għandu jindika r-restrizzjonijiet li għalihom tkun soġġetta l-ispezzjoni ta’ dawk il-fajls skont l-Artikolu 74 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002.
3. Il-qrati jew l-uffiċċji tal-prosekuturi pubbliċi tal-Istati Membri jistgħu, matul il-proċedimenti mressqa quddiemhom, iqiegħdu l-fajls trażmessi lilhom mill-Uffiċċju għad-dispożizzjoni ta’ partijiet terzi, għall-fini ta’ spezzjoni. Tali spezzjoni għandha tkun soġġetta għar-restrizzjonijiet skont l-Artikolu 74 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002.
Artikolu 15 Preżentazzjoni tad-dokumenti ta’ sostenn fil-proċedimenti bil-miktub
Sakemm ma jkunx previst mod ieħor fir-Regolament (KE) Nru 6/2002, fir-Regolament Delegat (UE) 2026/137 jew f’dan ir-Regolament, l-Artikolu 24 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/626 għandu japplika, mutatis mutandis, meta d-dokumenti ta’ sostenn li jridu jintużaw fi proċedimenti bil-miktub quddiem l-Uffiċċju jistgħu jiġu ppreżentati bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni, u meta jkun meħtieġ li tiġi pprovduta traduzzjoni meta l-lingwa ta’ tali dokumenti ma tkunx il-lingwa tal-proċedimenti kif iddeterminat f’konformità mal-Artikolu 98 tar-Regolament (KE) Nru 6/2002.
Artikolu 16 Standards tat-traduzzjonijiet
1. Meta traduzzjoni ta’ dokument tkun trid tiġi ppreżentata lill-Uffiċċju, it-traduzzjoni għandha tidentifika d-dokument li tirreferi għalih u tirreplika l-istruttura u l-kontenut tad-dokument oriġinali. Meta parti tkun indikat li ċerti partijiet biss tad-dokument huma rilevanti, it-traduzzjoni tista’ tkun limitata għal dawk il-partijiet.
2. Sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor fir-Regolament (KE) Nru 6/2002, fir-Regolament Delegat (UE) 2026/137 jew f’dan ir-Regolament, dokument li għalih trid tiġi ppreżentata traduzzjoni għandu jitqies li ma wasalx fl-Uffiċċju fil-każijiet li ġejjin:
2.
(a) meta t-traduzzjoni ma tasalx għand l-Uffiċċju fil-perjodu rilevanti għas-sottomissjoni tad-dokument oriġinali jew tat-traduzzjoni;
(b) meta d-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament ma tiġix ippreżentata fil-perjodu ta’ żmien speċifikat mill-Uffiċċju.
Artikolu 17 Awtentiċità legali tat-traduzzjonijiet
Fin-nuqqas ta’ evidenza jew indikazzjonijiet kuntrarji, l-Uffiċċju għandu jassumi li t-traduzzjoni tikkorrispondi għat-test oriġinali rilevanti. F’każ ta’ dubju, l-Uffiċċju jista’ jirrikjedi l-preżentazzjoni, fi żmien perjodu speċifiku, ta’ dikjarazzjoni li tikkonforma mal-Artikolu 65(1), il-punt (f), tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, li t-traduzzjoni tikkorrispondi għat-test oriġinali.
Artikolu 18 Deċiżjonijiet ta’ Diviżjoni tal-Invalidità meħuda minn membru uniku
Skont l-Artikolu 105a tar-Regolament (KE) Nru 6/2002, membru uniku tad-Diviżjoni tal-Invalidità għandu jieħu t-tipi ta’ deċiżjonijiet li ġejjin:
(a) id-deċiżjonijiet dwar it-tqassim tal-kostijiet imsemmija fl-Artikolu 70(1) sa (4) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002;
(b) id-deċiżjonijiet biex jiġi ffissat l-ammont tal-kostijiet li jridu jitħallsu skont l-Artikolu 70(6), l-ewwel sentenza, tar-Regolament (KE) Nru 6/2002;
(c) id-deċiżjonijiet biex ma jissoktawx il-proċedimenti jew id-deċiżjonijiet li jikkonfermaw li ma hemmx bżonn li wieħed jipproċedi għal deċiżjoni dwar il-merti;
(d) id-deċiżjonijiet dwar l-ammissibbiltà tal-applikazzjoni ta’ invalidità skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2026/137;
(e) id-deċiżjonijiet li jitwaqqfu l-proċedimenti skont l-Artikolu 91(2) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002;
(f) id-deċiżjonijiet biex jingħaqdu jew jinfirdu proċedimenti ta’ invalidità multipli skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Delegat (UE) 2026/137.
Artikolu 19 Dispożizzjonijiet tranżizzjonali
1. Minkejja l-Artikolu 27 tar-Regolament Delegat (UE) 2026/137, ir-Regolament (KE) Nru 2245/2002 kif applikabbli fit-30 ta’ Ġunju 2026 għandu jkompli japplika għall-proċedimenti li jkunu għaddejjin meta dan ir-Regolament ma japplikax skont il-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu, sakemm jiġu konklużi tali proċedimenti.
2. L-Artikoli 11 u 11a tar-Regolament (KE) Nru 2245/2002 kif applikabbli fit-30 ta’ Ġunju 2026 għandhom ikomplu japplikaw għall-applikazzjonijiet għal disinn irreġistrat tal-UE ppreżentati qabel l-1 ta’ Lulju 2026, kif ukoll għar-reġistrazzjonijiet internazzjonali li għalihom id-deżinjazzjoni tal-Unjoni tkun saret qabel dik id-data.
3. L-Artikolu 79(7) tar-Regolament (KE) Nru 2245/2002 kif applikabbli fit-30 ta’ Ġunju 2026 għandu jkompli japplika għall-kostijiet imġarrba fil-proċedimenti mibdija qabel l-1 ta’ Lulju 2026.
4. L-Artikolu 81(2) tar-Regolament (KE) Nru 2245/2002 kif applikabbli fit-30 ta’ Ġunju 2026 għandu jkompli japplika għal dokumenti ta’ sostenn jew traduzzjonijiet ippreżentati qabel l-1 ta’ Lulju 2026.
Artikolu 20 Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2026.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Jannar 2026. Għall-Kummissjoni Il-President Ursula von der Leyen