Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2026/1710 tat-13 ta’ Lulju 2026 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2024/2642 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet destabbilizzanti tar-Russja
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/regulation/2026/1710@2026-07-13/mt
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2024/2642 tat-8 ta’ Ottubru 2024 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tal-attivitajiet destabbilizzanti tar-Russja, u b’mod partikolari l-Artikolu 13(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
(1) Fit-8 ta’ Ottubru 2024, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2024/2642.
(2) Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-18 u d-19 ta’ Ġunju 2026, il-Kunsill Ewropew ikkundanna l-attakki ibridi reċenti kollha kontra l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Fid-dawl tal-kampanji ibridi persistenti minn atturi ostili, b’mod partikolari r-Russja u l-Belarussja, il-Kunsill Ewropew appella għal sforzi akbar u urġenti biex tissaħħaħ ir-reżiljenza, tiġi intensifikata l-preparatezza, tiġi protetta l-infrastruttura kritika, u jiġu evitati, skoraġġuti u jingħata rispons għal attakki ibridi.
(3) L-Unjoni tibqa’ soda fil-kundanna tagħha tal-attivitajiet malinni tar-Russja diretti kontra l-Unjoni, l-Istati Membri tagħha, organizzazzjonijiet internazzjonali u pajjiżi terzi.
(4) Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill iqis li jenħtieġ li persuni fiżika waħda tiżdied mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li tinsab fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2024/2642.
(5) Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament (UE) 2024/2642 jiġi emendat skont dan,
ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1 L-Anness I tar-Regolament (UE) 2024/2642 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 2 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2026. Għall-Kunsill Il-President K. Kallas
ANNEX
ANNESS
L-entrata li ġejja tiżdied mal-Anness I tar-Regolament (UE) 2024/2642 taħt l-intestatura A. Persuni fiżiċi: Isem Informazzjoni ta’ identifikazzjoni Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet Data tal-elenkar 80. Ivan Sergeevich KASYANENKO (bir-Russu: Иван Сергеевич КАСЬЯНЕНКО) Funzjoni: viċi kmandant u uffiċċjal għoli tal-iSpecial Operations Service (SSD) tal-GRU Grad: Logutenent Ġeneral Data tat-twelid: 9.9.1975 Nazzjonalità: Russa Sess: raġel Numru tal-Kontribwent Individwali: 773471856698 Ivan Kasyanenko huwa l-viċi kmandant tal-iSpecial Operations Service (SSD) tal- GRU, li assorba ċerti elementi tal-Unità 29155, u huwa uffiċjal għoli li jissorvelja l-operazzjonijiet tal-SSD. Huwa ġie identifikat bħala organizzatur u superviżur prinċipali tal-attivitajiet tal-Unità 29155 marbuta mal-Afganistan, inkluż l-allegati sforzi biex jiġu pprovduti inċentivi finanzjarji għal attakki mmirati kontra l-l-Istati Uniti u persunal tal-koalizzjoni internazzjonali li topera fl-Afganistan. Ivan Kasyanenko kkoordina wkoll operazzjonijiet marbuta mal-avvelenamenti bin-Novichok tal-2018 ta’ Sergei Skripal u bintu, Yulia Skripal. Barra minn hekk, huwa ġie assoċjat mal-koordinazzjoni ta’ attivitajiet bil-moħbi Russi fl-Ewropa, il-ġestjoni u l-integrazzjoni tan-networks tal-Grupp Wagner fl-Afrika fl-2023 u inizjattivi ta’ kooperazzjoni militari-teknika li jinvolvu l-Iran. Għalhekk, Ivan Kasyanenko huwa responsabbli għal, u jimplimenta azzjonijiet jew politiki attribwibbli lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa li jdgħajfu jew jheddu d-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-istabbiltà u s-sigurtà f’pajjiżi terzi billi jdgħajfu l-ordni pubbliku u s-sikurezza pubblika, u billi jisfruttaw il-kunflitti armati, l-instabbiltà u l-insigurtà. 13.7.2026.