Gelex

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/316 tat-12 ta’ Frar 2026 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ Reżini ta’ Akrilonitril-Butadien-Stiren li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u t-Tajwan

In forceVersion 2026-02-12from 2026-02-14
Grade B

mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.

Ask Gelex about this law

Address https://gelex.eu/eli/EU/regulation/2026/316@2026-02-12/mt

Contents
  1. Preamble
  2. (44)
  3. (53)
  4. (76)
  5. (84)
  6. (87)
  7. (88)
  8. (135)
  9. (229) Tabella Sors: Evoluzzjoni tal-importazzjonijiet wara l-bidu tal-investigazzjoni
  10. Artikolu 1
  11. Artikolu 3
  12. ANNEX

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ir-Regolament bażiku), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,

Billi: PROĊEDURA Bidu

(1) Fid-19 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni Ewropea (il-Kummissjoni) bdiet investigazzjoni anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tar-Reżini ta’ Akrilonitril-Butadien-Stiren li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea (RtK jew il-Korea) u mit-Tajwan (il-pajjiżi kkonċernati) abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku). Hija ppubblikat Notifika tal-Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (in-Notifika ta’ Bidu).

(2) Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara lment ippreżentat fl-4 ta’ Novembru 2024 minn INEOS Styrolution Switzerland SA, Versalis SpA, u minn Trinseo Europe GmbH (l-ilmentaturi). L-ilment sar mill-industrija tal-Unjoni tar-Reżini tal-Akrilonitril-Butadien-Stiren fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. L-ilment kien fih evidenza ta’ dumping u tad-dannu materjali li jirriżulta li kienet biżżejjed sabiex tiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni.

Reġistrazzjoni

(3) Il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat soġġetti għar-reġistrazzjoni permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/412 (ir-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni).

Miżuri proviżorji

(4) F’konformità mal-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, fit-18 ta’ Lulju 2025, il-Kummissjoni pprovdiet lill-partijiet b’sommarju tad-dazji proposti u b’dettalji dwar il-kalkolu tal-marġnijiet tad-dumping u l-marġnijiet adegwati biex jitneħħa d-dannu għall-industrija tal-Unjoni. Il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkummentaw dwar il-preċiżjoni tal-kalkoli fi żmien 3 ijiem tax-xogħol. Chimei Corporation indikat diskrepanzi evidenti bejn iċ-ċifri tal-kostijiet fost is-settijiet tad-data ddivulgati, kwistjoni li saret irrilevanti bil-kalkolu mill-ġdid tal-marġni tad-dumping tal-parti fl-istadju tad-divulgazzjoni finali. LG Chem, Ltd u Lotte Chemical Corporation ipprovdew kummenti dwar il-metodoloġija użata għall-kalkolu tal-marġni tad-dumping, li ġew imtennija fid-divulgazzjoni proviżorja. Billi dawn il-kummenti ma kinux jikkonċernaw direttament l-akkuratezza tal-kalkolu, dawn ma ġewx indirizzati fl-istadju proviżorju u huma spjegati f’aktar dettall fil-premessi (44) sa (108) li ġejjin.

(5) Fit-18 ta’ Awwissu 2025, il-Kummissjoni imponiet dazji anti-dumping proviżorji fuq l-importazzjonijiet tar-Reżini tal-Akrilonitril-Butadien-Stiren (ABS, Acrylonitrile-Butadiene-Styrene) li joriġinaw mill-Korea u mit-Tajwan permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1739 (ir-Regolament proviżorju).

Proċedura sussegwenti

(6) Wara d-divulgazzjoni tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġie impost dazju anti-dumping proviżorju (id-divulgazzjoni proviżorja), diversi partijiet ressqu sottomissjonijiet bil-miktub li fihom għamlu magħrufa l-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet proviżorji fiż-żmien stipulat mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament proviżorju. Dawn il-partijiet kienu:

L-Awtoritajiet tal-pajjiżi kkonċernati

Il-Gvern tar-Repubblika tal-Korea (GtK)

L-awtoritajiet tat-Tajwan

Produtturi esportaturi fir-RtK

LG Chem, Ltd. (LG Chem)

Lotte Chemical Corporation (Lotte)

Produtturi espo rtaturi fit-Tajwan

Chimei Corporation

Formosa Chemicals & Fibre Corporation

L-industrija tal-Unjoni

INEOS Styrolution Europe GmbH (Ineos)

Trinseo Europe GmbH (Trinseo)

Utent

LEGO Systems A/S (LEGO)

Assoċjazzjonijiet

Plastic Recyclers Europe (PRE)

Il-Koalizzjoni għal Suq Miftuħ u Kompetittiv tal-ABS tal-UE (il-Koalizzjoni).

(7) Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw din l-opportunità. Saru seduti ma’ LG Chem, Lotte, Chimei Corporation, Formosa Chemicals & Fibre Corporation, Ineos, Trinseo, u l-Koalizzjoni. L-ebda parti ma talbet seduta ta’ smigħ mal-Uffiċjal tas-Seduta.

(8) Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset bħala neċessarja għas-sejbiet finali tagħha. Meta waslet għas-sejbiet definittivi tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat il-kummenti ppreżentati mill-partijiet interessati u rrevediet il-konklużjonijiet provviżorji tagħha meta kien xieraq.

(9) Il-Kummissjoni għarrfet lill-partijiet interessati kollha dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kienet beħsiebha timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-ABS li joriġinaw mill-Korea u mit-Tajwan (id-divulgazzjoni finali). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni finali.

(10) L-erba’ produtturi esportaturi kollha inklużi fil-kampjun, l-industrija tal-Unjoni, iż-żewġ importaturi mhux relatati li kkooperaw (Biesterfeld u Intepolimeri), utent wieħed (LEGO), u l-Koalizzjoni għal Suq tal-ABS tal-UE Miftuħ u Kompetittiv għamlu sottomissjonijiet dwar id-divulgazzjoni finali. Il-kummenti u l-asserzjonijiet tagħhom huma indirizzati fil-partijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament.

(11) Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw ukoll din l-opportunità. Saru seduti ta’ smigħ ma’ LG Chem, Lotte, l-industrija tal-Unjoni, LEGO, u l-Koalizzjoni.

(12) Kif huwa spjegat fid-dettall fil-partijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni aċċettat xi kummenti u asserzjonijiet sottomessi mill-partijiet wara d-divulgazzjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati kollha dwar ir-reviżjonijiet tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li abbażi tagħhom kellha l-ħsieb li timponi dazji anti-dumping definittivi (divulgazzjoni finali addizzjonali). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu biex jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali.

(13) LG Chem, Lotte, l-industrija tal-Unjoni, Biesterfeld u Interpolimeri ssottomettew kummenti dwar id-divulgazzjoni finali addizzjonali. Dawk il-kummenti u l-asserzjonijiet huma indirizzati fil-partijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament.

Asserzjonijiet dwar il-bidu

(14) Fin-nuqqas ta’ kummenti li jikkonċernaw il-kampjunar, il-premessi (6) sa (16) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

Kampjunar

(15) Fin-nuqqas ta’ kummenti li jikkonċernaw il-kampjunar, il-premessi (17) sa (27) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

Eżami individwali

(16) Kif imsemmi fil-premessa (28) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni rċeviet talba mingħand produttur esportatur wieħed mhux inkluż fil-kampjun fil-Korea, INEOS Styrolution Korea Ltd., għal eżami individwali skont l-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku. Madankollu, minħabba l-kumplessità tal-każ u l-ammont ta’ xogħol assoċjat mal-investigazzjoni, il-Kummissjoni qieset li kwalunkwe eżami individwali jkun ta’ piż bla bżonn u jipperikola t-tlestija f’waqtha tal-investigazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 17(3) tar-Regolament bażiku. Għalhekk, it-talba għal eżami individwali sottomessa minn INEOS Styrolution Korea Ltd. ġiet miċħuda.

Perjodu ta’ investigazzjoni u perjodu kkunsidrat

(17) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, Lotte u l-GtK tennew il-kummenti tagħhom dwar in-natura eċċezzjonali tas-snin 2020 u 2021 fir-rigward tas-sejbiet tad-dannu. LEGO sostniet li kieku l-Kummissjoni ssegwi l-prattika tagħha li tillimita l-perjodu kkunsidrat għall-perjodu ta’ investigazzjoni u 3 snin preċedenti, ma jkun hemm l-ebda rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet mit-Tajwan u d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni.

(18) Billi dawn il-kummenti kienu jikkonċernaw prinċipalment is-sejbiet proviżorji tad-dannu u l-kawżalità, dawn ġew indirizzati fit-taqsimiet 4 (il-premessi (147) u (148)) u 5 (il-premessi (152) sa (155)) ta’ dan ir-Regolament rispettivament.

(19) Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra li jikkonċernaw il-perjodu ta’ investigazzjoni u l-perjodu kkunsidrat, il-premessi (6) sa (16) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI

(20) Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, LG Chem appoġġata mill-GtK fakkret li fir-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni kkonfermat li t-trab niexef, prodott nofsu lest li fih it-tliet monomeri ewlenin iżda b’kontenut għoli ta’ butadien, ma kienx inkluż fl-ambitu ta’ din l-investigazzjoni. Il-kumpanija insistiet li mingħajr ma dan jiġi rifless fid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat, il-miżuri jistgħu jiġu applikati b’mod aċċidentali wkoll fuq l-importazzjonijiet ta’ trab niexef.

(21) Il-Kummissjoni hija tal-fehma li t-trab niexef jenħtieġ li ma jiġix ikklassifikat taħt il-kodiċi NM 39033000 u għalhekk ir-riskju perċepit mill-kumpanija jenħtieġ li ma jimmaterjalizzax.

Tipi ta’ prodotti li fihom inqas minn 95 % ta’ ABS

(22) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, Lotte appoġġata mill-GtK asseriet li fid-determinazzjoni tat-tipi ta’ prodotti tad-dumping il-Kummissjoni bi żball inkludiet prodotti b’kontenut ta’ ABS ta’ aktar minn 50 % għalkemm il-kodiċi NM indikat kopra biss prodotti b’kontenut ta’ ABS ta’ aktar minn 95 %. Lotte ppreżentat deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni doganali maħruġa mill-awtoritajiet doganali Koreani fl-2017 fir-rigward ta’ prodott li fih [50-70] % ta’ ABS biex turi li t-tipi ta’ prodotti li fihom aktar minn 50 % iżda inqas minn 95 % ta’ ABS jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi SA 390390 (Oħrajn).

(23) Il-Kummissjoni fakkret li l-ambitu ta’ din l-investigazzjoni huwa ddeterminat mid-definizzjoni tal-prodott li qed jiġi investigat. Id-definizzjoni tal-prodott fit-taqsima 2 tan-Notifika ta’ Bidu kopriet ABS pur kif ukoll prodotti b’kontenut ta’ ABS ta’ aktar minn 50 %. Dawk il-prodotti ġew irrapportati b’mod korrett mill-produtturi esportaturi u mill-industrija tal-Unjoni u ġew investigati mill-Kummissjoni.

(24) Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-kumment ta’ Lotte u tal-GtK, li l-kodiċi NM imsemmi fin-Notifika ta’ Bidu u fir-Regolament proviżorju jkopri biss prodotti b’kontenut ta’ ABS ta’ aktar minn 95 % ma huwiex korrett. Ma hemm l-ebda raġuni teknika jew legali biex jiġu esklużi taħlitiet li fihom aktar minn 50 % ta’ ABS u inqas minn 95 % ta’ ABS minn dak il-kodiċi NM. Dawn il-prodotti ma jistgħux jiġu kklassifikati bl-applikazzjoni tan-Nota 1 tal-Kapitolu 39 tan-Nomenklatura Magħquda biss, peress li ma humiex prodotti iżolati, iżda huma mħallta ma’ polimeru ieħor. Konsegwentement, sabiex l-ABS imħallta ma’ polimeru ieħor jiġu kklassifikati, trid tiġi applikata wkoll in-Nota 4 tal-Kapitolu 39, meta jitqies liema polimeru jippredomina skont il-piż fit-taħlita. Konsegwentement, il-prodotti b’kontenut ta’ ABS ta’ aktar minn 50 %, jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM 39033000, peress li l-ABS jippredomina fit-taħlita. Klassifikazzjoni taħt il-kodiċi NM 39039000 hija eskluża minħabba li din is-subintestatura tkopri taħlitiet ta’ ABS ma’ ċerti polimeri oħra tal-familja stirenika, jekk dawn il-polimeri l-oħra jkunu predominanti fit-taħlita.

(25) Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, Lotte appoġġata mill-GtK insistiet li l-prodotti li fihom aktar minn 50 % iżda inqas minn 95 % ta’ ABS jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi SA 390390, mhux taħt il-kodiċi SA 390330. Il-kumpanija argumentat li filwaqt li bbażat ruħha fuq in-Nota 4 tal-Kapitolu 39, il-Kummissjoni ħalliet barra n-Noti tas-subintestatura tal-Kapitolu 39. Biex tappoġġa l-fehmiet tagħha li prodotti li fihom aktar minn 50 % iżda inqas minn 95 % ta’ ABS jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi SA 390390, il-kumpanija ssottomettiet deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni interna, deċiżjonijiet ta’ klassifikazzjoni mill-awtoritajiet doganali Koreani u tal-Istati Uniti, u dokumenti ta’ klassifikazzjoni maħruġa mill-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (Regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tas-Sistema Armonizzata, Nota ta’ spjegazzjoni għall-Kapitolu 39).

(26) Il-Kummissjoni nnotat li biex tikklassifika t-taħlitiet tal-ABS ma’ polimeri oħra b’mod korrett, huwa meħtieġ li ma tħawwadx (a) l-istruttura tal-katina tal-kopolimeru tal-ABS meqjusa b’mod iżolat, li fil-każ ta’ taħlita ma tikkostitwix il-prodott kollu, u (b) it-taħlita tal-ABS u polimeri oħra, pereż. il-polikarbonat (PC, polycarbonate), li tikkostitwixxi l-prodott kollu. It-taħlita ipotetika ta’ ABS u PC (ABS/PC) ma tistax tiġi kklassifikata b’mod iżolat bl-użu tan-Nota 1 tal-Kapitolu 39, peress li l-ABS ma huwiex prodott iżolat, iżda huwa mħallat ma’ polimeru ieħor. Bl-użu tal-eżempju ta’ hawn fuq, il-prodott li għandu jiġi kklassifikat huwa għalhekk it-taħlita tal-ABS/PC.

(27) Biex tiġi kklassifikata t-taħlita tal-ABS/PC, trid tiġi applikata n-Nota 4 tal-Kapitolu 39 billi jiġi meqjus liema polimeru jippredomina skont il-piż fit-taħlita.

(28) Din in-Nota taqra: L-espressjoni kopolimeri tkopri l-polimeri kollha li fihom l-ebda unità ta’ monomeri waħda ma tikkontribwixxi 95 % jew iktar skont il-piż għall-kontenut totali ta’ polimeri. Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, ħlief meta l-kuntest jeħtieġ mod ieħor, il-kopolimeri (inkluż il-kopolikondensati, il-prodotti tal-kopoliaddizzjoni, il-kopolimeri blokki u il-kopolimeri għat-tilqim) u l-amalgami tal-polimeri għandhom ikunu kklassifikati fl-intestatura li tkopri l-polimeri ta’ dik l-unità ta’ komonomeri li tippredomina skont il-piż fuq kull unità ta’ komonomeri oħra waħedha. Għall-finijiet ta’ din in-Nota, l-unitajiet ta’ komonomeri kostitwenti tal-polimeri li jaqgħu fl-istess intestatura għandhom jittieħdu flimkien. Jekk ebda unità ta’ komonomeri waħedha ma tippredomina, l-amalgami tal-kopolimeri jew tal-polimeri, skont il-każ, għandhom ikunu kklassifikati fl-intestatura li tiġi l-aħħar f’ordni numerika fost dawk li jistħoqqu kunsiderazzjoni ndaqs (enfasi miżjuda).

(29) Peress li l-ABS jippredomina fit-taħlita użata fl-eżempju (ABS/PC), it-taħlita għandha tiġi kklassifikata taħt il-kodiċi SA 390330.

(30) F’dan ir-rigward, irid jiġi nnotat ukoll li n-Nota tas-Subintestatura 1 tal-Kapitolu 39 tiddikjara b’mod ċar li jenħtieġ li jintuża l-kodiċi SA 390390 il-polimeri modifikati kimikament għandhom ikunu kklassifikati fis-subintestatura msemmija Oħrajn, sakemm il-polimeri modifikati kimikament ma humiex koperti b’mod iktar speċifiku b’subintestatura oħra (enfasi miżjuda). Fil-kuntest ta’ taħlita ta’ ABS ma’ polimeru ieħor, il-klassifikazzjoni tariffarja xierqa ma tistax tiġi stabbilita billi titqies biss ir-regola stabbilita fin-Nota tas-Subintestatura 1 tal-Kapitolu 39 filwaqt li tiġi injorata n-Nota 4 tal-Kapitolu 39. Peress li taħlita b’ABS predominanti taqa’ taħt il-kodiċi SA 390330 ibbażata fuq in-Nota 4 tal-Kapitolu 39, ir-regola stabbilita fin-Nota tas-Subintestatura 1 tal-Kapitolu 39 issir bla effett fil-kuntest ta’ taħlita ta’ ABS ma’ polimeru ieħor.

(31) Konsegwentement, il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjonijiet minn Lotte u l-GtK dettaljati fil-premessa (25).

ABS ibbilanċjati bil-massa

(32) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, Chimei u LEGO tennew it-talba tagħhom dwar esklużjoni tal-ABS ibbilanċjati bil-massa. Chimei ffukat l-asserzjonijiet tagħha fuq l-ABS prodotti minn bijomaterja prima. Hija sostniet li l-ABS ibbilanċjati bil-massa huma prodott sostenibbli uniku li ma jistax jiġi sostitwit bl-ABS ġenerali, li għandhom impronta tal-karbonju mnaqqsa b’mod sinifikanti meta mqabbla mal-ABS ġenerali li huma derivati minn fjuwils fossili, li huma ċċertifikati permezz tal-pjattaforma ISCC PLUS u li l-provvista tagħhom hija limitata. LEGO llimitat it-talba għall-esklużjoni tagħha għal ABS b’kontenut (sostenibbli) ibbilanċjat bil-massa ta’ aktar minn 50 % minħabba li ftit utenti biss jimpenjaw ruħhom għas-sostenibbiltà waqt ix-xiri u b’hekk jagħmluh segment tas-suq separat, li ma jkunx jikkompeti ma’ ABS (fossili) ġenerali minħabba l-prezz ħafna ogħla tagħhom u l-benefiċċji distinti tagħhom għas-sostenibbiltà. Inkella, LEGO tenniet li kieku l-ABS ibbilanċjati bil-massa ma kinux esklużi mill-ambitu tal-prodott, il-Kummissjoni jenħtieġ li tiġbor dazji biss fuq valur li jeskludi l-hekk imsejjaħ primjum ekoloġiku (suppliment tal-prezz li jirrifletti l-użu ta’ materja prima sostenibbli) jew timponi dazji speċifiċi. Fl-aħħar nett, LEGO talbet lill-Kummissjoni tiddivulga kif il-kontenut ibbilanċjat bil-massa tqies għall-fini tat-tqabbil tal-valur normali mal-prezz tal-esportazzjoni u l-kalkoli tal-marġni tad-dannu.

(33) Fir-rigward tad-disponibbiltà tal-ABS ibbilanċjati bil-massa fis-suq tal-Unjoni, il-Kummissjoni sabet li dawn jiġu prodotti wkoll fl-Unjoni, prinċipalment minn materja prima miksuba permezz tar-riċiklaġġ kimiku jew mekkaniku ta’ prodott ċirkolari. Il-Kummissjoni ddeterminat ukoll li l-offerta ta’ ABS ibbilanċjati bil-massa mill-produtturi tal-Unjoni hija sinifikanti, jiġifieri l-impożizzjoni ta’ miżuri fuq ABS ibbilanċjati bil-massa mhux se tirriżulta f’nuqqas ta’ provvista. Fil-fatt, l-industrija tal-Unjoni tforni lil LEGO bi kwantitajiet mhux negliġibbli ta’ ABS ibbilanċjati bil-massa.

(34) Fir-rigward tat-talba biex id-dazju anti-dumping jiġi limitat biss għal valur li jeskludi l-primjum ekoloġiku, il-Kummissjoni nnotat li LEGO ma tippubblikax il-prezzijiet u l-formuli tal-prezzijiet miftiehma mal-fornituri tagħha. Il-valur tal-primjum ekoloġiku ma jistax jiġi ddeterminat minn sors disponibbli għall-pubbliku jew mid-dokumenti li jintużaw fil-proċess tal-iżdoganar tal-merkanzija. Għalhekk, l-esklużjoni tal-primjum ekoloġiku mill-valur li fuqu jiġu imposti d-dazji anti-dumping ma hijiex possibbli. Barra minn hekk, kif imsemmi fil-premessa (234) tar-Regolament proviżorju, l-ABS jirrappreżentaw inqas minn 4 % tal-kost totali ta’ LEGO meta jiġi mmanifatturat il-prodott finali u l-kumpanija kisbet kontinwament profitti ta’ aktar minn 20 %. Għalhekk, il-Kummissjoni ma sabet l-ebda raġuni konvinċenti marbuta mal-interess tal-Unjoni li tiddevja mill-prattika li jiġu imposti miżuri anti-dumping fil-forma ta’ dazju ad valorem.

(35) Fl-aħħar nett, l-effett ta’ materja prima riċiklata jew dik b’bażi bijoloġika fuq il-kost jew fuq il-prezz tal-ABS ġie rifless fid-definizzjoni tat-tipi ta’ prodotti użati għat-tqabbil tal-valur normali u tal-prezz tal-esportazzjoni, kif ukoll għad-determinazzjoni tat-twaqqigħ tal-prezz u l-bejgħ taħt il-prezz. Għalkemm, il-livell ta’ kontenut ibbilanċjat bil-massa ma kienx rifless fid-definizzjoni ta’ dawk it-tipi ta’ prodotti, dan tqies għall-fini ta’ tqabbil ġust fil-każ ta’ gradi tal-ABS b’kontenut ibbilanċjat bil-massa ogħla mill-medja fil-forma ta’ aġġustament fil-prezz.

(36) Konsegwentement, it-talbiet għall-esklużjonijiet u l-asserzjonijiet li jikkonċernaw l-ABS ibbilanċjati bil-massa ġew miċħuda.

(37) Wara d-divulgazzjoni finali, LEGO tenniet li jenħtieġ li d-dazju anti-dumping ma jiġix applikat fuq il-kontenut bilanċjat bil-massa tal-ABS importat. Il-kumpanija għal darb’oħra offriet metodoloġija dwar kif l-awtoritajiet doganali jistgħu jiddeterminaw il-valur tad-dazju anti-dumping jekk il-kontenut ibbilanċjat bil-massa jiġi eskluż. Biex l-esklużjoni tal-kontenut ibbilanċjat bil-massa tkun prattikabbli, il-kumpanija offriet li fil-futur titlob mingħand il-fornitur(i) tagħha fatturazzjoni li tiddistingwi bejn il-primjum aħdar u l-bqija tal-prezz tal-importazzjoni.

(38) Meta wieħed iqis li l-ABS ibbilanċjat bil-massa jaqa’ b’mod ċar fid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat fil-premessa (39) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni nnotat li l-esklużjoni tal-kontenut ibbilanċjat bil-massa mill-applikazzjoni tad-dazju anti-dumping trid tkun l-ewwel u qabel kollox ġustifikata minn kunsiderazzjonijiet ta’ interess tal-Unjoni. Il-prattiċità tiġi meqjusa biss jekk ikunu jeżistu raġunijiet għal esklużjoni bbażata fuq l-interess tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni fakkret is-sejbiet tagħha fil-premessi (234) u (235) tar-Regolament proviżorju. Fil-fatt, dazju anti-dumping ta’ 10 % fuq l-importazzjonijiet ta’ ABS minn LEGO mill-Korea u t-Tajwan fil-perjodu ta’ investigazzjoni jwassal biss għal tnaqqis fil-profitt tal-kumpanija li jkun viżibbli biss wara l-virgola deċimali.

(39) Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonfermat ir-rifjut tat-talba ta’ LEGO biex id-dazju anti-dumping jiġi applikat biss għall-kontenut mhux sostenibbli tal-ABS.

ABS ritardanti tal-fjammi

(40) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, Chimei tenniet it-talba tagħha dwar l-esklużjoni tal-ABS ritardanti tal-fjammi. Hija asseriet li l-ABS ritardanti tal-fjammi kellhom karatteristiċi bażiċi differenti mill-ABS għal skop ġenerali. Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni proviżorja, Lotte ppreżentat ukoll li l-impożizzjoni tal-miżuri fuq l-ABS ritardanti tal-fjammi jkollha effett negattiv fuq il-provvista fl-Unjoni peress li l-ABS ritardanti tal-fjammi ġew prodotti fl-Unjoni biss fi kwantitajiet żgħar. Madankollu, Lotte ma talbitx b’mod espliċitu esklużjoni tal-ABS ritardanti tal-fjammi mill-ambitu tal-prodott.

(41) Chimei ma pprovdiet l-ebda ġustifikazzjoni rilevanti li tappoġġa l-asserzjonijiet tagħha. Naturalment, meta mqabbla mal-ABS għal skop ġenerali, l-ABS ritardanti tal-fjammi għandhom karatteristiċi differenti. Madankollu, l-ABS ritardanti tal-fjammi jiġu prodotti wkoll fl-Unjoni. Il-karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi tal-ABS ritardanti tal-fjammi esportati lejn l-Unjoni minn Chimei u minn produtturi esportaturi oħra huma komparabbli mal-ABS ritardanti tal-fjammi prodotti u mibjugħa mill-industrija tal-Unjoni.

(42) Jekk id-domanda għall-ABS ritardanti tal-fjammi tkompli tikber fl-Unjoni, il-produtturi tal-Unjoni jistgħu jżidu l-produzzjoni tagħhom ta’ dan il-grad. Barra minn hekk, il-livell ta’ dawn id-dazji ma jimpedixxix lill-utenti tal-ABS ritardanti tal-fjammi milli jkomplu jixtruh mill-pajjiżi kkonċernati.

(43) Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonfermat iċ-ċaħda tagħha ta’ din it-talba ta’ esklużjoni.

DUMPING Ir-Repubblika tal-Korea Valur normali

(44) Fil-kummenti tagħha għad-divulgazzjoni proviżorja, l-industrija tal-Unjoni indikat li għall-produtturi esportaturi Koreani inklużi fil-kampjun, il-marġnijiet tad-dannu stabbiliti kienu ogħla b’mod sinifikanti mill-marġnijiet tad-dumping rispettivi, u kienet tal-fehma li d-differenza kienet, tal-anqas parzjalment, attribwibbli għall-metodoloġija użata mill-Kummissjoni fil-kalkolu tal-valur normali. B’mod aktar speċifiku, l-industrija tal-Unjoni asseriet li:

(44)

(a) Is-sejba tal-Kummissjoni li 64 % tal-bejgħ domestiku tal-ABS tal-Korea kien profittabbli tidher improbabbli. Sabiex tikkorrobora d-dubji tagħha, l-industrija tal-Unjoni pprovdiet l-eżempju ta’ LG li għall-unità tan-negozju petrokimiku tagħha (li tinkludi n-negozju tal-ABS) irrapportat telf matul il-PI (–0,8 % fl-2023 u –0,7 % fl-2024) u qieset li l-profittabbiltà pożittiva rrapportata għall-bejgħ domestiku tal-ABS tista’ tkun dovuta għal allokazzjoni ħażina tal-kostijiet.

(b) Hemm raġunijiet biex wieħed jemmen li n-numru ta’ kontroll tal-prodott (PCN, Product Control Number) jista’ jagħti wisq attribuzzjoni għal ċerti kwalitajiet ta’ xi prodotti tal-ABS Koreani, u b’hekk ifixkel il-valur normali tagħhom.

(c) Jista’ jkun hemm sitwazzjoni partikolari tas-suq fis-suq domestiku fir-rigward tal-provvista tal-materja prima użata għall-produzzjoni tal-ABS. Tali sitwazzjoni partikolari tas-suq tista’ tkun marbuta ma’ kapaċità żejda, prodotti Ċiniżi irħas u tnaqqis fid-domanda domestika.

(45) L-industrija tal-Unjoni talbet divulgazzjoni aktar dettaljata tal-metodoloġija użata għall-kalkolu tal-valur normali sabiex tkompli tappoġġa l-asserzjonijiet tagħha.

(46) Il-Kummissjoni qieset li ma tista’ ssir l-ebda suppożizzjoni mid-differenza sinifikanti bejn il-marġnijiet tad-dannu u l-marġnijiet tad-dumping tal-produtturi Koreani inklużi fil-kampjun peress li, f’konformità mar-Regolament bażiku, dawn huma stabbiliti abbażi ta’ metodoloġiji differenti.

(47) Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret li għaż-żewġ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, is-sejbiet tagħha kienu bbażati fuq data li ġiet ivverifikata fuq il-post.

(48) Fir-rigward speċifikament tal-punt (a), il-Kummissjoni qieset li l-fatt li s-settur petrokimiku tal-LG ma kienx marġinalment profittabbli matul il-PI ma jeskludix, jew saħansitra jagħmilha improbabbli, li l-maġġoranza tal-bejgħ domestiku tal-prodotti tal-ABS mill-produtturi Koreani inklużi fil-kampjun kienu profittabbli.

(49) Fir-rigward tal-punt (b), il-Kummissjoni nnotat li l-industrija tal-Unjoni ma spjegatx kif l-istruttura tal-PCN tista’ tagħti wisq attribuzzjoni lil ċerti kwalitajiet ta’ xi prodotti tal-ABS Koreani, liema kwalitajiet ikunu dawn, kif kienu jaffettwaw il-valur normali tagħhom u għaliex it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn ma jkunx xieraq.

(50) Fir-rigward tal-punt (c), il-Kummissjoni nnotat li l-industrija tal-Unjoni ma offriet l-ebda evidenza biex tissostanzja l-asserzjonijiet tagħha dwar sitwazzjoni partikolari possibbli tas-suq, inkluż dwar ir-raġunijiet sottostanti preżunti.

(51) B’mod ġenerali, il-Kummissjoni qieset li l-argumenti li ntużaw mill-industrija tal-Unjoni biex titfa’ dubju fuq il-kalkolu tal-valur normali jew ma kinux appoġġati mill-fatti tal-każ jew ma kinux sostanzjati, u għalhekk, dawn ġew miċħuda.

(52) Fir-rigward tat-talba għal aktar dettalji li għandhom jiġu ddivulgati dwar il-metodoloġija rispettiva, il-Kummissjoni nnotat li l-metodoloġija bħala tali ġiet iddivulgata bis-sħiħ. Madankollu, id-data li fuqha ġiet applikata l-metodoloġija, jiġifieri, id-data dwar il-bejgħ u l-kostijiet tal-produtturi esportaturi Koreani inklużi fil-kampjun kienet kompletament kunfidenzjali u għalhekk ma setgħetx tiġi ddivulgata lil partijiet oħra. Għalhekk, it-talba ġiet miċħuda.

(53) Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni proviżorja, Lotte asseriet li l-kalkolu tal-valur normali li għamlet il-Kummissjoni kellu għadd ta’ żbalji u talbet bidliet. B’mod speċifiku, Lotte asseriet li:

(53)

(a) Kien hemm għadd doppju ta’ ċerti spejjeż relatati mat-trasport u mal-ippakkjar, u għalhekk il-kostijiet tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (SG & A, Selling, General and Administrative) ta’ Lotte jenħtieġ li jiġu riveduti ’l isfel.

(b) Ċerti dividendi riċevuti kellhom jiġu inklużi fil-kalkolu tal-ispejjeż tal-SG & A minħabba li huma relatati mal-ammonti riċevuti mill-kumpaniji rilevanti bħala riżultat tal-investimenti tagħhom u l-Kummissjoni ma stabbilitx li dawn l-investimenti ma humiex relatati mal-prodott ikkonċernat. Fi kwalunkwe każ, jekk il-Kummissjoni tinsisti li teskludi dawk id-dividendi, hija trid teskludi wkoll entrata oħra mill-kalkolu tal-SG & A (dettalji pprovduti fil-verżjoni sensittiva tas-sottomissjoni ta’ Lotte).

(54) Fir-rigward tal-punt (a), il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjoni. Il-Kummissjoni ma sabet l-ebda raġuni biex tirrevedi l-metodoloġija użata fil-kalkolu tal-SG & A, li eskludiet il-kostijiet tat-trasport. Aktar dettalji dwar l-aġġustamenti ġew ipprovduti fid-divulgazzjoni speċifika ta’ Lotte.

(55) Fir-rigward tal-punt (b), il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjoni li d-dividendi msemmija hawn fuq jenħtieġ li jitqiesu għall-kostijiet tal-SG & A, meta jitqies li Lotte naqset milli turi li dawn kienu relatati mal-produzzjoni u l-bejgħ tal-prodott li qed jiġi investigat. Madankollu, il-Kummissjoni qieset, għal raġunijiet simili, li element ieħor, inkluż dak indikat mill-kumpanija, jenħtieġ li jiġi eskluż, u rrevediet il-kalkolu tal-kost tal-SG & A tagħha skont dan. Aktar dettalji dwar l-aġġustamenti ġew ipprovduti fid-divulgazzjoni speċifika ta’ Lotte.

(56) Wara d-divulgazzjoni definittiva, Lotte asseriet li l-Kummissjoni eskludiet b’mod żbaljat xi oġġetti mill-kostijiet tal-SG & A. Il-Kummissjoni aċċettat parzjalment dawn l-asserzjonijiet u rrevediet il-kalkolu tal-kostijiet tal-SG & A kif xieraq. Fir-rigward tal-oġġetti l-oħra esklużi mill-Kummissjoni, il-kumpanija ma pprovdietx biżżejjed evidenza li tikkonferma li dawn il-kostijiet jenħtieġ li jkunu assoċjati mal-bejgħ domestiku tal-prodott ikkonċernat, għalhekk il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjonijiet fil-parti li fadal. Minħabba l-kunfidenzjalità ta’ dawn il-kostijiet, aktar dettalji ngħataw fid-divulgazzjoni addizzjonali speċifika ta’ Lotte.

(57) Wara divulgazzjoni finali addizzjonali, Lotte indikat żball fil-kalkolu tal-kostijiet tal-SG & A, li affettwa l-marġni tad-dumping tagħha. Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li minħabba żball klerikali, ċerti kostijiet tal-SG & A ma kinux ġew esklużi, u kkoreġiet il-kalkolu tal-marġni tad-dumping tagħha għal Lotte. Il-marġnijiet ikkoreġuti ngħataw f’Nota għall-Fajl.

Prezz tal-esportazzjoni

(58) Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni proviżorja, LG asseriet li l-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni tal-Kummissjoni kien fih żbalji. B’mod speċifiku, LG asseriet li l-Kummissjoni stmat il-profitt tal-importaturi mhux relatati użat fl-istabbiliment tal-prezz tal-esportazzjoni eċċessivament. LG qieset li profitt fil-livell ta’ [9 %-12 %] jidher eċċessivament għoli meta mqabbel mal-profitti medji miksuba min-negozjanti fis-suq tal-ABS, u l-prezz li jirriżulta minn tali profitt ma jirriflettix il-kundizzjonijiet attwali tas-suq. Il-GtK esprima wkoll dan it-tħassib fil-kummenti tiegħu dwar id-divulgazzjoni proviżorja.

(59) Il-Kummissjoni l-ewwel innotat li LG Chem u l-GtK ma ssostanzjawx l-asserzjoni tagħhom li l-profitt ta’ importatur mhux relatat iddeterminat fid-divulgazzjoni proviżorja ma kienx jirrifletti l-medja tal-industrija. Il-partijiet lanqas ma ppreżentaw data alternattiva li tista’ tintuża biex jiġi stabbilit livell ta’ tali profitt. It-tieni, il-profitt tal-importatur mhux relatat użat mill-Kummissjoni ġie determinat bħala profitt medju ponderat tal-profitti ta’ żewġ importaturi mhux relatati li pprovdew tweġibiet sinifikanti għall-kwestjonarju rilevanti. Konsegwentement, il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjoni ta’ LG Chem u tal-GtK.

(60) Wara d-divulgazzjoni finali, iż-żewġ importaturi mhux relatati (Biesterfeld u Interpolimeri), kif ukoll LG Chem sostnew li l-Kummissjoni użat profitt ta’ importatur mhux relatat li jaqbeż il-medja tal-industrija u kien ibbażat fuq interpretazzjoni żbaljata tad-data pprovduta mill-importaturi mhux relatati li kkooperaw. LG Chem irreferiet għall-verżjoni mhux kunfidenzjali tat-tweġibiet tal-kwestjonarju tal-importaturi biex issostni l-asserzjoni tagħha. Biesterfeld argumentat li l-marġni ta’ profitt nett tagħha laħaq biss 2-5 % fil-perjodu tal-investigazzjoni. Il-kumpanija tenniet li l-profitt irrapportat fit-tweġiba għall-kwestjonarju kien marġni gross u biex tasal għall-profitt nett, il-Kummissjoni kien jenħtiġilha tqis l-informazzjoni pprovduta f’parti oħra tal-kwestjonarju. Interpolimeri fakkret li l-marġni ta’ profitt reali tagħha kien biss ta’ 1,5-4 %.

(61) Barra minn hekk, LG Chem irreferiet għal investigazzjoni reċenti ta’ importazzjonijiet ta’ aċidi grassi li joriġinaw fl-Indoneżja, fejn il-Kummissjoni użat profitt minn investigazzjoni preċedenti mmirat lejn prodott tal-industrija kimika, jiġifieri profitt stabbilit fil-livell ta’ 6,89 % fl-investigazzjoni anti-dumping ta’ importazzjonijiet ta’ ċerti alkoħols poliviniliċi (PVA, polyvinyl alcohols) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (RPĊ).

(62) Il-Kummissjoni spjegat li hija ddependiet fuq il-profitt qabel it-taxxa jew irrapportat mill-importaturi mhux relatati li kkooperaw jew ikkalkolat abbażi tal-informazzjoni pprovduta. Madankollu, iż-żewġ importaturi komplew jikkontestaw id-determinazzjoni tal-Kummissjoni tal-marġni ta’ profitt medju ponderat. B’mod partikolari, l-importatur li rrapporta marġni gross kompla jistaqsi jekk il-Kummissjoni naqqsitx mill-marġni gross irrapportat l-kostijiet rilevanti kollha tal-importazzjoni u ta’ wara l-importazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li l-kumpanija pprovdiet informazzjoni kontradittorja fit-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju. Minn naħa waħda, il-kumpanija asseriet li l-prezzijiet tax-xiri diġà kienu jinkludu ċerti kostijiet tal-importazzjoni u dazji fuq l-importazzjoni. Min-naħa l-oħra, asseriet li l-kostijiet kollha rrapportati tal-importazzjoni u ta’ wara l-importazzjoni kien jenħtieġ li jitnaqqsu mill-marġni gross. Fid-dawl tal-kummenti tal-importaturi u l-kwistjonijiet skoperti, u meta wieħed iqis li d-data tagħhom ma ġietx verifikata, il-Kummissjoni sabet li la l-asserzjonijiet tal-kumpaniji u lanqas il-kalkoli tal-Kummissjoni ma setgħu jiġu kkonfermati b’mod affidabbli. Meta qieset dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tużax id-data dwar il-profittabbiltà taż-żewġ importaturi mhux relatati li kkooperaw.

(63) Sussegwentement, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibbaża fuq il-profitt żvelat fl-investigazzjoni anti-dumping fuq l-importazzjonijiet ta’ PVA mir-RPĊ u użatu mill-ġdid f’investigazzjoni anti-dumping reċenti ta’ importazzjonijiet ta’ aċidu grass mill-Indoneżja, kif issuġġerit ukoll minn LG Chem. F’dan l-istadju u meta wieħed iqis li l-profittabbiltà tal-importaturi mhux relatati li kkooperaw ma setgħetx tintuża, dan il-marġni ta’ profitt kien l-aktar bażi oġġettiva disponibbli għall-iskop li tintlaħaq stima sodisfaċenti ta’ prezz ta’ esportazzjoni b’distakkament u għalhekk raġonevoli, ibbażata fuq data dettaljata tal-bejgħ għal prodott fl-istess kategorija ġenerali, jiġifieri prodott mill-industrija kimika.

(64) Wara divulgazzjoni finali addizzjonali, LG Chem, l-industrija tal-Unjoni, Biesterfeld u Interpolimeri kkummentaw dwar il-profitt tal-importatur mhux relatat.

(65) Interpolimeri argumentat li d-dokument addizzjonali ta’ divulgazzjoni finali ma ċċarax għaliex id-data ta’ Interpolimeri ġiet miċħuda. Il-kumpanija assumiet li d-data dwar il-profittabbiltà tagħha ma ntużatx peress li ġiet irrapportata biss fil-verżjoni kunfidenzjali tat-tweġiba għall-kwestjonarju. F’dan ir-rigward, il-kumpanija rrinunzjat għat-trattament ta’ kunfidenzjalità fuq il-marġni ta’ profitt irrapportat.

(66) Biesterfeld asseriet li l-kontradizzjonijiet deskritti fil-premessa (62) kienu ġew iċċarati mill-kumpanija fis-sottomissjonijiet tagħha wara divulgazzjoni proviżorja u finali fejn iċċarat li l-profitt irrapportat irrappreżenta marġni gross u li l-marġni ta’ profitt nett kien irrapportat f’parti differenti tat-tweġiba għall-kwestjonarju.

(67) LG Chem sostniet li fuq bażi ta’ konsultazzjoni, kellha aċċess għal informazzjoni kunfidenzjali sottomessa minn Biesterfeld u Interpolimeri. F’dan il-kuntest, appoġġat l-argumenti ppreżentati mill-kumpaniji kif iddettaljat fil-premessi (65) u (66). Barra minn hekk, il-parti asseriet li l-Kummissjoni fehmet ħażin ir-referenza tagħha għall-profitt tal-importatur mhux relatat mill-investigazzjoni tal-PVA. Il-kumpanija sostniet li kienet sempliċement irreferiet għall-profitt użat f’dik l-investigazzjoni biex turi li l-marġni ta’ profitt użat mill-Kummissjoni fil-kostruzzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni tagħha kien sproporzjonat u ma jirriflettix il-marġni ta’ profitt medju fl-industrija kimika. Fl-aħħar nett, il-kumpanija argumentat li l-Kummissjoni ma tistax tinjora d-data taż-żewġ importaturi mhux relatati abbażi tal-għażla deliberata tagħha li ma tivverifikax it-tweġibiet tal-kwestjonarju.

(68) L-industrija tal-Unjoni ma qablitx mad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissostitwixxi l-profitt tal-importatur mhux relatat ta’ [9-12] % bil-profitt stabbilit fl-investigazzjoni tal-PVA. L-ewwel nett, l-industrija indikat li l-fatt li l-informazzjoni tal-importaturi ma ġietx verifikata ma għamilhiex awtomatikament żbaljata jew inqas affidabbli kif ikkonkludiet il-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-299/05. It-tieni, il-parti nnotat li l-ebda wieħed miż-żewġ importaturi ma kellu r-rapporti finanzjarji tiegħu ppubblikati. Madankollu, l-industrija tal-Unjoni ssottomettiet ir-rapporti finanzjarji ta’ żewġ distributuri li jappartjenu għall-grupp Biesterfeld li juru li l-marġnijiet ta’ profitt tagħhom kienu ferm fi ħdan il-medda ta’ profittabbiltà stabbilita inizjalment mill-Kummissjoni. It-tielet, l-industrija tal-Unjoni sostniet li l-profittabbiltà stabbilita inizjalment kienet ġustifikata fid-dawl tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni effettiva u sinċiera minn Biesterfeld u Interpolimeri, kif ukoll in-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn żewġ importaturi addizzjonali mhux relatati (Koryfes u Snetor) li inizjalment indikaw ir-rieda tagħhom li jipprovdu d-data mitluba meta wieġbu għall-kwestjonarju tal-kampjunar. Fl-aħħar nett, il-parti argumentat li l-marġni ta’ profitt ta’ 6,89 % kien skadut peress li kien ibbażat fuq perjodu ta’ investigazzjoni tal-PVA li kopra l-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2018 sat-30 ta’ Ġunju 2019.

(69) Fir-rigward tal-asserzjoni ta’ Interpolimeri li l-Kummissjoni injorat biss id-data tal-profittabbiltà tagħha bbażata fuq il-kunfidenzjalità, il-Kummissjoni ċċarat li ż-żewġ kumpaniji, Biesterfeld u Interpolimeri, qajmu dubji dwar l-użu tad-data tagħhom fid-determinazzjoni tal-profitt medju ponderat ta’ importaturi mhux relatati fil-kummenti tagħhom dwar id-divulgazzjoni finali. Sussegwentement, il-Kummissjoni rrieżaminat il-valutazzjoni tagħha tal-informazzjoni li rċeviet mill-kumpaniji. Fid-divulgazzjoni finali addizzjonali, il-Kummissjoni tabilħaqq iffokat fuq il-kontradizzjonijiet fit-tweġiba tal-kwestjonarju ta’ Biesterfeld. Peress li Biesterfeld irrapportat marġni gross u kkontestat jekk il-Kummissjoni naqqsitx il-kostijiet rilevanti kollha tal-importazzjoni u ta’ wara l-importazzjoni biex waslet għall-profitt nett, il-Kummissjoni qieset li t-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju kienet is-sors ewlieni tal-marġni ta’ profitt allegatament sproporzjonat. Madankollu, wara l-asserzjonijiet li waslu mingħand Interpolimeri dwar id-divulgazzjoni finali, fejn il-marġnijiet netti stabbiliti mill-Kummissjoni bbażati fuq, inter alia, id-data ta’ Interpolimeri ġew ikkontestati mill-kumpanija, il-Kummissjoni rrieżaminat aktar it-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju sabiex tidentifika s-sors tal-kwistjoni u sabet diversi inkonsistenzi. Minħabba n-natura kunfidenzjali tal-informazzjoni rispettiva, il-Kummissjoni żvelat l-inkonsistenzi identifikati lill-kumpanija individwalment. Konsegwentement, b’mod simili għal Biesterfeld, il-Kummissjoni sabet li l-profitt ta’ Interpolimeri ma setax jiġi stabbilit b’mod affidabbli abbażi tad-data sottomessa mill-kumpanija u kellu jiġi miċħud.

(70) Fir-rigward tal-asserzjonijiet ta’ Biesterfeld li l-kontradizzjonijiet kienu ġew iċċarati fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjonijiet proviżorji u finali, il-Kummissjoni ma qablitx. Fiż-żewġ sottomissjonijiet, il-kumpanija sempliċement iddikjarat li l-profitt irrapportat irrifletta l-marġni gross, u l-profitt nett reali jenħtieġ li jkun fil-livell ta’ [2–5] %. Il-kumpanija ma pprovdietx evidenza li tissostanzja l-asserzjoni jew kalkolu aktar dettaljat fl-ebda waħda minn dawk is-sottomissjonijiet.

(71) Meta qieset dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjoni tagħha fil-premessa (62) fir-rigward tal-asserzjonijiet ta’ Biesterfeld, Interpolimeri u ta’ LG Chem rispettivament stipulati fil-premessi (65), (66) u (67).

(72) Fir-rigward tal-asserzjonijiet dwar l-użu jew ir-rifjut tad-data minħabba li ma ġietx verifikata, il-Kummissjoni nnotat li eżerċitat id-diskrezzjoni tagħha meta ddeċidiet li ma tivverifikax it-tweġibiet tal-kwestjonarju tal-importaturi. Kif innotat b’mod korrett mill-industrija tal-Unjoni, il-fatt li l-informazzjoni ma ġietx verifikata ma jagħmilhiex awtomatikament żbaljata jew inqas affidabbli. Barra minn hekk, iż-żjarat ta’ verifika huma maħsuba biex jivverifikaw sett ta’ data komplut u koerenti; ma humiex eżerċizzji ta’ tiftix ta’ fatti. Kif spjegat fil-premessi (62), (69) u (70), la Biesterfeld u lanqas Interpolimeri ma ssottomettew lill-Kummissjoni sett ta’ data komplut u koerenti li jippermetti l-istabbiliment, aħseb u ara l-verifika, ta’ marġni ta’ profitt nett ċar u indiskutibbli għal kwalunkwe kumpanija. Abbażi tad-data sottomessa, il-Kummissjoni pprovat tistabbilixxi tali marġni iżda ż-żewġ kumpaniji kkontestaw ir-riżultat. Inizjalment, id-data pprovduta miż-żewġ importaturi dehret li kienet kompluta biżżejjed, konsistenti internament u fil-parti l-kbira appoġġata minn evidenza. L-insistenza tal-kumpaniji biss li l-Kummissjoni fehmet ħażin u użat id-data tagħhom b’mod mhux korrett wasslet lill-Kummissjoni biex tirrieżamina t-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarju mill-ġdid. Dan ir-rieżami addizzjonali żvela elementi li fuq il-bażi tagħhom la l-interpretazzjoni tad-data mill-kumpaniji u lanqas dik tal-Kummissjoni ma setgħet tiġi kkonfermata.

(73) Konsegwentement, il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjoni ta’ LG Chem li r-rifjut tad-data tal-importatur kien dovut għall-għażla deliberata tal-Kummissjoni li ma tivverifikax l-informazzjoni sottomessa.

(74) Il-Kummissjoni ċaħdet ukoll l-asserzjonijiet magħmula mill-industrija tal-Unjoni. L-industrija b’mod korrett irrimarkat li d-data tal-importaturi ma tistax sempliċement tiġi injorata għax ma ġietx verifikata. Ipprovdiet ukoll eżempji siewja li jappoġġaw it-teżijiet li marġni ta’ profitt ta’ [9-12] % ma huwiex irraġonevoli li jinkiseb għal kumpanija kummerċjali/ta’ distribuzzjoni fl-industrija kimika. Fil-fatt, il-Kummissjoni identifikat żewġ kumpaniji oħra ta’ kummerċ/distribuzzjoni tal-grupp Biesterfeld bi profitti netti li jaqbżu l-10 %. Madankollu, dawk l-argumenti ma jistgħux idawru s-sejbiet ta’ kontradizzjonijiet u inkonsistenzi fit-tweġibiet tal-kwestjonarju tal-kumpaniji li għamlet il-Kummissjoni wara l-kummenti tagħhom dwar id-divulgazzjoni finali. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li deċiżjoni dwar jekk ċerta informazzjoni tistax tintuża jew le ma tittieħidx bħala premju għall-kooperazzjoni tal-parti jew bħala kastig għan-nuqqas tagħha. L-affidabbiltà u l-eżattezza ta’ dik id-data huma l-prinċipju gwida ewlieni.

(75) Dwar l-użu tal-marġni ta’ profitt stabbilit fl-investigazzjoni tal-PVA, il-Kummissjoni nnotat li fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali LG Chem użat il-marġni ta’ profitt ta’ 6,89 % bħala [marġni] ta’ profitt konsiderevolment aktar baxx użat […] f’investigazzjonijiet reċenti oħra rigward prodotti kimiċi eżemplari. LG Chem innotat ukoll b’mod korrett li tali marġnijiet li huma aktar baxxi b’mod sinifikanti ntużaw anke f’każijiet fejn ma kienx hemm kooperazzjoni mill-importaturi jew fejn l-uniku importatur li kkoopera ma pprovdiex data fil-verżjoni mhux kunfidenzjali. Meta wieħed iqis dawn il-kummenti, mhux ċar għaliex f’sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni ma ġietx ippreżentata b’marġni ta’ profitt nett affidabbli minn xi wieħed mill-importaturi mhux relatati li kkooperaw, jenħtieġ li jittieħed approċċ differenti. Minħabba l-kwistjonijiet bil-profitt irrapportat miż-żewġ importaturi li kkooperaw f’din l-investigazzjoni, il-marġni ta’ profitt mill-investigazzjoni dwar l-importazzjonijiet ta’ PVA li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina kien naturalment l-aħjar indikatur. Konsegwentement, l-asserzjoni rispettiva magħmula minn LG Chem ġiet miċħuda.

Tqabbil

(76) Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni proviżorja, Lotte asseriet li:

(76)

(a) Ir-rifjut tal-aġġustament għar-restituzzjoni tad-dazji fuq il-bażi li l-kumpanija ma setgħetx talloka kwantitajiet speċifiċi tal-materja prima importata għall-prodott li qed jiġi investigat ma kienx korrett. Biex tissostanzja l-asserzjoni tagħha, fil-verżjoni sensittiva tas-sottomissjonijiet tagħha, Lotte rreferiet għar-rapport ta’ verifika u l-eżibiti rilevanti.

(b) Kien hemm tnaqqis doppju ta’ ċerti kostijiet assoċjati mat-trasport, imposti bankarji u spejjeż tal-ippakkjar fir-rigward ta’ LCHU.

(c) Għall-esportazzjonijiet ta’ Lotte lejn il-kumpanija relatata tagħha LCHU (LOTTE Chemical Hungary Ltd.), il-Kummissjoni użat il-kwantità ta’ ABS prodotti u mibjugħa minn LCHU aktar milli l-kwantità ta’ ABS esportati minn Lotte u użati bħala input minn LCHU.

(77) Fir-rigward tal-punt (a), il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjoni, meta wieħed iqis li, kif innotat fir-rapport ta’ verifika, l-allokazzjoni alternattiva ġiet ippreżentata fl-istadju tard taż-żjara ta’ verifika u l-Kummissjoni ma setgħetx tivverifika l-akkuratezza tad-data u tal-metodoloġija tal-kalkolu. Barra minn hekk, il-metodoloġija proposta mill-kumpanija biex tikkalkula l-aġġustament kienet għadha fuq bażi ġenerali u l-kumpanija ma setgħetx tipprovdi l-aġġustament skont it-tip jew il-bażi tal-mudell. Aktar dettalji dwar ir-raġunijiet għar-rifjut tal-asserzjoni ġew ipprovduti fid-divulgazzjoni speċifika ta’ Lotte sabiex tiġi protetta l-kunfidenzjalità tad-data rilevanti.

(78) Fir-rigward tal-punt (b), il-Kummissjoni sabet li l-asserzjoni hija parzjalment ġustifikata u rrevediet kif xieraq il-kalkolu tal-kostijiet SG & A ta’ LCHU. Aktar dettalji dwar l-aġġustamenti ġew ipprovduti fid-divulgazzjoni speċifika ta’ Lotte sabiex tiġi protetta l-kunfidenzjalità tad-data rilevanti.

(79) Fir-rigward tal-punt (c), il-Kummissjoni sabet li l-asserzjoni hija ġġustifikata u aġġustat il-kwantità użata fil-kalkolu għall-kwantità esportata minn Lotte u użata bħala input minn LCHU.

(80) Bħala riżultat tal-bidliet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkalkolat mill-ġdid il-prezz tal-esportazzjoni għal Lotte.

(81) Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni proviżorja, Lotte talbet ukoll il-kalkolu ta’ kull xahar tal-marġni tad-dumping. Lotte ġġustifikat it-talba minħabba li l-prezzijiet tal-materja prima żdiedu matul il-PI, filwaqt li fil-perkors normali tat-test tal-kummerċ tagħha, il-Kummissjoni użat kostijiet medji. Skont Lotte, dan irriżulta f’ċertu bejgħ domestiku, profittabbli fiż-żmien li sar, li nstab (b’mod żbaljat) bħala mhux profittabbli. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tagġmel kalkolu tal-marġni tad-dumping ta’ kull xahar, Lotte pprovdiet tabella riveduta DMCOP kif ukoll tabella G (PL) riveduta b’data ta’ kull xahar, filwaqt li asseriet li dawn it-tabelli kienu bbażati fuq l-informazzjoni inkluża f’eżibit ipprovdut matul iż-żjara ta’ verifika, u għalhekk kienu jikkostitwixxu informazzjoni vverifikata u akkurata.

(82) Fil-bidu, il-Kummissjoni nnotat li ż-żieda fil-kost ma kinitx straordinarja u, bħala medja, inqas minn 15 % matul il-PI. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li l-għan taż-żjara ta’ verifika kien li tiġi vverifikata l-informazzjoni pprovduta fit-tweġiba għall-kwestjonarju, u tali informazzjoni ma kinitx tinkludi data dwar il-kost ta’ kull xahar jew data dwar il-profittabbiltà ta’ kull xahar. L-għan tal-eżibiti pprovduti matul iż-żjara kien li tiġi appoġġata l-verifika tad-data tat-tweġiba għall-kwestjonarju. B’konsegwenza ta’ dan, dawn ġew ivvalutati biss sa fejn kien meħtieġ biex tiġi kkonfermata l-informazzjoni pprovduta fit-tweġiba għall-kwestjonarju. Ma saret l-ebda asserzjoni dwar il-kalkolu ta’ kull xahar qabel il-verifika. Għalhekk, l-eżibiti nfushom jistgħu jitqiesu bħala informazzjoni indipendenti vverifikata u akkurata. Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li t-talba, li hija bbażata fuq sitwazzjoni fattwali magħrufa mill-kumpanija mill-bidu, ġiet biss fi stadju tard tal-investigazzjoni (wara l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji), meta l-Kummissjoni ma kinitx għadha fil-pożizzjoni li tivverifika l-informazzjoni rilevanti. Fl-aħħar nett, l-asserzjoni ma kinitx iġġustifikata b’mod ċar peress li l-bejgħ domestiku kien mifrux kważi b’mod ugwali matul il-perjodu kollu ta’ investigazzjoni. F’tali każ, anke żieda sinifikanti fil-kostijiet, li, kif innotat hawn fuq, ma kinitx preżenti f’dan il-każ, ma kinitx toħloq kwistjoni ta’ komparabbiltà. Għalhekk, it-talba ta’ Lotte ġiet miċħuda.

(83) Wara d-divulgazzjoni definittiva, Lotte indikat żball fil-formula tal-kalkolu għal xi kostijiet tal-SG & A. Il-Kummissjoni aċċettat l-kostijiet mitluba u rreveduti tal-SG & A għal LCHU kif xieraq.

(84) Fil-kummenti tagħha għad-divulgazzjoni proviżorja, LG asseriet li:

(84)

(a) Peress li l-provvediment għal differenzi fiżiċi ġie injorat fit-tabelli DMSAL (bejgħ domestiku) u EUSALUR (bejgħ dirett għall-esportazzjoni lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni), dan lanqas ma kellu jitqies fit-Tabella M-RLSALUR (bejgħ ta’ kumpanija relatata LGCEG (LG Chem Europe GmbH) lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni) bħala kwistjoni ta’ konsistenza.

(b) Ċerti spejjeż li tnaqqsu bħala provvedimenti fit-tabella M-RLSALUR (bejgħ tal-kumpanija relatata LGCEG lil klijenti mhux relatati fl-Unjoni) ma kellhomx jiġu inklużi fil-kalkolu tal-SG & A ta’ LGCEG, li tnaqqas ukoll mill-prezz tal-bejgħ mill-ġdid bħala parti mill-istabbiliment tal-prezz tal-esportazzjoni.

(85) Fir-rigward tal-punt (a), il-Kummissjoni sabet li l-asserzjoni hija ġġustifikata. Il-Kummissjoni ċċarat li l-aġġustamenti għad-differenzi fiżiċi ma kinux tneħħew mit-tabella M-RLSALUR minħabba żball klerikali u rrevediet it-tabella kif xieraq.

(86) Fir-rigward tal-punt (b), il-Kummissjoni sabet ukoll li din l-asserzjoni hija ġġustifikata u neħħiet l-entrati rilevanti mill-kalkolu tal-SG & A tal-LGCEG.

(87) Għal LG, wara analiżi ulterjuri tad-data vverifikata tagħha, il-Kummissjoni għamlet il-bidliet li ġejjin: Aktar dettalji dwar il-bidliet ta’ hawn fuq ġew ipprovduti fid-divulgazzjoni speċifika ta’ LG.

(87)

(a) Ikkalkulat mill-ġdid il-kostijiet SG & A ta’ LG Chem billi neħħiet l-ispejjeż/l-introjtu li ma kinux direttament relatati mal-prodott li qed jiġi investigat.

(b) Ikkalkulat mill-ġdid il-kostijiet SG & A ta’ LG CEG billi neħħiet l-ispejjeż/l-introjtu li ma kinux direttament relatati mal-prodott li qed jiġi investigat

(c) Neħħiet konċessjoni ta’ restituzzjoni tad-dazji mitluba għall-bejgħ għall-esportazzjoni, li nżammet b’mod mhux intenzjonat fl-istadju proviżorju. L-asserzjoni ġiet miċħuda minħabba li ma kinitx issostanzjata biżżejjed.

(d) Aġġustat il-kostijiet tal-kreditu tal-bejgħ għall-esportazzjoni abbażi tal-informazzjoni ppubblikata mill-Bank tal-Korea għal self lil korporazzjonijiet

(e) Għal klijent wieħed, inkludiet aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(a) u 2(10)(k) tar-Regolament bażiku, b’mod partikolari l-eżistenza ta’ primjum ekoloġiku għal ċerti prodotti.

(88) Wara d-divulgazzjoni definittiva, LG asseriet li l-applikazzjoni tal-aġġustament tal-primjum ekoloġiku biex tindirizza d-differenzi allegati fil-grad ta’ sostenibbiltà hija illegali skont il-liġi tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO, World Trade Organization) u tal-UE, u mhux ġustifikata. Biex issostni l-asserzjoni tagħha, LG ipprovdiet l-argumenti li ġejjin, fejn irreferiet ukoll għal żewġ prodotti li għalihom sar aġġustament (il-prodott A u l-prodott B):

(88)

(a) Hemm għadd ta’ varjabbli li flimkien jistabbilixxu l-prezz finali ta’ prodott. Fid-dawl ta’ dan, il-primjum ekoloġiku ma jistax jitqies bħala komponent separat tal-prezz li għalih jista’ jkun ġustifikat aġġustament. Dan huwa appoġġat ukoll mill-Bord tad-WTO fil-każ UE-Bijodiżil (l-Indoneżja), fejn il-Bord sab li primjum ekoloġiku mħallas mill-klijenti għal tip speċifiku ta’ bijodiżil jenħtieġ li jitqies bħala parti strutturali mill-prezz li jitolbu l-produtturi esportaturi.

(b) Il-PCNs jikkategorizzaw il-karatteristiċi ewlenin tal-prodott investigat, li jaffettwaw il-komparabbiltà tal-prezzijiet. Għalhekk, il-prodotti kollha li jaqgħu taħt PCN wieħed huma meqjusa li huma simili u komparabbli f’termini ta’ prezz. Is-suppożizzjoni li ċerti prodotti sostenibbli għandhom grad ogħla ta’ sostenibbiltà minn prodotti oħra ma hijiex sostanzjata.

(c) Kwalunkwe aġġustament irid jindirizza differenzi li huma oġġettivi, speċifikati b’mod ċar u kwantifikabbli bis-sħiħ. Meta applikat l-aġġustament tal-primjum ekoloġiku, il-Kummissjoni naqset milli tispjega b’mod ċar u preċiż liema punt jeħtieġ li jiġi aġġustat, u lanqas ir-raġuni jew il-valur ta’ tali aġġustament.

(d) Għall-prodott A, il-bażi fattwali għall-aġġustament ma hijiex fondata għaliex, minħabba l-karatteristiċi tiegħu, dan il-prodott huwa kompletament komparabbli ma’ prodotti simili mibjugħa fis-suq domestiku. Għalhekk, skont LG, il-marġni tad-dumping għal dan il-prodott irid jiġi kkalkolat billi jitqabbel il-prezz tal-esportazzjoni tiegħu mal-valur normali għall-PCN rilevanti mingħajr ma jiġu applikati xi aġġustamenti. Fi kwalunkwe każ, kif jidher mill-kuntratt bejn LG u l-klijent tagħha, il-primjum ekoloġiku għall-prodott A kien differenti minn dak użat fil-kalkolu tal-aġġustament mill-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, għall-Prodott A, il-Kummissjoni użat ammont żbaljat għall-primjum ekoloġiku, kif jidher mill-ftehim fit-tul rilevanti.

(e) Għall-prodott B, li għalih ma hemm l-ebda bejgħ domestiku, il-marġni tad-dumping irid jiġi stabbilit billi jitqabbel il-prezz tal-esportazzjoni mħallas mill-klijent mal-valur normali mibni abbażi tal-kostijiet. Skont LG, il-kostruzzjoni tal-valur normali abbażi tal-kostijiet ma tħalli l-ebda lok għal aġġustament biex jiġu indirizzati d-differenzi allegati fil-grad ta’ sostenibbiltà, u b’mod partikolari aġġustament li jneħħi prattikament il-profitt kollu tal-bejgħ mill-prezz tal-esportazzjoni.

(f) Ma huwiex fondat li wieħed jiddeduċi l-uniċità ta’ prodott tal-ABS mill-klawżola ta’ esklużività mogħtija għal dak il-prodott lil klijent. Dan għaliex il-prodotti tal-ABS huma intrinsikament spec-in u speċifiċi għall-klijent għall-klijenti ewlenin kollha, irrispettivament mis-suq tad-destinazzjoni. Konsegwentement, il-bejgħ għandu t-tendenza li jkun ibbażat fuq speċifikazzjonijiet u relazzjonijiet ta’ provvista esklużiva, biex jiġi żgurat li l-istess prodott ma jiġix fornut lil utenti oħra.

(g) Intużat rata tal-kambju żbaljata fil-kalkolu tal-aġġustament tal-primjum ekoloġiku meta ġew ikkonvertiti USD għal KRW.

(89) Fir-rigward tal-punt (a), il-Kummissjoni ma kkontestatx li għadd ta’ fatturi huma meqjusa għall-iffissar tal-prezzijiet tal-ABS. Madankollu, l-ebda wieħed minn dawk il-fatturi ma kien ta’ importanza tant unika li ġie inkluż espliċitament fil-formula tal-ipprezzar. Barra minn hekk, abbażi tal-informazzjoni fil-fajl, tali primjum ma ġiex impost fuq xi wieħed mit-tipi ta’ prodotti mibjugħa domestikament, jiġifieri użat biex jiġi stabbilit il-valur normali. Il-kumpanija la kkontestat dan il-fatt, u lanqas ma pprovdiet evidenza li turi l-kuntrarju. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li kien xieraq li tqis il-fatt li l-primjum ġie impost biss fuq il-bejgħ għall-esportazzjoni għall-iskop ta’ tqabbil ġust.

(90) Il-Kummissjoni, barra minn hekk, innotat li l-Bord f’WTO DS UE-Bijodiżil (l-Indoneżja) analizza l-primjum fil-kuntest tal-kostruzzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 2.3 tal-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ tal-1994 (Ftehim Anti-dumping tad-WTO, WTO ADA, Anti-dumping Agreement), jew l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Il-Bord ikkonkluda li l-primjum kien jenħtieġ li jiġi inkluż bħala parti mill-prezz tal-esportazzjoni kostruwit. Fil-każ preżenti, il-primjum ekoloġiku ġie rikonoxxut bħala parti mill-prezz tal-esportazzjoni. Sar aġġustament għall-primjum ekoloġiku għall-iskop ta’ tqabbil ġust skont l-Artikolu 2.4 tal-ADA tad-WTO, jew l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.

(91) Barra minn hekk, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1194/2013 rispettiv elabora fil-premessa (100) li [a]nki jekk il-Kummissjoni taċċetta din il-pretensjoni u żżid l-primjums għall-prezz tal-esportazzjoni, il-primjums ikollhom jerġgħu jitnaqqsu skont l-Artikolu 2(10)(k) sabiex jitqabbel il-prezz tal-esportazzjoni mal-istess valur normali b’kunsiderazzjoni dovuta tad-differenzi li jaffettwaw it-tqabbil tal-prezzijiet. Il-Bord ma analizzax dan l-argument addizzjonali peress li kien diġà kkonkluda li l-Unjoni kienet qed tikser l-Artikolu 2.3 tal-ADA tad-WTO billi ma inkludietx il-primjum fil-prezz tal-esportazzjoni kostruwit. Fil-paragrafu 7.119 tar-Rapport tal-Bord, il-Bord iddikjara li ma kienx meħtieġ li jindirizza argumenti addizzjonali tal-Indoneżja jew tal-Unjoni Ewropea rigward ir-rilevanza tar-regoli li jinsabu fit-tielet u r-raba’ sentenzi tal-Artikolu 2.4 tal-Ftehim Anti-Dumping jew regoli rigward differenzi li jaffettwaw il-komparabbiltà tal-prezzijiet li jinsabu x’imkien ieħor fl-Artikolu 2.4. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li s-sejbiet tal-Bord fit-tilwima tad-WTO msemmija hawn fuq ma kinux applikabbli għall-applikazzjoni tal-aġġustament tal-primjum ekoloġiku skont l-Artikoli 2(10)(a) u 2(10)(k) tar-Regolament bażiku.

(92) Fir-rigward tal-punt (b), il-Kummissjoni nnutat li l-użu tal-PCNs ma ggarantiex li ma jkun meħtieġ l-ebda aġġustament għall-karatteristiċi fiżiċi peress li l-PCN jista’ ma jaqbadx kull karatteristika li tinfluwenza l-prezzijiet tal-prodott li qed jiġi investigat. Fatturi oħra li għandhom impatt fuq il-prezzijiet u l-komparabbiltà tagħhom jistgħu jiġu skoperti matul l-investigazzjoni u jridu jiġu aġġustati għalihom.

(93) Fir-rigward tal-punti (c) sa (e), il-Kummissjoni nnotat li fil-każ preżenti d-differenzi bejn iż-żewġ tipi ta’ prodotti esportati u t-tipi ta’ prodotti mibjugħa domestikament li jaqgħu taħt l-istess PCNs kienu oġġettivi u setgħu jkunu kwantifikabbli abbażi tal-informazzjoni sottomessa mill-kumpanija. L-ewwel nett, kif spjegat fil-premessa (52) tar-Regolament proviżorju, hemm tliet kategoriji ewlenin ta’ ABS ibbilanċjat bil-massa: (1) prodott minn ABS riċiklat mekkanikament, (2) prodott minn materja prima riċiklata kimikament, u (3) prodott minn materja prima bijoloġika. Il-kategorija tal-ABS ibbilanċjat bil-massa ma ġietx inkluża fil-PCN. Fil-każ preżenti, il-bejgħ għall-esportazzjoni tat-tipi ta’ prodotti li għalihom ġie applikat l-aġġustament tal-primjum ekoloġiku jew ma kellux bejgħ domestiku ekwivalenti tat-tip ta’ prodott bl-istess kategorija ta’ kontenut ibbilanċjat bil-massa jew is-sehem tat-tipi ta’ prodotti bl-istess kategorija ta’ kontenut ibbilanċjat bil-massa kien tant baxx li l-bejgħ ta’ tali tipi ta’ prodotti kellu impatt negliġibbli, jekk kien hemm, fuq id-determinazzjoni tal-valur normali. It-tieni, id-differenzi bejn it-tipi ta’ prodotti esportati u dawk mibjugħa domestikament jistgħu jkunu kwantifikabbli abbażi tal-primjum ekoloġiku impost fuq il-bejgħ għall-esportazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset li sa ċertu punt, il-prezz mitlub għat-tipi ta’ prodotti b’kontenut ibbilanċjat bil-massa rrifletta parzjalment il-kost ogħla ta’ tali prodotti. Għalhekk, biex tiddetermina l-valur tal-aġġustament, il-Kummissjoni naqqset il-valur tal-primjum ekoloġiku bid-differenza fil-kost tal-produzzjoni bejn it-tipi ta’ prodotti bl-istess karatteristiċi ħlief għall-eżistenza ta’ kontenut ibbilanċjat bil-massa. Fir-rigward tal-punt (d) u l-ammont allegatament żbaljat għall-aġġustament tal-primjum ekoloġiku għall-Prodott A, il-Kummissjoni nnotat li l-prezz finali kien ibbażat fuq il-kost ta’ riferiment tal-materja prima, diversi kategoriji oħra ta’ kost tal-produzzjoni, u l-primjum ekoloġiku. Fil-każ tal-Prodott A, il-kumpanija madankollu użat il-kost tal-materja prima ta’ tip ta’ prodott (il-Prodott C) li ma kienx ekwivalenti għat-tip ta’ prodott esportat (il-Prodott A). Il-Prodott C lanqas ma nbiegħ fis-suq domestiku taħt il-PCN rilevanti għall-Prodott A. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-kost tal-materja prima użata fil-formula tal-prezz kien esaġerat u sabet li l-użu tal-primjum ekoloġiku applikabbli għall-Prodott B raġonevolment ikkumpensa l-effett tal-kost esaġerat tal-materja prima fil-formula tal-prezz.

(94) Fir-rigward tal-punt (f), il-Kummissjoni nnotat li l-kumpanija ma pprovdiet l-ebda evidenza biex tappoġġa l-asserzjoni li l-maġġoranza tal-bejgħ (domestiku) tagħha kien ibbażat fuq tipi ta’ prodotti uniċi żviluppati speċifikament għall-klijenti tagħha. Għall-kuntrarju ta’ dan, il-Kummissjoni sabet li s-sistema ta’ kodifikazzjoni tal-prodott tal-kumpanija kien fiha kodiċijiet speċifiċi tal-prodott għat-tipi ta’ prodotti mibjugħa lill-klijent fl-Unjoni inkwistjoni li għalihom ġie applikat l-aġġustament tal-primjum ekoloġiku għall-prezz tal-esportazzjoni.

(95) Konsegwentement, abbażi tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, l-asserzjonijiet ta’ LG Chem miġbura fil-qosor fil-premessa (88), il-punti (a) sa (f) ġew miċħuda.

(96) Fir-rigward tal-punt (g), il-Kummissjoni sabet li l-asserzjoni kienet ġustifikata. Għalhekk, ikkoreġiet ir-rata tal-kambju użata, u kkalkolat mill-ġdid l-aġġustament tal-primjum ekoloġiku kif xieraq.

(97) Wara divulgazzjoni finali addizzjonali, LG Chem tenniet l-asserzjonijiet tagħha dwar il-livell tal-aġġustament tal-primjum ekoloġiku għal wieħed mit-tipi ta’ prodotti, l-allegazzjonijiet li wieħed mit-tipi ta’ prodotti fil-fatt ma kienx ibbilanċjat bil-massa u li kien jeżisti bejgħ domestiku komparabbli ta’ wieħed mit-tipi ta’ prodotti.

(98) Peress li l-aġġustament tal-primjum ekoloġiku ma kienx kopert mid-divulgazzjoni finali addizzjonali, il-Kummissjoni qieset l-argumenti addizzjonali bħala bla importanza. Madankollu nnotat ukoll li l-kwistjonijiet imsemmija minn LG Chem kienu ġew indirizzati fil-premessa (93).

(99) Fir-rigward tal-ABS ibbilanċjat bil-massa u l-aġġustament tal-primjum ekoloġiku, fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni finali, LEGO asseriet li r-reviżjoni tal-PCN ma kienx biżżejjed peress li l-PCN ma speċifikax il-kategorija ta’ kontenut ibbilanċjat bil-massa u l-livell tiegħu. Skont il-kumpanija, il-kategoriji varji ta’ ABS ibbilanċjat bil-massa (riċiklat mekkanikament, riċiklat kimikament jew prodott minn materja prima bijoloġika għandhom prezz differenti). Bl-istess mod, il-livell ta’ kontenut ibbilanċjat bil-massa jinfluwenza l-prezz. Għalhekk, mingħajr ma inkludiet iż-żewġ karatteristiċi ta’ hawn fuq fil-PCN, il-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi tipi ta’ prodotti li jiżguraw tqabbil ġust.

(100) Barra minn hekk, il-kumpanija argumentat li t-tnaqqis tal-primjum ekoloġiku mill-prezz tal-esportazzjoni jippenalizza lill-importaturi tal-ABS ibbilanċjat bil-massa darbtejn. Il-kumpanija indikat li t-tnaqqis tal-primjum ekoloġiku mill-prezz tal-esportazzjoni żied il-marġni tad-dumping, iżda fil-prattika, il-primjum se jiġi inkluż fil-prezzijiet tal-importazzjoni li fuqhom se jiġu imposti d-dazji anti-dumping.

(101) Il-Kummissjoni nnotat li ħlief għal LG Chem, l-ebda waħda mill-partijiet ma kkontestat il-kompożizzjoni tal-PCN fil-bidu tal-investigazzjoni. Għalkemm LG Chem ipproponiet struttura alternattiva tal-PCN, lanqas din il-proposta ma inkludiet il-kategorija u l-livell tal-kontenut ibbilanċjat bil-massa. Meta deher ċar matul l-investigazzjoni li l-kontenut ibbilanċjat bil-massa jinfluwenza l-kostijiet u l-prezzijiet tal-ABS, il-Kummissjoni talbet lill-partijiet biex jirrevedu l-PCN irrapportat u jinkludu l-informazzjoni dwar jekk it-tip ta’ prodott kienx fih ABS ibbilanċjat bil-massa fil-PCN. Investigazzjoni ulterjuri tabilħaqq uriet li l-kategorija u l-livell ta’ kontenut ibbilanċjat bil-massa influwenzaw il-kostijiet u l-prezzijiet. Dawn is-sejbiet irriżultaw fil-ħtieġa li jiġi applikat l-aġġustament tal-primjum ekoloġiku kkontestat minn LEGO. Fi kliem ieħor, billi applikat l-aġġustament tal-primjum ekoloġiku, il-Kummissjoni kkoreġiet in-nuqqasijiet fl-istruttura tal-PCN.

(102) Barra minn hekk, il-Kummissjoni nnotat li l-aġġustamenti kollha skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, li jnaqqsu l-prezz tal-esportazzjoni, normalment iwasslu għal dumping ogħla għalkemm id-dazji huma imposti fuq prezz ta’ importazzjoni li jinkludi mill-inqas xi wħud mill-elementi li tneħħew għall-iskop ta’ tqabbil (dawk li ntefqu qabel il-fruntiera tal-Unjoni). L-iskop tal-aġġustamenti skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku huwa li jippermetti tqabbil ġust u mhux li jippenalizza lill-importaturi.

(103) Konsegwentement, l-asserzjonijiet magħmula minn LEGO kif miġbura fil-qosor fil-premessi (99) u (100) ġew miċħuda.

(104) Barra minn hekk, LG asseriet li l-aġġustament tal-kost tal-kreditu għall-prezz tal-esportazzjoni mhux ġustifikat għaliex ir-rati tal-imgħax interbankarji għal terminu qasir huma indikatur raġonevoli għal self korporattiv għal terminu qasir. Madankollu, jekk il-Kummissjoni tiddeċiedi li żżid firxa mar-rati tal-imgħax interbankarji meta tikkalkula l-kost tal-kreditu għall-bejgħ għall-esportazzjoni, jenħtieġ li tagħmel aġġustament simili għall-bejgħ domestiku.

(105) Il-Kummissjoni qieset li r-rati interbankarji jirriflettu r-riskju ta’ self lil istituzzjonijiet finanzjarji, li huma soġġetti għal regolamentazzjoni stretta, inter alia sabiex tiġi żgurata s-solvenza tagħhom. Fid-dawl ta’ dan, ir-riskju ta’ tali self ma huwiex komparabbli mar-riskju ta’ self lil kategorija usa’ ta’ korporazzjonijiet. Għalhekk, ir-rati interbankarji ma jistgħux jitqiesu bħala indikatur tajjeb tajba għar-rati tas-self korporattiv.

(106) Madankollu, il-Kummissjoni aċċettat l-argument ta’ LG li anke għall-bejgħ domestiku, aġġustament simili huwa ġustifikat, u kkalkulat mill-ġdid il-valur normali skont dan.

Valur CIF

(107) Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni proviżorja, Lotte asseriet li sabiex jiġi stabbilit valur tal-kost, assigurazzjoni u nol (CIF, cost, insurance and freight) fil-fruntiera tal-Unjoni u prezz CIF tal-iżbark fl-Unjoni għall-bejgħ għall-esportazzjoni li jsir permezz ta’ negozjant mhux relatat fil-Korea, il-Kummissjoni kellha żżid mal-prezz mitlub minn Lotte, il-kostijiet SG & A u l-profitt tan-negozjant mhux relatat. Għal dak il-għan, Lotte qieset li l-Kummissjoni jenħtieġ li jew tuża r-rapporti finanzjarji ppubblikati ta’ dan in-negozjant biex tikkalkula l-kostijiet tal-SG & A u l-profitt għall-PI, jew titlob id-data rilevanti direttament mingħand in-negozjant.

(108) Il-Kummissjoni aċċettat parzjalment din l-asserzjoni. L-ewwel nett, il-Kummissjoni tinnota li Lotte pprovdiet hija stess stima tal-valur CIF fit-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju. Il-Kummissjoni vverifikat is-CIF propost minn Lotte fuq il-post, aċċettatu u użatu fil-kalkolu tad-dumping tal-kumpanija kif xieraq. Kien biss wara l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji li Lotte kkontestat is-CIF li kienet ipproponiet hija stess. Għalhekk, l-asserzjoni ġiet sottomessa fi stadju meta kien tard wisq għall-Kummissjoni biex tivverifika d-data tan-negozjant mhux relatat jew saħansitra biex titlob informazzjoni aktar dettaljata minn dan in-negozjant jew negozjanti mhux relatati oħrajn tal-produttur esportatur. Abbażi tad-data disponibbli għall-pubbliku ta’ dan in-negozjar mhux relatat, il-Kummissjoni stabbiliet kostijiet li huma assoċjati mal-attivitajiet ta’ negozjar tal-esportazzjoni u kkalkolat il-kostijiet tal-SG & A u l-profitt. Il-Kummissjoni aġġustat il-bejgħ lil dan in-negozjant kif xieraq.

(109) Għal LG, il-Kummissjoni skopriet żball fil-kalkolu tal-istimi tal-valur CIF għat-tranżazzjonijiet tal-esportazzjoni, u kkorreġietu abbażi tal-informazzjoni dwar il-kostijiet tat-trasport ipprovduta mill-kumpanija.

Marġnijiet tad-dumping

(110) Wara l-asserzjonijiet mill-partijiet interessati u analiżi ulterjuri tal-informazzjoni disponibbli, il-Kummissjoni rrevediet il-marġnijiet tad-dumping.

(111) Il-marġnijiet tad-dumping definittivi espressi bħala perċentwal tal-prezz tal-kost, assigurazzjoni u nol (CIF) fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej: Kumpanija Marġni tad-dumping definittiv (%) LG Chem 7,5 Lotte Chemical Corporation 5,2 Kumpaniji oħrajn li kkooperaw 6,8 L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mill-pajjiż ikkonċernat 7,5

It-Tajwan Valur normali

(112) Fil-kummenti tagħha għad-divulgazzjoni proviżorja, l-industrija tal-Unjoni poġġiet f’dubju s-sejba fil-premessa (93) tar-Regolament proviżorju li 99 % tal-bejgħ domestiku mit-Tajwan sar f’livelli profittabbli. Hija talbet ukoll divulgazzjoni tal-kalkoli magħmula mill-Kummissjoni biex jiġu ddeterminati l-valuri normali tat-Tajwan u l-marġnijiet tad-dumping korrispondenti.

(113) Il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjonijiet. B’mod simili għall-asserzjonijiet li tikkonċerna l-Korea indirizzata fil-premessi (51)–(52) hawn fuq, il-Kummissjoni sabet li l-asserzjonijiet tal-industrija tal-Unjoni jew ma kinux appoġġati mill-fatti tal-każ jew ma kinux sostanzjati. Il-Kummissjoni ttenni li l-metodoloġija għall-kalkolu tal-valur normali ġiet spjegata bis-sħiħ lill-partijiet interessati fir-Regolament proviżorju. Id-dettalji mitluba mill-industrija tal-Unjoni ma jirreferux għall-metodoloġija nnifisha, iżda għall-kalkoli mwettqa mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-metodoloġija deskritta, li tikkonċerna data kunfidenzjali tal-produtturi esportaturi li ma tistax tiġi ddivulgata lil partijiet interessati oħra.

(114) Ma wasal l-ebda kumment ieħor dwar il-valur normali. Għalhekk, is-sejbiet fil-premessi (86) sa (98) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

Prezz tal-esportazzjoni

(115) Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-prezz tal-esportazzjoni, is-sejbiet fil-premessa (99) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

Tqabbil

(116) Fl-istadju definittiv, il-Kummissjoni neħħiet il-ftit tranżazzjonijiet mhux prima mil-listi tal-bejgħ domestiku ta’ Chimei Corporation bil-għan li tiżgura tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni stabbilit għal Chimei Corporation għall-istess livell ta’ kwalità. Il-parti ma kellha l-ebda bejgħ mhux prima għall-esportazzjoni tal-ABS lejn l-Unjoni.

(117) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, Formosa Chemicals & Fibre Corporation sostniet li l-klassifikazzjoni kurrenti tal-PCN kienet wiesgħa wisq u naqset milli tqis id-differenzi kritiċi li jaffettwaw il-komparabbiltà ġusta tal-prezzijiet.

(118) Il-Kummissjoni nnotat li, minn naħa waħda, Formosa Chemicals & Fibre Corporation ma għamlet l-ebda kumment dwar l-ambitu tal-prodott fi żmien l-iskadenza ta’ 10 ijiem stabbilita fin-Notifika ta’ bidu tal-proċediment u għamlet kummenti dwar il-klassifikazzjoni tal-PCN biss fi stadju tard fil-proċediment. Min-naħa l-oħra, il-parti la asserietx u lanqas ma wriet li aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(a) għad-differenzi fil-karatteristiċi fiżiċi tal-prodott ikkonċernat kien iġġustifikat. Il-Kummissjoni nnotat li, fi kwalunkwe każ, l-asserzjoni tal-parti dwar komparabbiltà aktar ġusta kienet de facto (parzjalment) ssodisfata sal-punt li l-Kummissjoni qieset kif xieraq il-fatt li ċerti tipi ta’ prodotti kien fihom ABS ibbilanċjati bil-massa għall-fini ta’ tqabbil ġust fid-determinazzjoni tal-marġnijiet tad-dumping u tad-dannu, kif innotat fil-premessa (54) tar-Regolament proviżorju, u emendat il-PCN inizjali matul il-fażi proviżorja tal-investigazzjoni bil-għan li jitqiesu d-differenzi rilevanti b’impatt sinifikanti fuq il-prezzijiet, kif innotat fil-premessa (72) tar-regolament proviżorju. Il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjoni ta’ Formosa Chemicals & Fibre Corporation.

(119) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, Formosa Chemicals & Fibre Corporation tenniet li l-kodiċijiet tal-kostijiet tagħha jipprovdu bażi aktar akkurata u aktar ġusta għat-tqabbil tal-prodotti, għat-tqabbil tal-valur normali u tal-prezz tal-esportazzjoni u għall-kalkolu ta’ marġni tad-dumping. Wara d-divulgazzjoni finali, Formosa Chemicals & Fibre Corporation irrepetiet l-istess kummenti mingħajr ma ressqet elementi ġodda.

(120) Il-Kummissjoni qieset li d-dipendenza fuq il-kodiċijiet tal-kostijiet speċifiċi tal-parti ma kinitx xierqa u li l-istruttura tal-PCN kienet dettaljata biżżejjed biex tiżgura tqabbil ġust u xorta waħda ppermettiet aġġustamenti skont l-Artikolu 2(10) meta jkun meħtieġ. Barra minn hekk, jenħtieġ li jiġi nnotat li l-PCN jiżgura wkoll tqabbil ġust mal-industrija tal-Unjoni għall-valutazzjoni tad-dannu u għalhekk ma jistax jiġi injorat kompletament għall-użu ta’ kodiċijiet speċifiċi għall-kumpanija. Il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjoni ta’ Formosa Chemicals & Fibre Corporation.

Aġġustamenti magħmula għall-valur normali

(121) Chimei Corporation ma qablitx mar-raġunijiet iddivulgati b’mod kunfidenzjali lill-parti fl-istadju proviżorju li abbażi tagħhom il-Kummissjoni ċaħdet il-livell mitlub ta’ aġġustament kummerċjali. Anki jekk fil-kummenti tagħha wara d-divulgazzjoni proviżorja, il-parti qablet li l-bażi normali għall-kalkolu ta’ differenza fil-prezz bejn l-utenti u d-distributuri hija l-bejgħ domestiku, il-parti ddikjarat li, minħabba s-sehem (allegatament) baxx tagħha ta’ ċertu bejgħ domestiku, xejn fl-Artikolu 2(10)(d) tar-Regolament bażiku ma impedixxa aġġustament ikkalkolat abbażi tad-differenzi osservati għall-bejgħ lejn l-Unjoni f’dan il-każ. Wara d-divulgazzjoni finali, Chimei Corporation żiedet li l-Artikolu 2(10)(d)(ii) jippermetti wkoll li jingħata aġġustament speċjali meta differenza eżistenti fil-livell kummerċjali ma tkunx tista’ tiġi kkwantifikata minħabba n-nuqqas tal-livelli relevanti fis-suq domestiku tal-pajjiżi esportaturi, jew fejn ċerti funzjonijiet ikun jidher ċar li jkunu relatati ma’ livelli kummerċjali għajr dak li jkun jintuża fit-tqabbil. Il-parti allegat li din id-dispożizzjoni ma teħtieġx li l-aġġustament jiġi kwantifikat esklużivament b’referenza għall-bejgħ domestiku u tat eżempji ta’ investigazzjonijiet anti-dumping (Xkejjer u basktijiet mill-Indja, fibri prinċipali ta’ poliesteri (PSF, synthetic staple fibres of polyesters) miċ-Ċina u l-Arabja Sawdija, FeSi u Qamħirrum Ħelu mit-Tajlandja) fejn il-Kummissjoni kienet tiddependi fuq indikaturi biex tikkwantifika d-differenzi fil-livell tal-kummerċ f’ċirkostanzi fejn il-livelli rilevanti tal-kummerċ kienu assenti mis-suq domestiku tal-esportaturi. Il-parti ma qablitx li l-ineżattezzi fil-kategorizzazzjoni tal-klijenti domestiċi bħala utenti jew distributuri għal fatturi kampjunati jqajmu dubji dwar il-kategorizzazzjoni tal-bosta klijenti tagħha minn Chimei Corporation.

(122) L-ewwel nett, il-Kummissjoni ma qablitx li l-parti wriet li l-aġġustament kien meħtieġ. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tfakkar li, fit-taqsimiet D.1 (bejgħ domestiku) u E.1 (bejgħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni) tat-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju, Chimei Corporation iddikjarat li ma hijiex se toħroġ listi tal-prezzijiet lill-klijenti tagħha u li l-prezz tal-bejgħ ġie ddeterminat permezz ta’ negozjati mal-klijent fuq bażi ta’ każ b’każ. Barra minn hekk, ma sar disponibbli l-ebda kuntratt jew evidenza fiżika oħra lill-Kummissjoni li setgħet tappoġġa l-ħtieġa għal aġġustament biex jiġi nnewtralizzat fattur li affettwa l-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet. It-tieni, jekk kien meħtieġ aġġustament, quad non, il-Kummissjoni qajmet dubji dwar l-affidabbiltà tal-informazzjoni li tista’ sservi biex jiġi kkwantifikat aġġustament, jekk ikun hemm. L-affidabbiltà tal-informazzjoni li tista’ sservi biex tikkwantifika aġġustament ma kinitx f’riskju fi Xkejjer u basktijiet mill-Indja, PSF miċ-Ċina u l-Arabja Sawdija, FeSi jew Qamħirrum Ħelu mit-Tajlandja. L-erba’ eżempji mogħtija minn Chimei Corporation, jiġifieri l-Qamħirrum Ħelu mit-Tajlandja (fejn, għall-kuntrarju ta’ dak li ddikjarat il-parti, il-livell rilevanti ta’ kummerċ kien preżenti fis-suq domestiku tal-esportaturi) għalhekk ma jistgħux isostnu l-pożizzjoni tal-parti. Fil-każ ta’ Chimei Corporation, il-verifika tal-kategorizzazzjoni tal-klijenti domestiċi bħala utenti jew distributuri għal fatturi kampjunati wriet ineżattezzi. Dan u nuqqasijiet oħra fir-rigward tal-kategorizzazzjoni tal-klijenti ġew żvelati lill-parti b’mod kunfidenzjali fl-istadju proviżorju. L-ineżattezzi u n-nuqqasijiet imsemmija jqajmu dubji dwar il-kategorizzazzjoni tal-bosta klijenti tagħha minn Chimei Corporation. Barra minn hekk, id-differenza fil-prezzijiet fil-livell tal-PCN ma kinitx konsistenti (kif meħtieġ fl-Artikolu 2(10)(d)(i) tar-Regolament bażiku) sal-punt li l-prezzijiet għad-distributuri mhux dejjem kienu aktar baxxi minn dawk għall-utenti. Fil-qosor, Chimei Corporation naqset milli turi jekk, kif asseriet, il-bejgħ lid-distributuri kienx bi prezzijiet aktar baxxi u li l-livell tal-prezzijiet tal-bejgħ lid-distributuri kien marbut ma’ livell differenti ta’ kummerċ. Il-Kummissjoni pjuttost ikkonkludiet li l-prezz tal-bejgħ ġie ddeterminat permezz ta’ negozjati mal-klijent fuq bażi ta’ każ b’każ. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjoni ta’ Chimei Corporation.

(123) Fil-kummenti tagħha dwar id-divulgazzjoni proviżorja, Chimei Corporation tenniet il-asserzjoni tagħha li l-kostijiet tal-SG & A u l-profitt jenħtieġ li jitneħħew mill-kalkolu tal-valur normali għall-bejgħ domestiku magħmul mill-parti relatata tagħha fit-Tajwan. Chimei Corporation iddikjarat li r-raġunijiet mogħtija fl-istadju proviżorju għar-rifjut tal-asserzjoni tagħha kienu irrilevanti. Chimei Corporation allegat li t-tqabbil li sar bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali ma kienx fl-istess livell ta’ kummerċ minħabba li l-bejgħ permezz tal-parti relatata tagħha kien jinkludi għadd doppju tal-SG & A u tal-profitt. Chimei Corporation talbet lill-Kummissjoni tittrasponi lill-entità relatata domestika tagħha l-approċċ konsistenti tal-Kummissjoni li tagħmel aġġustamenti meta negozjanti relatati jkunu involuti fl-esportazzjonijiet lejn l-Unjoni.

(124) Wara d-divulgazzjoni finali, Chimei Corporation insistiet li, għall-kuntrarju tar-rekwiżit tax-chapeau tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali ma kinux fl-istess livell ta’ kummerċ, peress li l-valur normali kien jinkludi żewġ saffi ta’ kostijiet tal-SG & A u l-profitt (kemm minn Chimei Corporation kif ukoll mill-parti relatata tagħha), filwaqt li l-prezz tal-esportazzjoni kien fih biss saff wieħed ta’ kostijiet u profitt tal-SG & A (dawk ta’ Chimei biss). Il-parti qieset li l-Kummissjoni ma spjegatx għaliex il-parti relatata tagħha ma tistax titqies bħala negozjant relatat skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku, u lanqas ma kkunsidrat l-evidenza fattwali u l-kunsiderazzjonijiet tar-remunerazzjoni pprovduti minn Chimei fil-kummenti dwar id-divulgazzjoni proviżorja. Fil-fehma tagħha, il-Kummissjoni messha spjegat għaliex l-eżistenza ta’ aktar ipproċessar jew bidliet fil-PCN (sa fejn iseħħu) jipprevjenuha milli tiżola u tnaqqas il-parti tal-marġni li tikkorrispondi għall-funzjonijiet ta’ distribuzzjoni u bejgħ, filwaqt li tħalli kwalunkwe element relatat mal-ipproċessar rifless b’mod xieraq fl-istruttura tal-PCN u tal-kostijiet. Il-parti appellat lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet legali li għandhom importanza deċiżiva fil-kuntest tad-deċiżjoni u talbet spjegazzjonijiet addizzjonali għaliex ċerti argumenti ma ġewx aċċettati bil-għan li teżerċita kif suppost id-drittijiet tad-difiża tagħha.

(125) Minbarra l-argumenti ddivulgati lil Chimei Corporation b’mod kunfidenzjali fl-istadju proviżorju, il-Kummissjoni nnotat li t-tneħħija tal-SG & A u l-profitt għall-parti relatata ta’ Chimei Corporation ma jkunux xierqa f’dan il-każ meta titqies in-natura tal-attivitajiet imwettqa mill-parti relatata inkwistjoni. It-talba ta’ Chimei Corporation tkun tinvolvi li l-valur normali jkollu biss l-SG & A u l-profitt ta’ Chimei Corporation għall-ABS ipproċessati aktar mill-parti relatata ta’ Chimei Corporation u bidla fil-PCN. Kemm il-prattika tal-Kummissjoni stess kif ukoll il-Qrati kkonfermaw li r-realizzazzjoni ta’ profitt fuq bejgħ mill-ġdid minn negozjant relatat tissodisfa r-rekwiżit ta’ marġni kummerċjali skont l-Artikolu 2(10)(i), madankollu, il-merti ta’ kull każ huma ta’ importanza kbira. Biex jiġi ġġustifikat aġġustament għall-kummissjonijiet skont l-Artikolu 2(10)(i), it-toller/negozjant inkwistjoni jrid iwettaq funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq bażi ta’ kummissjoni. Skont il-ġurisprudenza, dan irid jiġi stabbilit mill-parti li qed titlob l-aġġustament, f’dan il-każ Chimei Corporation. Chimei Corporation ma rnexxilhiex tistabbilixxi dan.

(126) Barra minn hekk, fl-investigazzjoni preżenti, f’konformità ma’ Çolakoğlu, il-Kummissjoni qieset ir-realtà tal-każ (jiġifieri li l-parti relatata ma’ Chimei Corporation terġa’ tbigħ fis-suq domestiku biss wara li tipproċessa l-prodotti ta’ Chimei Corporation) u d-data disponibbli wkoll. F’dan ir-rigward, billi kwalunkwe element relatat mal-ipproċessar jenħtieġ li jiġi rifless b’mod xieraq fl-istruttura tal-kostijiet, il-valur normali inkluda żewġ saffi ta’ kostijiet tal-SG & A u l-profitt (wieħed minn Chimei Corporation u ieħor mill-parti relatata tagħha). Anke jekk l-attivitajiet ta’ pproċessar tal-parti relatata varjaw skont il-prodott, dawn dejjem seħħew. It-talba ta’ Chimei Corporation wara d-divulgazzjoni finali biex tiġi iżolata u mnaqqsa l-parti tal-marġni li tikkorrispondi speċifikament għall-funzjonijiet ta’ distribuzzjoni u bejgħ tal-parti relatata tagħha hija kuntrarja għall-oneru tal-prova stabbilit mid-dispożizzjonijiet tax-chapeau tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku (li skont dan ikun f’idejn min jagħmel l-asserzjoni biex jipprova u jiżola l-asserzjoni tiegħu). Barra minn hekk, l-asserzjoni ta’ Chimei Corporation waslet tard wisq fil-proċedura. Chimei Corporation ma iżolatx parti mill-marġni tal-parti relatata li tikkorrispondi speċifikament għall-funzjonijiet ta’ distribuzzjoni u bejgħ (kontra l-marġni tal-parti relatata li tikkorrispondi għal attivitajiet oħra (ta’ pproċessar)) u lanqas ma wieġbet b’mod sinifikanti għat-tħassib tal-Kummissjoni għal kwantifikazzjoni fl-ebda stadju tal-proċediment. Dan anke jekk il-Kummissjoni qasmet fi żmien xieraq il-materjal fattwali u legali kollu li fforma l-bażi tad-deċiżjonijiet tagħha. F’dan ir-rigward, fit-18 ta’ Awwissu 2025, fid-divulgazzjoni proviżorja tagħha, il-Kummissjoni wissiet lill-parti dwar diffikultajiet prattiċi li ltaqgħu magħhom biex tikkwantifika aġġustament, jekk ikun hemm. F’dan ir-rigward, Chimei Corporation ma segwietx it-tentattivi tal-Kummissjoni biex tanalizza r-relazzjoni speċifika fost iż-żewġ partijiet, jiġifieri bbażata fuq ir-rabta bejn it-tabelli DMSAL (jiġifieri l-bejgħ fuq il-bażi skont it-tranżazzjoni tal-produttur lil klijenti relatati u mhux relatati fis-suq domestiku) u DMSALRL (jiġifieri l-bejgħ fuq il-bażi skont it-tranżazzjoni tal-parti relatata ta’ Chimei Corporation fis-suq domestiku tagħha). Kieku kien hemm traċċabbiltà tajba u kieku d-DMSALRL kien imtela kompletament wara l-istruzzjonijiet kollha meta dovut, quad non, kien ikun hemm aktar dettalji dwar l-attivitajiet speċifiċi tat-toller relatat fuq il-bażi skont it-tranżazzjoni u setgħet tiġi esplorata l-eżistenza ta’ xejriet. Il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjonijiet ta’ Chimei Corporation.

(127) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, Formosa Chemicals & Fibre Corporation talbet aġġustament ’l isfel tal-valur normali li jqis id-differenzi fl-istrutturi tas-suq tal-esportazzjoni domestiċi u tal-Unjoni, u d-differenzi fl-ipprezzar ibbażati fuq il-kwantitajiet mibjugħa, skont l-Artikolu 2(10)(c) tar-Regolament bażiku u l-pożizzjoni tal-Kummissjoni fi Ħjut b’Saħħithom Ħafna mill-Belarus, il-Korea u t-Tajwan. Il-parti bbażat it-talba tagħha fuq analiżi empirika li skontha, għal sehem sinifikanti tal-bejgħ domestiku, il-prezz medju ta’ unità ta’ kull xahar ta’ ordnijiet kbar fi ħdan PCN partikolari kien aktar baxx mill-prezz medju ta’ unità ta’ kull xahar ta’ ordnijiet żgħar fi ħdan dak l-istess PCN. Wara d-divulgazzjoni finali, il-parti tenniet it-talba tagħha li taġġusta l-valur normali biex jitqiesu d-differenzi fl-istrutturi tas-suq domestiku u tal-esportazzjoni tal-UE, u d-differenzi fl-ipprezzar ibbażati fuq il-kwantitajiet mibjugħa, skont l-Artikolu 2(10)(c) tar-Regolament bażiku. Ma tressaq l-ebda elementi ġdid.

(128) Matul l-investigazzjoni, il-Kummissjoni għamlet ħilitha biex tiġbor evidenza konkreta dwar kif Formosa Chemicals & Fibre Corporation stabbiliet il-prezzijiet tal-bejgħ. F’dan ir-rigward, fit-taqsimiet D.1 (bejgħ domestiku) u E.1 (bejgħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni) tat-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju, Formosa Chemicals & Fibre Corporation iddikjarat li ma hijiex se toħroġ listi tal-prezzijiet lill-klijenti tagħha. Ma sar disponibbli l-ebda kuntratt jew evidenza konkreta oħra lill-Kummissjoni fiż-żjara ta’ verifika li setgħet tappoġġa d-dikjarazzjoni li l-ordnijiet li jaqbżu ċertu limitu bbenefikaw minn prezzijiet aktar baxxi jew li ngħataw skontijiet ta’ kwantità għal differenzi fi kwantitajiet direttament marbuta mal-bejgħ li qed jiġi kkunsidrat. Il-Kummissjoni sabet li l-asserzjoni ta’ Formosa Chemicals & Fibre Corporation hija bla bażi u għalhekk ġiet miċħuda.

Aġġustamenti magħmula għall-prezz tal-esportazzjoni

(129) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, Chimei Corporation qieset li l-Kummissjoni ma kinitx issodisfat ir-rekwiżiti tal-oneru tal-prova għall-aġġustamenti li għamlet għall-prezz tal-esportazzjoni tal-kumpanija fir-rigward tal-kostijiet ta’ kreditu u r-ribassi ta’ tmiem is-sena.

(130) Il-Kummissjoni rrevediet il-pożizzjoni proviżorja tagħha fir-rigward tar-ribassi ta’ tmiem is-sena u kkunsidrat fl-istadju finali li n-natura tar-ribassi ta’ tmiem is-sena rrapportati minn Chimei Corporation għall-bejgħ għall-esportazzjoni għamlitha ineliġibbli għal konċessjoni.

(131) Fir-rigward tal-kostijiet ta’ kreditu, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet proviżorji tagħha. L-ewwel nett, il-Kummissjoni qieset li l-fatt li Chimei Corporation irrapportat il-kostijiet ta’ kreditu għall-bejgħ għall-esportazzjoni kien jinvolvi li l-parti qisithom bħala fattur li tqies fid-determinazzjoni tal-prezzijiet mitluba. It-tieni, l-istrateġiji tas-saldu tal-pagamenti fis-swieq domestiċi u tal-esportazzjoni varjaw b’mod sinifikanti. Dan appoġġa aġġustament ’l isfel għall-kostijiet ta’ kreditu fuq il-prezz tal-esportazzjoni (biss) minħabba li l-kwistjonijiet ta’ saldi li abbażi tagħhom ġie miċħud aġġustament tal-kost ta’ kreditu għall-kalkoli tal-valur normali ma ġewx osservati għall-klijenti fl-Unjoni.

(132) Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor dwar tqabbil ġust, is-sejbiet fil-premessi (100) sa (105) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

Marġnijiet tad-dumping

(133) Wara l-bidliet deskritti fil-premessi (116) u (130), il-Kummissjoni rrevediet il-marġni tad-dumping għal Chimei Corporation minn 10,8 % għal 10,9 %.

(134) Il-marġnijiet tad-dumping definittivi espressi bħala perċentwal tal-prezz tal-kost, assigurazzjoni u nol (CIF) fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej: Kumpanija Marġni tad-dumping definittiv (%) Chimei Corporation Grand Pacific Petrochemical Corporation 10,9 Formosa Chemicals & Fibre Corporation 21,7 L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mit-Tajwan 21,7

DANNU Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(135) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, Lotte u l-GtK tennew li l-kompotaturi jenħtieġ li jitqiesu bħala parti mill-industrija tal-Unjoni u inklużi fl-analiżi tad-dannu. F’dan ir-rigward, il-partijiet irreferew għas-sejbiet tal-bordijiet tad-WTO u tal-Korp tal-Appell f’diversi każijiet ta’ soluzzjoni tat-tilwim, li sostnew li l-produtturi huma dawk li jagħmlu l-prodott u dawk li jipproduċu inputs biex jagħmlu dak il-prodott ma jistgħux jitqiesu bħala produtturi. F’dan ir-rigward, il-partijiet fakkru li l-kompotaturi huma involuti fil-produzzjoni tal-ABS b’żewġ modi:

(135)

(a) Dawn jixtru l-prodott lest u jħalltuh ma’ (ko)polimeri, pigmenti jew addittivi oħra li jtejbu l-proprjetajiet tal-prodott;

(b) Huma jixtru trab niexef, prodott nofsu lest li fih it-tliet monomeri kollha iżda li għandu kontenut għoli ta’ butadien u għalhekk ma huwiex adattat għal użi industrijali. Dan il-prodott nofsu lest imbagħad jitħallat mal-istiren-akrilonitril (SAN) biex jasal għall-prodott lest, l-ABS bil-kontenut xieraq tat-tliet monomeri.

(136) Fl-istadju proviżorju, il-Kummissjoni tabilħaqq analizzat biss l-attivitajiet ta’ taħlit deskritti fil-premessa (135), il-punt (a). Il-Kummissjoni sabet li tali kumpaniji jenħtieġ li ma jitqisux bħala parti mill-industrija tal-Unjoni peress li ma kinux iwettqu l-aktar pass importanti tal-produzzjoni (it-tlestija tal-proċess ta’ polimerizzazzjoni) u l-valur miżjud tagħhom kien relattivament żgħir (7-10 %) (ara l-premessi (114) sa (116) tar-Regolament proviżorju).

(137) Minbarra dan, il-Kummissjoni eżaminat ukoll l-informazzjoni disponibbli fil-fajl dwar il-kompostaturi deskritti fil-premessa (135), il-punt (b). L-ewwel nett, ta’ min jinnota li l-kumpaniji li jixtru t-trab niexef jistgħu jużawh biex jagħmlu prodotti li ma humiex soġġetti għal din l-investigazzjoni (pereż. PC/ABS, taħlita li fiha aktar minn 50 % tal-polikarbonat, MABS, taħlita li fiha aktar minn 50 % metilmetakrilat). Għalhekk, il-kumpaniji li jipproċessaw it-trab niexef mhux neċessarjament jagħmlu prodott li huwa kopert minn din l-investigazzjoni.

(138) Il-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni u l-importazzjonijiet mill-Korea u mit-Tajwan jirrappreżentaw 94 % tal-konsum tal-ABS tal-Unjoni. Mill-erba’ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, wieħed biss biegħ volum żgħir ta’ trab niexef (inqas minn 20 tunnellata) lid-distributuri fl-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni. L-industrija tal-Unjoni biegħet [3800-4100] tunnellata ta’ trab niexef fis-suq tal-Unjoni. [83-86] % ta’ dik il-kwantità nbiegħet lil klijent wieħed li pproċessa il-prodott nofsu lest fi prodotti lesti. Skont l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku, dak il-klijent offra [42-46] gradi ta’ PC/ABS, prodott li ma huwiex fl-ambitu ta’ din l-investigazzjoni, u [1-3] gradi biss ta’ ABS/PC, prodott li huwa fl-ambitu ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, aħna kkonkludejna li kien improbabbli ħafna li dak il-klijent ipproduċa kwantitajiet sinifikanti ta’ tali gradi li jistgħu jaqgħu fl-ambitu ta’ din l-investigazzjoni.

(139) Anki jekk il-bejgħ totali magħruf ta’ trab niexef fis-suq tal-Unjoni kellu jintuża biex jiġi prodott il-prodott li qiegħed jiġi investigat, il-volum addizzjonali totali jammonta għal 3 % biss tal-produzzjoni tal-ABS fl-Unjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni kif deskritt fil-premessa (141) tar-Regolament proviżorju.

(140) Fl-aħħar nett, kif indirizzat fil-premessa (115) tar-Regolament proviżorju, il-kompotaturi potenzjali ġew ikkuntattjati qabel il-bidu fir-rigward tal-eżerċizzju permanenti u wkoll fil-bidu. Matul l-investigazzjoni kollha, kumpanija waħda biss, Romira GmbH, asseriet li hija kompotatur irreġistrat bħala parti interessata. Il-kumpanija qatt ma għamlet xi rappreżentazzjonijiet, u lanqas ma pprovdiet xi data għall-investigazzjoni.

(141) Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet li anke jekk kien hemm kompotaturi fis-suq tal-Unjoni li jużaw trab niexef biex jipproduċu volumi addizzjonali ta’ ABS, is-sehem tagħhom fil-produzzjoni u l-bejgħ totali ma kienx tant kbir li seta’ jbiddel is-sejbiet tal-Kummissjoni dwar id-dannu, il-kawżalità u l-interess tal-Unjoni. Għalhekk, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma tqishomx parti mill-industrija tal-Unjoni ma fixklitx l-istampa tad-dannu.

(142) Għalhekk, l-asserzjoni li saret minn Lotte u mill-GtK dwar il-kompożizzjoni tal-industrija tal-Unjoni ġiet miċħuda.

Konsum tal-Unjoni

(143) Fin-nuqqas ta’ kummenti li jikkonċernaw il-konsum tal-Unjoni, il-premessi minn (117) sa (119) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

Importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati Valutazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati

(144) Fin-nuqqas ta’ kummenti li jikkonċernaw il-valutazzjoni kumulattiva tal-effetti tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati, il-premessi (120) sa (123) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

Prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati u twaqqigħ tal-prezz

(145) Wara l-bidliet fil-prezzijiet tal-esportazzjoni Koreani kif stipulat fil-premessi (58) sa (75) u r-reviżjoni tal-profitt tal-importatur mhux relatat kif stipulat fil-premessi (60) sa (63), il-marġni medju ponderat tat-twaqqigħ tal-prezz fis-suq tal-Unjoni varja minn 26,2 % sa 28,1 % għall-Korea fil-perjodu ta’ investigazzjoni.

(146) Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-prezzijiet tal-importazzjonijiet u t-twaqqigħ tal-prezz, il-bqija tal-elementi diskussi fil-premessi (128) sa (135) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni Kummenti ġenerali

(147) Lotte u l-GtK sostnew li l-Kummissjoni ma qisitx in-natura eċċezzjonali tas-snin 2020 u 2021. Il-partijiet asserixxew li dan wassal għal stampa distorta tad-dannu u rrimarkaw l-evoluzzjoni tal-importazzjonijiet, li naqsu fl-2020 (meta mqabbla mal-2019) fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u bdew jiżdiedu għal-livelli ta’ qabel il-pandemija tagħhom mill-2021.

(148) Għall-kuntrarju ta’ dak li allegaw il-partijiet, il-Kummissjoni indirizzat in-natura eċċezzjonali tas-snin 2020 u 2021 fir-Regolament proviżorju, jiġifieri fil-premessi (177) sa (179) tar-Regolament proviżorju. Il-partijiet ma ppreżentaw l-ebda evidenza addizzjonali li tinvalida s-sejbiet tal-Kummissjoni mill-istadju proviżorju tal-investigazzjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjoni.

Indikaturi makroekonomiċi

(149) Fin-nuqqas ta’ kummenti li jikkonċernaw l-indikaturi makroekonomiċi, il-premessi (141) sa (155) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

Indikaturi mikroekonomiċi

(150) Fin-nuqqas ta’ kummenti li jikkonċernaw l-indikaturi mikroekonomiċi, il-premessi (156) sa (170) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

Konklużjoni dwar id-dannu

(151) Abbażi ta’ dan ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku kif deskritt fil-premessi (171) sa (173) tar-Regolament proviżorju.

KAWŻALITÀ Effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping

(152) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, LEGO sostniet li l-miżuri jenħtieġ li jintemmu fir-rigward tat-Tajwan. F’dan ir-rigward, il-kumpanija asseriet li l-Kummissjoni kellha tuża perjodu li jibda fl-2021 u li jintemm fil-perjodu ta’ investigazzjoni bħala l-perjodu taħt kunsiderazzjoni skont il-prattika stabbilita tal-Kummissjoni għaliex l-2020 kienet sena eċċezzjonali affettwata mill-pandemija tal-COVID-19. Il-kumpanija irrimarkat li n-natura eċċezzjonali tal-2020, li għamlitha mhux rappreżentattiva, instabet f’diversi investigazzjonijiet oħra. Il-parti ssottomettiet ukoll li kieku l-2021 kienet intużat bħala l-bidu tal-perjodu kkunsidrat, l-importazzjonijiet mit-Tajwan instabu li kienu qed jonqsu f’termini assoluti u relattivi u għalhekk l-investigazzjoni jenħtieġ li tintemm fir-rigward tat-Tajwan.

(153) Fuq nota simili, fil-kummenti tagħhom dwar id-divulgazzjoni proviżorja, l-awtoritajiet tat-Tajwan sostnew li kien hemm nuqqas ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet mit-Tajwan u d-dannu materjali mġarrab mill-industrija tal-Unjoni. B’mod partikolari, l-awtoritajiet irrimarkaw li l-importazzjonijiet mit-Tajwan naqsu wara l-2022, jiġifieri fl-2023 u fil-perjodu ta’ investigazzjoni, u għalhekk is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni kellha tmur għall-aħjar.

(154) F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li s-sena 2020 tabilħaqq ma setgħetx titqies bħala rappreżentattiva minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Madankollu, is-sena 2021 kienet ukoll eċċezzjonali meta wieħed iqis l-isplużjoni ekonomika ta’ wara l-pandemija. Il-Kummissjoni wettqet analiżi tad-dannu bbilanċjata fejn qieset il-fatt li dawn is-sentejn kienu pjuttost straordinarji. Din il-kwistjoni ġiet indirizzata fil-premessi (177) sa (179) tar-Regolament proviżorju u fil-premessi (147) u (148) hawn fuq.

(155) Barra minn hekk, kif spjegat fil-premessi (120) sa (123) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni sabet li l-importazzjonijiet mill-Korea u mit-Tajwan jenħtieġ li jiġu analizzati b’mod kumulattiv peress li l-kundizzjonijiet kollha għall-akkumulazzjoni kienu ġew issodisfati. Il-fatt li l-importazzjonijiet mill-Korea żdiedu matul il-perjodu kollu kkunsidrat filwaqt li l-importazzjonijiet mit-Tajwan naqsu f’parti mill-perjodu kkunsidrat (fl-2023 u fil-perjodu ta’ investigazzjoni) ma jistax jitqies bħala raġuni li tipprevjeni lill-Kummissjoni minn analiżi kumulattiva. Konsegwentement, l-asserzjonijiet taż-żewġ partijiet ġew miċħuda.

Effetti ta’ fatturi oħrajn Kost tal-enerġija u tal-materja prima

(156) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, Lotte u l-GtK tennew li d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni ma kienx ikkawżat mill-importazzjonijiet mill-Korea iżda minn żieda fil-kost tal-enerġija u tal-materja prima. Dawn urew iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija bbażata fuq data mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE), li wriet li l-prezz tal-elettriku fl-Unjoni żdied b’aktar mid-doppju bejn l-2021 u l-2023, filwaqt li l-kost tal-elettriku fil-Korea kien żdied biss b’madwar 50 %. Fir-rigward tal-materja prima, il-partijiet irreferew għal parametri referenzjarji għaċ-Ċina u l-Ewropa bbażati fuq data ta’ informazzjoni dwar is-suq minn Platts.

(157) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, LG Chem asseriet li r-raġuni aħħarija għaż-żieda fl-importazzjonijiet tal-ABS li joriġinaw mill-Korea kienet il-kwalità għolja tal-prodotti tagħhom flimkien ma’ proċess ta’ produzzjoni aktar effiċjenti u kost tal-produzzjoni aktar baxx korrispondenti. Il-kumpanija irrimarkat li l-Kummissjoni naqset milli tikkwantifika ż-żieda globali fil-kost tal-enerġija u fil-kost tal-merkanzija matul il-perjodu kkunsidrat.

(158) Il-Kummissjoni analizzat id-data vverifikata tal-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun u tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun fil-pajjiżi kkonċernati. Filwaqt li l-kost tal-materja prima għal kull unità ta’ prodott lest kien tabilħaqq aktar baxx fil-Korea u fit-Tajwan, il-kost tal-enerġija għal kull unità ta’ prodott lest imġarrab mill-industrija tal-Unjoni kien fil-firxa tal-kost tal-enerġija miksub mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun. Il-kost tal-materja tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun kien ta’ 5-15 % inqas mill-kost jew mill-materja prima mġarrba mill-industrija tal-Unjoni.

(159) L-analiżi ta’ hawn fuq ikkonfermat il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni stabbiliti fil-premessa (198) tar-Regolament proviżorju li l-kost ogħla tal-produzzjoni kkontribwixxa għad-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni iżda ma naqqasx ir-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u d-dannu. Barra minn hekk, il-Kummissjoni fakkret li fin-nuqqas ta’ kompetizzjoni inġusta, l-industrija tal-Unjoni tkun tista’ tirkupra mill-inqas parti mill-kost tal-produzzjoni tagħha u b’hekk tikseb profitti aktar raġonevoli. Għalhekk, l-asserzjoni li d-dannu kien ikkawżat biss minn kost għoli tal-enerġija u tal-materja prima fl-Unjoni ġiet miċħuda.

Nuqqas ta’ ottimizzazzjoni tal-kostijiet u ta’ investiment

(160) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, Lotte u l-GtK tennew l-asserzjonijiet tagħhom li d-dannu mġarrab mill-industrija tal-Unjoni kien ikkawżat min-nuqqas ta’ ottimizzazzjoni tal-kostijiet u minn investimenti fit-titjib tal-operazzjonijiet tagħhom fl-Unjoni. Il-partijiet irreferew għall-fatt li l-industrija tal-Unjoni żiedet il-kapaċità tal-produzzjoni tagħha fl-2021 u fl-2022 minkejja t-tnaqqis tas-suq tal-Unjoni. Barra minn hekk, huma irrimarkaw li Ineos kienet qed tinvesti fiċ-Ċina filwaqt li ttraskurat l-operazzjonijiet tagħha fl-Unjoni.

(161) L-ewwel nett, il-Kummissjoni nnotat li l-partijiet ma ppreżentaw l-ebda argument jew evidenza ġdida dwar in-nuqqas ta’ ottimizzazzjoni tal-kostijiet.

(162) Għall-kuntrarju ta’ dan, il-Kummissjoni sabet li l-industrija tal-Unjoni qed tikkonsolida l-għadd ta’ impjiegi tagħha billi tottimizza l-funzjonijiet ta’ ġestjoni u ta’ amministrazzjoni u qed tkompli tagħmel dan anke wara l-perjodu kkunsidrat. Madankollu, it-tnaqqis tal-persunal relatat mal-produzzjoni kien limitat mill-għadd meħtieġ biex jitħaddmu l-impjanti u l-linji ta’ produzzjoni eżistenti.

(163) Il-kwistjoni ta’ kapaċità ta’ produzzjoni addizzjonali kienet diġà ġiet indirizzata fil-premessi (199) sa (201) tar-Regolament proviżorju. Minbarra l-ispjegazzjonijiet ipprovduti fir-Regolament proviżorju, ta’ min jinnota li għall-kuntrarju ta’ dak li asserew il-partijiet, is-suq tal-Unjoni kiber f’dawk is-sentejn (2021 u 2022) meta l-kapaċità ta’ produzzjoni ġdida tqiegħdet fis-seħħ mill-industrija tal-Unjoni. Dan naqas biss fl-2023 u fil-perjodu ta’ investigazzjoni anke taħt il-livell tal-2020, il-bidu tal-perjodu li qed jiġi kkunsidrat.

(164) Fir-rigward tal-investimenti ta’ Ineos fiċ-Ċina, is-sempliċi fatt li l-grupp globali investa f’reġjun wieħed ma jagħtix prova waħdu li dan ittraskura l-operazzjonijiet tiegħu f’reġjun ieħor. Il-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun dehru li għandhom strateġija ta’ internazzjonalizzazzjoni differenti mill-produtturi esportaturi Koreani. Filwaqt li l-kumpaniji Koreani servew is-suq globali primarjament mill-impjanti tal-produzzjoni tagħhom li jinsabu fil-Korea, il-gruppi li għalihom jappartjenu l-produtturi tal-Unjoni inklużi fil-kampjun stabbilew preżenza eqreb għall-klijenti tagħhom.

(165) Konsegwentement, l-asserzjoni deskritta fil-premessa (160) ġiet miċħuda.

Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi

(166) Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-kampjunar, il-premessi (183) sa (186) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

Prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni

(167) Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-kampjunar, il-premessi (187) sa (191) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

Konsum

(168) Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-kampjunar, il-premessi (192) sa (193) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.

Konklużjoni dwar il-kawżalità

(169) Meta wieħed iqis il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-asserzjonijiet relatati mal-kost tal-enerġija u tal-materja prima, u mal-ottimizzazzjoni u l-investiment, kif ukoll il-fatt li ma wasal l-ebda kumment fir-rigward tal-effett tal-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi u l-prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet tagħha li jikkonċernaw il-kawżalità stabbiliti fil-premessi (210) u (211) tar-Regolament proviżorju.

LIVELL TAL-MIŻURI Marġni tad-dannu

(170) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, l-awtoritajiet tat-Tajwan sostnew li l-inklużjoni tal-kost ta’ konformità futur fil-kalkolu tal-marġni tad-dannu setgħet irriżultat f’rimedju doppju. Skont l-awtoritajiet tat-Tajwan, il-kost tal-konformità kien diġà inkluż fil-kost tal-produzzjoni, il-produtturi tal-Unjoni rċevew kwota tal-ETS 100 % mingħajr ebda ħlas u se jkomplu jirċivuha sal-2034.

(171) F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li x-xiri ta’ ċertifikati tal-ETS mill-industrija tal-Unjoni ġie vverifikat. Barra minn hekk, ma kien hemm l-ebda rimedju doppju peress li l-kost addizzjonali marbut max-xiri ta’ ċertifikati tal-ETS, abbażi ta’ jew fuq il-prezz futur ogħla ta’ dawk iċ-ċertifikati jew fuq ħtieġa akbar għal kwota addizzjonali tal-ETS, li ma kienx inkluż fil-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni mġarrab fil-perjodu ta’ investigazzjoni, ġie rifless fil-kalkolu tal-marġni tad-dannu.

(172) Konsegwentement, l-asserzjoni li tikkonċerna rimedju doppju potenzjali minħabba l-inklużjoni tal-kost ta’ konformità futur fil-kalkolu tal-marġni ta’ dannu ġiet miċħuda.

(173) Wara r-reviżjoni tal-prezzijiet tal-esportazzjoni Koreani kif stipulat fil-premessi (58) sa (75) u l-profitt tal-importatur mhux relatat kif stipulat fil-premessi (60) sa (63), il-marġnijiet tal-bejgħ taħt il-prezz għall-Korea nbidlu. Il-marġnijiet finali tal-bejgħ taħt il-prezz stabbiliti għall-pajjiżi kkonċernati kienu kif ġej: Pajjiż Kumpanija Marġni tad-dumping (%) Marġni tal-bejgħ taħt il-prezz (%) Il-Korea LG Chem 7,5 67,7 Il-Korea Lotte Chemical Corporation 5,2 63,6 Il-Korea Kumpaniji oħrajn li kkooperaw 6,8 65,8 Il-Korea Il-kumpaniji l-oħrajn kollha 7,5 67,7 It-Tajwan Chimei Corporation Grand Pacific Petrochemical Corporation 10,9 51,7 It-Tajwan Formosa Chemicals & Fibre Corporation 21,7 67,8 It-Tajwan Il-kumpaniji l-oħrajn kollha 21,7 67,8

Konklużjoni dwar il-livell ta’ miżuri

(174) Wara l-valutazzjoni ta’ hawn fuq, id-dazji anti-dumping definittivi jenħtieġ li jiġu stabbiliti kif ġej f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku: Pajjiż Kumpanija Dazju anti-dumping definittiv (%) Il-Korea LG Chem 7,5 Il-Korea Lotte Chemical Corporation 5,2 Il-Korea Kumpaniji oħrajn li kkooperaw 6,8 Il-Korea Il-kumpaniji l-oħrajn kollha 7,5 It-Tajwan Chimei Corporation Grand Pacific Petrochemical Corporation 10,9 It-Tajwan Formosa Chemicals & Fibre Corporation 21,7 It-Tajwan Il-kumpaniji l-oħrajn kollha 21,7

INTERESS TAL-UNJONI Interess tal-industrija tal-Unjoni

(175) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, l-industrija tal-Unjoni tenniet li ġarrbet dannu materjali. B’mod partikolari, il-kumpaniji semmew iż-żieda fl-importazzjonijiet mill-Korea wara l-bidu tal-investigazzjoni, il-fatt li l-klijenti tagħhom irrapportaw prezzijiet aktar baxxi mitluba għall-ABS li joriġinaw mill-Korea, it-tnaqqis fil-kapaċità li jiffinanzjaw il-manutenzjoni tat-tagħmir tal-produzzjoni tagħhom, it-tnaqqis kontinwu fl-impjiegi, u riskju imminenti ta’ għeluq ta’ mill-inqas wieħed mill-impjanti tal-produzzjoni li jinsabu fl-Unjoni.

(176) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, l-assoċjazzjoni Plastics Recyclers Europe kkritikat il-livell baxx tad-dazji proviżorji. Skont l-assoċjazzjoni, b’mod partikolari d-dazji imposti b’mod proviżorju fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw mill-Korea ma kinux biżżejjed biex terġa’ tinkiseb kompetizzjoni ġusta fis-suq tal-Unjoni. L-assoċjazzjoni ssottomettiet li minbarra d-dannu ulterjuri lill-produtturi tal-ABS riċiklati jew verġni, il-livell tad-dazji pperikola l-ilħuq tal-miri tal-Unjoni għar-riċiklaġġ u l-irkupru skont id-Direttiva 2012/19/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill).

(177) Il-Kummissjoni ħadet nota tal-kummenti ta’ hawn fuq li waslu mingħand l-industrija tal-Unjoni li juru b’mod ċar li l-impożizzjoni tal-miżuri kienet fl-interess tal-industrija tal-Unjoni.

(178) Fir-rigward tal-miri ta’ riċiklaġġ u rkupru, il-Kummissjoni rrikonoxxiet l-importanza tat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari, madankollu, ir-Regolament bażiku ma jipprevedix il-possibbiltà li jiġu imposti miżuri anti-dumping f’livell li jaqbeż il-livell tal-marġni tad-dumping.

(179) Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet tagħha dwar l-interess tal-industrija tal-Unjoni kif stabbilit fil-premessi (224) u (225) tar-Regolament proviżorju.

Interess ta’ importaturi mhux relatati u ta’ utenti Kwalità għolja ta’ prodotti u servizzi offruti mill-produtturi Koreani

(180) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, LG Chem asseriet li ma kien hemm l-ebda evidenza li l-industrija tal-Unjoni setgħet tipprovdi l-firxa sħiħa ta’ prodotti li offriet LG Chem. F’dan ir-rigward, il-parti indikat ukoll li l-bidla minn utent għal ieħor ma setgħetx issir fi żmien qasir minħabba l-proċeduri ta’ approvazzjoni.

(181) Fl-istess spirtu, wara d-divulgazzjoni proviżorja, il-Koalizzjoni sasseriet li LG Chem offriet prodotti uniċi u mhux sostitwibbli. Barra minn hekk, il-Koalizzjoni asseriet li l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx toffri alternattivi kompetittivi tal-ABS, u enfasizzat il-fatt li wieħed biss mit-tliet ilmentaturi mmanifatturaw ABS bl-emulsjoni, li allegatament kienu ppreferuti fis-suq.

(182) L-ewwel nett, il-kwalità tal-prodotti fornuti mill-produtturi fil-pajjiżi kkonċernati ma hijiex ikkontestata. Ma huwiex l-għan ta’ din l-investigazzjoni li tipprevjeni l-importazzjonijiet minn dawk il-pajjiżi, iżda li tikkoreġi l-imġiba tad-dumping biex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi.

(183) It-tieni, il-kwalità tal-prodotti offruti mill-industrija tal-Unjoni lanqas ma setgħet tiġi kkontestata. L-industrija tal-Unjoni kienet taqdi madwar 63 % tas-suq tal-Unjoni, inkluż għadd ta’ klijenti b’rekwiżiti speċifiċi ħafna għall-proprjetajiet tal-ABS. Għall-kuntrarju ta’ dak li asserew LG Chem u l-Koalizzjoni ma kien hemm l-ebda evidenza li l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tissodisfa d-domanda fis-suq tal-Unjoni, inklużi gradi speċifiċi ta’ ABS. L-asserzjonijiet tal-partijiet kienu biss asserzjonijiet li ma kinux appoġġati minn xi evidenza.

(184) It-tielet, l-industrija tal-Unjoni pprovdiet evidenza li OEMs ewlenin li għandhom rekwiżiti speċifiċi ħafna għall-proprjetajiet tal-ABS u li jissottomettu lill-fornituri tal-ABS għall-proċeduri ta’ approvazzjoni ma kinux jiddependu biss fuq fornitur wieħed, iżda kkooperaw ma’ għadd ta’ produtturi ċċertifikati tal-ABS, inklużi l-produtturi tal-Unjoni u l-produtturi mill-pajjiżi kkonċernati, biex jiżguraw is-sigurtà tal-provvista. Għalhekk, anke jekk id-dazji anti-dumping illimitaw l-aċċess tal-utenti għall-ABS mill-Korea u mit-Tajwan, quod non, l-utenti jenħtieġ li ma jiġux affettwati peress li diġà għandhom fornituri approvati minn qabel għajr il-produtturi esportaturi mill-pajjiżi kkonċernati.

(185) Fl-aħħar nett, kif diġà spjegat fir-Regolament proviżorju, skont l-applikazzjoni u l-metodu użati għall-produzzjoni ta’ prodotti downstream, l-ABS prodotti bil-massa jistgħu jkunu alternattiva xierqa għall-ABS bl-emulsjoni. Għall-kuntrarju ta’ dak li sostniet il-Koalizzjoni, żewġ produtturi tal-Unjoni mmanifatturaw l-ABS bl-emusjoni. Għalkemm ma kien hemm l-ebda evidenza li s-suq b’mod ġenerali jippreferi l-ABS bl-emulsjoni, il-potenzjal taż-żewġ produtturi tal-Unjoni li jissodisfaw id-domanda għall-ABS bl-emulsjoni fis-suq tal-Unjoni kien sostanzjali meta titqies il-kapaċità tal-produzzjoni tagħhom.

(186) Konsegwentement, l-asserzjonijiet deskritti fil-premessi (180) u (181) ġew miċħuda.

(187) Wara d-divulgazzjoni finali, il-Koalizzjoni, appoġġata espliċitament minn Biesterfeld, Hromatka, u Interpolimeri waqt seduta ta’ smigħ, tenniet l-asserzjonijiet tagħha dwar il-kwalità għolja u l-firxa ta’ prodotti offruti minn LG Chem meta mqabbla ma’ offerta limitata mill-industrija tal-Unjoni. Il-parti pprovdiet analiżi tat-tipi kollha ta’ prodotti ta’ LG Chem u jekk l-industrija tal-Unjoni tipproduċix sostituti. Għal għadd ta’ tipi ta’ prodotti, il-Koalizzjoni asseriet li ma jeżistux sostituti ekwivalenti fis-suq tal-Unjoni.

(188) Barra minn hekk, il-Koalizzjoni argumentat li filwaqt li LG Chem offriet [75–100] tip ta’ prodott, l-ambitu tal-industrija tal-Unjoni kien limitat għal [10–25] tip ta’ prodott.

(189) Fl-aħħar nett, il-Koalizzjoni rreferiet għall-proċess ta’ approvazzjoni li l-fornituri tal-ABS iridu jgħaddu minnu qabel ma jsiru fornituri kkwalifikati f’ċerti industriji. Il-parti asseriet li l-proċess ta’ omologazzjoni jieħu sa sentejn għal apparati mediċi u sa 18-il xahar fl-industrija tal-karozzi. Allegatament, f’xi każijiet, LG Chem huwa l-uniku fornitur kwalifikat. Għalhekk, li jiġi permess l-aċċess għall-ABS Koreana, speċifikament dik ta’ LG Chem, huwa kruċjali għall-funzjonament bla xkiel tal-industriji tal-utenti.

(190) L-ewwel nett, il-Kummissjoni nnotat li l-analiżi tad-disponibbiltà ta’ prodotti mill-industrija tal-Unjoni li jissostitwixxu b’mod suffiċjenti l-ABS ta’ LG Chem tista’ tkun mhux kompluta u difettuża. Pereżempju, il-Koalizzjoni asseriet li l-industrija tal-Unjoni ma tipproduċix ABS ta’ impatt għoli, li mhux korrett. Il-produtturi tal-Unjoni joffru għadd ta’ tipi ta’ prodotti, li wħud minnhom għandhom reżistenza għolja ħafna għall-impatt. Barra minn hekk, it-tip ta’ prodott inkwistjoni huwa rreklamat minn LG Chem innifisha bħala ABS għal użu ġenerali, jiġifieri mhux tip ta’ prodott speċjalizzat.

(191) L-allegat għadd żgħir ta’ tipi ta’ prodotti offruti mill-industrija tal-Unjoni huwa daqstant ieħor żbaljat. Il-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun biss ipproduċew bejn 60 u 300 tip differenti ta’ ABS.

(192) Fi kwalunkwe każ, jekk xi tip ta’ prodott importat mill-Korea jsir skars wara l-impożizzjoni tal-miżuri, l-industrija tal-Unjoni tista’ faċilment tadatta l-portafoll tagħha billi tgħaqqad l-ABS bl-addittivi meħtieġa biex tikseb il-proprjetajiet mixtieqa.

(193) Fir-rigward tal-proċess ta’ omologazzjoni, il-Kummissjoni fakkret li (1) il-biċċa l-kbira tal-OEMs ħadmu ma’ diversi fornituri kkwalifikati (ara l-premessa (184)) u (2) ma kienx l-iskop ta’ din l-investigazzjoni li tipprevjeni kompletament l-importazzjonijiet mill-Korea u t-Tajwan, iżda pjuttost li toħloq kundizzjonijiet ekwi fis-suq tal-Unjoni.

(194) Konsegwentement, il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjonijiet dettaljati fil-premessi (187) sa (189).

Stabbiltà tal-provvista

(195) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, il-Koalizzjoni tenniet l-avvenimenti ta force majeure ddikjarati mill-produtturi tal-Unjoni fl-2021. Fil-kumment tagħha dwar id-divulgazzjoni proviżorja, LG Chem indikat il-kapaċità tagħha li tiżgura l-istabbiltà tal-provvista kif evidenzjat matul il-pandemija ta COVID-19 jew matul il-kriżi tal-Baħar l-Aħmar.

(196) Il-Kummissjoni nnotat li l-partijiet ma ppreżentaw l-ebda argument jew evidenza ġdida. Il-Kummissjoni indirizzat l-avvenimenti ta’ force majeure tal-2021 fil-premessi (202) sa (205) tar-Regolament proviżorju. Dawk l-avvenimenti kienu limitati fiż-żmien (2-5 xhur), ma waqqfux il-provvista tal-produttur kompletament u produtturi oħra tal-Unjoni rrapportaw li kienu kapaċi jżidu l-bejgħ tagħhom fl-Unjoni f’dak il-perjodu, jiġifieri li jissostitwixxu n-nuqqas ta’ provvista mill-produtturi tal-Unjoni li kienu qed jesperjenzaw avvenimenti ta’ force majeure. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet li avvenimenti ta’ force majeure ma humiex okkorrenza eċċezzjonali f’kumplessi kimiċi. LG Chem u Lotte esperjenzaw tali avvenimenti huma stess li jaffettwaw jew il-produzzjoni tal-ABS (qtugħ tal-elettriku fil-faċilitajiet tal-produzzjoni tal-ABS) jew partijiet oħra tal-faċilitajiet tal-produzzjoni kimika.

(197) Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessa (205) tar-Regolament proviżorju.

(198) Wara d-divulgazzjoni finali, il-Koalizzjoni, appoġġata espliċitament minn Interpolimeri waqt seduta ta’ smigħ, tenniet it-tħassib tagħha rigward il-kapaċità tal-industrija tal-Unjoni li tipprovdi provvista stabbli ta’ ABS fis-suq tal-Unjoni. Skont il-parti, diversi distributuri rrapportaw li ma setgħux jiżguraw kunsinna fil-ħin mingħand il-fornituri tas-soltu tagħhom tal-Unjoni. Barra minn hekk, l-industrija tal-Unjoni allegatament kienet qed topera biss b’50 % tal-kapaċità ta’ produzzjoni tagħha fil-mument.

(199) Għalkemm ma hemm l-ebda evidenza li tappoġġa l-asserzjonijiet ta’ hawn fuq, jekk veri, dawk ir-rapporti jikkonfermaw biss id-dannu li sofriet l-industrija tal-Unjoni minħabba l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-Korea u t-Tajwan. Ladarba jerġgħu jiġu stabbiliti kundizzjonijiet ekwi fis-suq tal-Unjoni, l-industrija tal-Unjoni jenħtieġ li tkun tista’ żżid il-produzzjoni tagħha. Konsegwentement, l-asserzjoni mill-Koalizzjoni ġiet miċħuda.

Kapaċità tal-importaturi u tal-utenti li jikkompetu fis-suq tal-Unjoni u globalment

(200) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, il-Koalizzjoni asseriet li anke dazju anti-dumping baxx, bħad-dazju proviżorju ta’ 3,7 % impost fuq l-importazzjonijiet minn LG Chem, inaqqas il-kapaċità tal-membri tagħha li jikkompetu globalment u fl-Unjoni.

(201) F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenniet is-sejbiet tagħha fl-istadju proviżorju abbażi ta’ data speċifika għall-kumpaniji sottomessa minn diversi importaturi u utenti. Kif imsemmi fit-taqsima 7.2 tar-Regolament proviżorju, is-sehem tal-importatur fil-kummerċ tal-ABS fuq in-negozju totali tagħhom kien inqas minn 10 %. Huma kisbu wkoll profitti tajbin sa 10 % fuq l-attivitajiet ta’ kummerċ tal-ABS tagħhom. Fir-rigward tal-utenti, kif stabbilit fit-Taqsima 7.3 tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni sabet li l-ABS kienu jirrappreżentaw biss sehem żgħir (inqas minn 4 %) fuq il-kost totali tal-produzzjoni tagħhom, u kienu jgawdu wkoll profitti tajbin. Għall-kuntrarju tas-sejba msemmija hawn fuq ibbażata fuq data speċifika għall-kumpanija, l-argumenti mressqa mill-Koalizzjoni kienu biss allegazzjonijiet li ma kinux appoġġati minn xi evidenza.

(202) Għalkemm il-livell tad-dazji żdied wara d-divulgazzjoni proviżorja, b’mod partikolari fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-ABS li joriġinaw mill-Korea, il-Kummissjoni sabet li d-daqs taż-żieda ma setax jibdel il-konklużjonijiet tagħha dwar l-interess tal-importaturi u tal-utenti peress li l-kontribuzzjoni tal-ABS, jew fil-forma tas-sehem tagħhom fuq in-negozju kummerċjali totali tagħhom jew fuq il-kost totali tal-produzzjoni tagħhom, għar-riżultati kummerċjali ġenerali tagħhom tibqa’ minuri.

(203) Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjoni.

(204) Wara d-divulgazzjoni finali, il-Koalizzjoni tenniet li jekk jiġu imposti dazji anti-dumping, dan se jpoġġi f’riskju l-abbiltà ta’ diversi industriji li jikkompetu lokalment u globalment. Il-parti argumentat li l-ABS irrappreżenta 10–25 % tal-kost tal-input materjali għall-elettronika tal-konsumatur, 20–35 % għall-apparat domestiku, u 15–25 % għall-komponenti tal-karozzi.

(205) F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni fakkret is-sejbiet tal-investigazzjoni fir-rigward taż-żewġ utenti li kkooperaw. L-ABS tista’ tirrappreżenta sehem għoli fil-kost tal-materjal. Madankollu, l-investigazzjoni sabet li kkontribbwiet b’sehem żgħir għall-kost totali tal-utent li kkoopera, li wieħed minnhom huwa produttur ta’ komponenti tal-karozzi. Għalhekk, l-asserzjoni tal-Koalizzjoni ġiet irrifjutata.

Konklużjonijiet dwar l-interess ta’ importaturi mhux relatati u ta’ utenti

(206) Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet spjegati fid-dettall fil-premessi (180) sa (203), il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (232) sa (235) tar-Regolament proviżorju.

Interess tal-konsumaturi

(207) Fin-nuqqas ta’ kummenti li jikkonċernaw l-interess tal-konsumaturi, il-premessa (238) tar-Regolament proviżorju ġiet ikkonfermata.

Fatturi oħrajn

(208) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, Lotte u l-Koalizzjoni sostnew li l-impożizzjoni ta’ dazji anti-dumping fuq l-ABS mill-Korea u t-Tajwan tista’ tipprovdi b’mod involontarju opportunità għall-influss ta’ importazzjonijiet bi prezz baxx, li allegatament huma oġġett ta’ dumping miċ-Ċina. Għalhekk, l-Unjoni minflok jenħtieġ li tkompli tiddependi fuq l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati.

(209) Wara d-divulgazzjoni finali, il-Koalizzjoni tenniet li l-miżura ma tgħinx lill-industrija tal-Unjoni tirkupra mid-dannu li ġarrbet. Huma jippreferu jiftħu s-suq tal-Unjoni għal influss ta’ ABS miċ-Ċina. Il-prodotti Ċiniżi allegatament ikopru prinċipalment ABS għal skopijiet ġenerali, il-produtturi jipprovdu appoġġ tekniku limitat, iqajmu tħassib dwar il-kwalità u juru kwistjonijiet ta’ konformità regolatorja.

(210) L-ewwel nett, il-Kummissjoni nnotat li l-importazzjonijiet mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun fil-pajjiżi kkonċernati, li fuqhom l-Unjoni allegatament jenħtieġ li tkompli tiddependi, instabu li kienu oġġett ta’ dumping. F’dan ir-rigward, ma huwiex l-għan tal-miżuri li jipprevjenu l-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati, iżda biss li jikkoreġu d-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni minn kompetizzjoni inġusta mill-Korea u t-Tajwan.

(211) It-tieni, jekk l-importazzjonijiet miċ-Ċina jiżdiedu bi prezzijiet baxxi, kemm jekk bħala riżultat tad-dazji anti-dumping imposti fuq il-pajjiżi kkonċernati kif ukoll sempliċiment minħabba li l-produtturi Ċiniżi tal-ABS joffru alternattivi bi prezzijiet baxxi, l-industrija tal-Unjoni se tkun tista’ titlob investigazzjoni ġdida dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha.

(212) Konsegwentement, il-Kummissjoni ċaħdet din l-asserzjoni bħala irrilevanti għall-analiżi tal-interess tal-Unjoni.

(213) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, Lotte u l-GtK ma qablux mal-asserzjonijiet tal-Kummissjoni li l-impożizzjoni tad-dazji anti-dumping tista’ timmotiva ulterjorment espansjoni tas-sussidjarji ta’ Lotte fl-Unjoni. Lotte nnotat li s-sussidjarja tagħha fl-Ungerija ma kinitx impjant kompletament indipendenti iżda minflok kienet tiddependi fuq l-importazzjonijiet ta’ trab niexef għat-taħlit jew għall-importazzjonijiet tal-prodott lest li l-proprjetajiet tiegħu huma msaħħa ulterjorment permezz ta’ taħlit mal-pigmenti u/jew mal-addittivi.

(214) Ovvjament, il-Kummissjoni ma tistax targumenta ma’ Lotte dwar kif il-kumpanija jenħtieġ li tirreaġixxi għall-impożizzjoni tad-dazji. Madankollu, il-Kummissjoni ma tistax tieħu l-interess ta’ kumpaniji speċifiċi individwalment fl-analiżi tagħha tal-interess tal-Unjoni iżda l-interess tal-kumpaniji tal-Unjoni b’mod ġenerali.

(215) Konsegwentement, il-Kummissjoni ċaħdet din l-asserzjoni bħala irrilevanti għall-analiżi tal-interess tal-Unjoni.

Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni

(216) Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet spjegati fid-dettall fit-taqsimiet 7.1 sa 7.4, il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet tagħha kif stabbiliti fil-premessa (244) tar-Regolament proviżorju u kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda raġuni konvinċenti li turi li ma kienx fl-interess tal-Unjoni li jiġu imposti miżuri fuq l-importazzjonijiet tal-ABS li joriġinaw mill-Korea u mit-Tajwan.

MIŻURI ANTI-DUMPING DEFINITTIVI Miżuri definittivi

(217) Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa fir-rigward tad-dumping, tad-dannu, tal-kawżalità, tal-livell tal-miżuri u tal-interess tal-Unjoni, u f’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri anti-dumping definittivi sabiex ma jiġix ikkawżat dannu ulterjuri lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping tal-prodott ikkonċernat.

(218) Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-rati tad-dazju anti-dumping definittivi, espressi skont il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju doganali mhux imħallas, jenħtieġ li jkunu kif ġej: Pajjiż Kumpanija Marġni tad-dumping (%) Marġni tad-dannu (%) Dazju anti-dumping definittiv (%) Il-Korea LG Chem 7,5 67,7 7,5 Il-Korea Lotte Chemical Corporation 5,2 63,6 5,2 Il-Korea Kumpaniji oħrajn li kkooperaw 6,8 65,8 6,8 Il-Korea L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mill-Korea 7,5 67,7 7,5 It-Tajwan Chimei Corporation Grand Pacific Petrochemical Corporation 10,9 51,7 10,9 It-Tajwan Formosa Chemicals & Fibre Corporation 21,7 67,8 21,7 It-Tajwan L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mit-Tajwan 21,7 67,8 21,7

(219) Ir-rati tad-dazju anti-dumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. B’hekk, dawn ir-rati tad-dazju huma applikabbli esklużivament għall-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni li joriġina mill-pajjiż konċernat u manifatturat mill-entitajiet legali msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat manifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operazzjonali ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija speċifikament, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-Importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mill-Korea jew L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mit-Tajwan skont il-pajjiż tal-oriġini.

(220) Kumpanija tista’ titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali jekk hija sussegwentement tbiddel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tiġi indirizzata lill-Kummissjoni. It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li turi li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma taffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, se jiġi ppubblikat Regolament dwar il-bidla tal-isem f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

(221) Sabiex jiġu minimizzati r-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza fir-rati tad-dazju, huma meħtieġa miżuri speċjali biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tad-dazji anti-dumping individwali. L-applikazzjoni tad-dazji anti-dumping individwali hija applikabbli biss mal-preżentazzjoni ta’ fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament. Sakemm tiġi ppreżentata tali fattura, l-importazzjonijiet jenħtieġ li jkunu soġġetti għad-dazju anti-dumping applikabbli għall-Importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mill-Korea jew għall-Importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mit-Tajwan skont il-pajjiż tal-oriġini.

(222) Filwaqt li l-preżentazzjoni ta’ din il-fattura hija meħtieġa biex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali fuq l-importazzjonijiet, din mhijiex l-uniku element li għandu jitqies mill-awtoritajiet doganali. Tabilħaqq, anke jekk jiġu ppreżentati b’fattura li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jwettqu l-kontrolli tas-soltu tagħhom u jistgħu, bħal fil-każijiet l-oħrajn kollha, ikunu jeħtieġu dokumenti addizzjonali (dokumenti tat-trasportazzjoni, eċċ.) bil-għan li jivverifikaw l-akkuratezza tad-dettalji li jinsabu fid-dikjarazzjoni u jiżguraw li l-applikazzjoni sussegwenti tar-rata tad-dazju tkun ġustifikata, f’konformità mal-liġi doganali.

(223) Jekk l-esportazzjonijiet minn waħda mill-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati tad-dazju individwali aktar baxxi jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-volum, b’mod partikolari wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, tali żieda fil-volum tista’ titqies bħala waħda li fiha nnifisha tikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ minħabba l-impożizzjoni ta’ miżuri skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’tali ċirkostanzi, tista’ tinbeda investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet sabiex din issir. Din l-investigazzjoni tista’, fost l-oħrajn, teżamina l-ħtieġa għat-tneħħija ta’ rata(i) tad-dazju individwali u l-impożizzjoni konsegwenti ta’ dazju għall-pajjiż kollu.

(224) Sabiex jiġi żgurat infurzar xieraq tad-dazji anti-dumping, jenħtieġ li d-dazju anti-dumping għall-Importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mill-Korea jew L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mit-Tajwan skont il-pajjiż tal-oriġini ma japplikax biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx f’din l-investigazzjoni, iżda wkoll għall-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(225) Il-produtturi esportaturi mill-Korea li ma esportawx il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni sabiex ikunu soġġetti għar-rata tad-dazju anti-dumping għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tilqa’ talba bħal din dment li jiġu ssodisfati tliet kundizzjonijiet. Il-produttur esportatur il-ġdid ikollu juri li: (i) ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-PI; (ii) mhuwiex relatat ma’ produttur esportatur li għamel dan; u (iii) esporta l-prodott ikkonċernat wara dan jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jagħmel dan fi kwantitajiet sostanzjali. Esportaturi ġodda mit-Tajwan jistgħu jitolbu marġni tad-dumping individwali skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 11(4) tar-Regolament bażiku.

Ġbir definittiv tad-dazji proviżorji

(226) Fid-dawl tal-marġnijiet ta’ dumping li nstabu u minħabba l-livell tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, jenħtieġ li l-ammonti ggarantiti permezz tad-dazji anti-dumping proviżorji, imposti bir-Regolament proviżorju, jinġabru b’mod definittiv sal-livelli stabbiliti skont dan ir-Regolament.

Ġbir retroattiv

(227) Kif imsemmi fit-Taqsima 1.2, il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat soġġetti għal reġistrazzjoni.

(228) Matul l-istadju definittiv tal-investigazzjoni, ġiet ivvalutata d-data miġbura fil-kuntest tar-reġistrazzjoni. Il-Kummissjoni analizzat jekk il-kriterji skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku kinux issodisfati għall-ġbir retroattiv tad-dazji definittivi.

(229) Tabella Sors: Evoluzzjoni tal-importazzjonijiet wara l-bidu tal-investigazzjoni

L-analiżi tal-Kummissjoni ma wriet l-ebda żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet minbarra l-livell ta’ importazzjonijiet li kkawżaw dannu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, kif preskritt mill-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament bażiku. Għal din l-analiżi, il-Kummissjoni qabblet il-volumi medji ta’ importazzjoni ta’ kull xahar tal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu mix-xahar wara l-bidu ta’ din l-investigazzjoni sal-aħħar xahar sħiħ qabel l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji mal-volumi medji ta’ importazzjoni ta’ kull xahar matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Il-Kummissjoni stabbiliet żieda fl-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati ta’ 8 %. Barra minn hekk, meta l-volumi medji tal-importazzjoni ta’ kull xahar tal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu mix-xahar wara l-bidu ta’ din l-investigazzjoni sa u inkluż ix-xahar li fih ġew imposti l-miżuri proviżorji jitqabblu mal-volumi medji tal-importazzjoni ta’ kull xahar matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, ma setgħet tiġi osservata l-ebda żieda sostanzjali ulterjuri. F’dan il-każ, il-Kummissjoni stabbiliet żieda ta’ importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati b’6 %. Eurostat (il-bażi tad-data Comext) u Surveillance 3. Perjodu Il-Korea It-Tajwan Pajjiżi kkonċernati Kwantità (tunnellati) Kwantità (tunnellati) Kwantità (tunnellati) Kull xahar kwantità medja (tunnellati) Importazzjonijiet evoluzzjoni (perjodu/PI) (%) Jannar-Lulju 2025 100415 18740 119155 17022 108 Jannar-Awwissu 2025 113357 20333 133690 16711 106 Perjodu ta’ investigazzjoni 153608 36072 189680 15807 —

(230) Barra minn hekk, mill-bidu tal-investigazzjoni, il-prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiżi kkonċernati żdiedu bi ftit peress li kienu bi 2 % sa 3 % ogħla mill-prezzijiet medji tal-importazzjoni fil-perjodu ta’ investigazzjoni.

(231) F’dan ir-rigward, madankollu, il-Kummissjoni ma għandha l-ebda informazzjoni dwar il-fajl li ż-żieda fil-volumi tal-importazzjoni bi prezzijiet tal-importazzjoni kemxejn ogħla kkawżat dannu addizzjonali għall-industrija tal-Unjoni.

(232) Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet kif stabbiliti fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku għall-applikazzjoni retroattiva tad-dazju anti-dumping definittiv ma ġewx issodisfati.

(233) Wara d-divulgazzjoni finali, l-industrija tal-Unjoni pprovdiet data dettaljata dwar l-esportazzjonijiet tal-ABS mill-Korea u t-Tajwan u l-importazzjonijiet tagħhom fl-Unjoni. L-industrija indikat li fit-3 xhur wara l-bidu tal-investigazzjoni, l-esportazzjonijiet mill-Korea żdiedu b’mod sinifikanti, li kien rifless f’żieda fl-importazzjonijiet lejn l-Unjoni b’dewmien ta’ madwar xahrejn. Wara, l-esportazzjonijiet reġgħu naqsu hekk kif l-esportaturi kienu se jirriskjaw li l-oġġetti jitwasslu fl-Unjoni wara l-impożizzjoni tad-dazji proviżorji.

(234) Il-Kummissjoni nnotat li biex il-miżuri japplikaw b’mod retroattiv, irid ikun hemm evidenza ta’ akkumulazzjoni sinifikanti wara l-bidu tal-investigazzjoni. Madankollu, iż-żieda temporanja fl-esportazzjonijiet mill-Korea ma kinitx ta’ tali kobor li tissarraf f’żieda sinifikanti fl-importazzjonijiet lejn l-Unjoni fil-perjodu analizzat. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjoni.

DISPOŻIZZJONI FINALI

(235) Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, meta ammont ikun irid jiġi rimborżat wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jenħtieġ li l-imgħax li jrid jitħallas ikun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar.

(236) Il-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 ma tax opinjoni dwar il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1. Dazju anti-dumping definittiv huwa impost fuq l-importazzjonijiet ta’ Reżini ta’ Akrilonitril-Butadien-Stiren, kopolimeru termoplastiku li jikkonsisti f’akrilonitril, butadien, u stiren fi proporzjonijiet differenti, irrispettivament mill-kulur jew minn kwalunkwe karatteristika fiżika jew mekkanika oħra, kemm jekk ipproċessata jew ittrattata ulterjorment kif ukoll jekk le biex tagħti proprjetajiet fiżiċi addizzjonali speċifiċi, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM 39033000 u li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea u mit-Tajwan.

2. Ir-rati tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u manifatturati mill-kumpaniji elenkati hawn taħt, għandhom ikunu kif ġej: Pajjiż ta’ oriġini Kumpanija Dazju anti-dumping definittiv (%) Kodiċi addizzjonali TARIC Ir-Repubblika tal-Korea LG Chem 7,5 89UC Ir-Repubblika tal-Korea Lotte Chemical Corporation 5,2 89UD Ir-Repubblika tal-Korea Kumpaniji oħrajn li kkooperaw elenkati fl-Anness 6,8 Ara l-Anness Ir-Repubblika tal-Korea L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Korea 7,5 8999 It-Tajwan Chimei Corporation Grand Pacific Petrochemical Corporation 10,9 89UE It-Tajwan Formosa Chemicals & Fibre Corporation 21,7 89UF It-Tajwan L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mit-Tajwan 21,7 8999

3. L-applikazzjoni tar-rati tad-dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 għandha ssir bil-kundizzjoni li tiġi ppreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha għandha tidher dikjarazzjoni datata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ tali fattura, identifikat b’ismu u bil-kariga tiegħu, abbozzata kif ġej: Jien, is-sottoskritt, niċċertifika li l-(volum f’tunnellati) tal-(prodott ikkonċernat) mibjugħ sabiex jiġi esportat lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie mmanifatturat minn (isem u indirizz tal-kumpanija) (kodiċi addizzjonali TARIC) fi [pajjiż ikkonċernat]. Jien niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f’din il-fattura hija kompluta u korretta. Sakemm tiġi ppreżentata tali fattura, għandu japplika d-dazju applikabbli għall-importazzjonijiet l-oħra kollha li joriġinaw mill-pajjiż ikkonċernat.

4. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.

Artikolu 2 L-ammonti garantiti permezz tad-dazju anti-dumping proviżorju skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1739 għandhom jinġabru b’mod definittiv. L-ammonti garantiti ogħla mir-rati definittivi tad-dazju anti-dumping għandhom jiġu rilaxxati.

Artikolu 3 L-Artikolu 1(2) jista’ jiġi emendat biex iżid produtturi esportaturi ġodda mir-Repubblika tal-Korea u jagħmilhom soġġetti għar-rata ta’ dazju anti-dumping medja ponderata xierqa għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Produttur esportatur ġdid għandu jipprovdi evidenza li:

Artikolu 3

(a) huwa ma esportax l-oġġetti deskritti fl-Artikolu 1(1) matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (mill-1 ta’ Ottubru 2023 sat-30 ta’ Settembru 2024);

(b) mhuwiex relatat ma’ esportatur jew produttur soġġett għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament, u li seta’ kkoopera fl-investigazzjoni oriġinali; u

(c) effettivament esporta l-prodott ikkonċernat jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni.

Artikolu 4 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Frar 2026. Għall-Kummissjoni Il-President Ursula von der Leyen

ANNEX

ANNESS Produtturi esportaturi oħra li kkooperaw li ma humiex fil-kampjun

Pajjiż Isem Kodiċi addizzjonali TARIC Il-Korea KUMHO PETROCHEMICAL Co., Ltd. 89UG INEOS Styrolution Korea Ltd. 89UH

Versions

  1. 2026-02-12