Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2026/319 tat-12 ta’ Frar 2026 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju proviżorju impost fuq l-importazzjonijiet tal-valina li toriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/regulation/2026/319@2026-02-12/mt
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ir-Regolament bażiku), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(4) tiegħu,
Billi: PROĊEDURA Bidu
(1) Fid-19 ta’ Diċembru 2024, il-Kummissjoni Ewropea (il-Kummissjoni) nediet investigazzjoni anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-valina li toriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (iċ-Ċina, ir-RPĊ jew il-pajjiż ikkonċernat) abbażi tal-Artikolu 5 tar-Regolament bażiku. Hija ppubblikat Notifika tal-Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (in-Notifika tal-Bidu).
(2) Il-Kummissjoni bdiet l-investigazzjoni wara lment ippreżentat fil-5 ta’ Novembru 2024 minn Eurolysine SAS (Eurolysine jew l-ilmentatur). L-ilment sar mill-industrija tal-valina tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. L-ilment kien fih evidenza ta’ dumping u tad-dannu materjali li jirriżulta li kienet biżżejjed sabiex tiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni.
Reġistrazzjoni
(3) Il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet tal-valina li toriġina miċ-Ċina soġġetti għar-reġistrazzjoni permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/326 (ir-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni).
Miżuri proviżorji
(4) F’konformità mal-Artikolu 19a tar-Regolament bażiku, fis-17 ta’ Lulju 2025, il-Kummissjoni pprovdiet lill-partijiet b’sommarju tad-dazji proposti u b’dettalji dwar il-kalkolu tal-marġnijiet tad-dumping u l-marġnijiet adegwati biex jitneħħa d-dannu għall-industrija tal-Unjoni. Il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkummentaw dwar il-preċiżjoni tal-kalkoli fi żmien 3 ijiem tax-xogħol.
(5) Fit-23 ta’ Lulju 2025, Bayannur Huaheng Biotechnology Co., Ltd. (BHB, flimkien mal-kumpaniji relatati tagħha il-Huaheng Group) ippreżentat sottomissjoni bil-miktub li fiha ppreżentat il-fehmiet tagħha dwar l-allegati żbalji klerikali fil-kalkolu tal-marġni tad-dumping applikabbli għaliha, fejn sostniet li l-Kummissjoni żbaljat meta (i) naqqset l-imposti bankarji darbtejn, (ii) qieset il-prezz unitarju tal-lamtu tal-qamħirrum biss minflok il-medja tal-prezzijiet unitarji tal-lamtu tal-qamħirrum u tat-trab tal-proteina fir-rigward tal-aġġustament ’il fuq tal-parametru referenzjarju tal-lamtu tal-qamħirrum għall-valwazzjoni pożittiva tal-qamħirrum mhux ġenetikament modifikata (mhux OĠM), u (iii) użat 23,3 % tal-kostijiet tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi (SG & A, Selling, General and Administrative) li jinkludu ammont ta’ USD 17848 għall-kostijiet tad-distribuzzjoni peress li dawk il-kostijiet tad-distribuzzjoni allegatament tnaqqsu mill-prezz tal-esportazzjoni.
(6) Il-Kummissjoni sabet li l-asserzjoni taħt (ii) kienet ġustifikata u aġġustat il-marġni tad-dumping għal Huaheng Group skont dan. L-asserzjoni hawn taħt (i) ġiet miċħuda fl-istadju proviżorju iżda, wara s-sottomissjoni ta’ evidenza addizzjonali, sussegwentement ġiet ikkunsidrata mill-ġdid wara d-divulgazzjoni proviżorja fil-premessi (145). Asserzjoni ta’ CJ (Shenyang) Biotechnology Co., Ltd. (CJS) simili għall-asserzjoni taħt (iii) ġiet miċħuda fl-istadju proviżorju u fil-premessi (140) sa (141).
(7) Fl-14 ta’ Awwissu 2025, il-Kummissjoni imponiet dazji anti-dumping proviżorji fuq l-importazzjonijiet tal-valina li toriġina miċ-Ċina bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1737 (ir-Regolament proviżorju).
Proċedura sussegwenti
(8) Wara d-divulgazzjoni tal-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom ġie impost dazju anti-dumping proviżorju (divulgazzjoni proviżorja), l-ilmentatur u ż-żewġ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, CJS, flimkien mal-kumpaniji relatati tagħha, u Huaheng Group, ippreżentaw sottomissjonijiet bil-miktub biex jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar is-sejbiet proviżorji sal-iskadenza prevista mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament proviżorju.
(9) Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw din l-opportunità. Saru seduti ta’ smigħ mal-ilmentatur, ma’ CJS, flimkien mal-kumpaniji relatati tagħha, u ma’ Huaheng Group.
(10) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, Ajinomoto Omnichem, il-Belġju (Ajinomoto), importatur relatat ma’ Shanghai Ajinomoto Amino Acid Co. Ltd, il-produttur esportatur Ċiniż li ma kkooperax, irreġistra bħala parti interessata u ssottometta kummenti dwar l-ambitu tal-prodott. Dawn il-kummenti huma indirizzati fil-premessi (27) sa (37).
(11) Il-Kummissjoni kompliet tfittex u tivverifika l-informazzjoni kollha li qieset bħala neċessarja għas-sejbiet finali tagħha. Meta waslet għas-sejbiet definittivi tagħha, il-Kummissjoni kkunsidrat il-kummenti ppreżentati mill-partijiet interessati u rrevediet il-konklużjonijiet provviżorji tagħha meta kien xieraq.
(12) Il-Kummissjoni infurmat lill-partijiet interessati kollha dwar il-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li fuq il-bażi tagħhom kien beħsiebha timponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet tal-valina li toriġina miċ-Ċina (id-divulgazzjoni finali). Il-partijiet kollha ngħataw perjodu li fih setgħu jikkummentaw dwar id-divulgazzjoni finali. Waslu kummenti mingħand l-ilmentatur, Huaheng Group, CJS u Ajinomoto.
(13) Il-partijiet li talbu li jinstemgħu ngħataw ukoll din l-opportunità. Saru seduti mal-ilmentatur, Huaheng Group u CJS.
Kampjunar
(14) Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-kampjunar ta’ importaturi mhux relatati, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessa (8) tar-Regolament proviżorju.
(15) Fir-rigward tal-kampjunar tal-produtturi esportaturi, l-ilmentatur sostna li d-data tal-perjodu ta’ investigazzjoni (il-PI), li fuqu kien ibbażat il-kampjun tal-produtturi esportaturi, naqset milli taqbad kif xieraq id-dinamika tas-suq li kienet bdiet qabel il-perjodu ta’ investigazzjoni. B’mod partikolari, l-ilmentatur sostna li l-volum tal-bejgħ ta’ CJS lejn l-Unjoni kien estremament limitat meta mqabbel mal-bejgħ ta’ CJS fis-suq Ċiniż. Għalhekk, l-ilmentatur allega li, peress li d-dumping huwa vvalutat bħala d-differenza bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-prezz domestiku, CJS ma tkunx rappreżentattiva tas-sitwazzjoni tas-suq.
(16) Il-Kummissjoni nnotat li l-investigazzjoni aċċertat l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fis-suq tal-valina fiċ-Ċina, u li għalhekk il-valur normali ma huwiex ibbażat fuq il-bejgħ domestiku tal-produtturi esportaturi. Fi kwalunkwe każ, kif indikat fil-premessa (10) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni għażlet il-kampjun ta’ produtturi esportaturi abbażi tal-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li seta’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli, f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, u CJS kienet rappreżentattiva f’dak ir-rigward. Għalhekk, din l-asserzjoni ġiet miċħuda.
(17) L-ilmentatur tenna wkoll li CJS ma kinitx rappreżentattiva minħabba li ma kinitx kumpanija bi sjieda Ċiniża. B’appoġġ, l-ilmentatur qajjem il-fatt li CJS kienet fost l-ilmentaturi għall-investigazzjonijiet anti-dumping li għaddejjin fuq l-importazzjonijiet tal-liżina miċ-Ċina fil-Brażil u fl-Istati Uniti tal-Amerka (l-Istati Uniti).
(18) Il-Kummissjoni kienet diġà ċaħdet parti minn din l-asserzjoni, jiġifieri li CJS kienet kumpanija barranija li topera fiċ-Ċina u għalhekk ma toperax bl-istess kundizzjonijiet bħall-kumpaniji bi sjieda Ċiniża, fil-premessa (16) tar-Regolament proviżorju, peress li dawn il-kriterji ma kinux rilevanti għall-kampjunar f’konformità mal-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku li jistabbilixxi li kampjun jenħtieġ li jkun ibbażat fuq l-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li jista’ jiġi investigat b’mod raġonevoli fiż-żmien disponibbli. Bl-istess mod, lanqas ir-rwol tal-kumpaniji involuti fir-rigward ta’ prodotti oħra u taħt il-mandat ta’ ġuriżdizzjonijiet oħra ma huwa rilevanti. Għalhekk, din l-asserzjoni ġiet miċħuda.
(19) Wara d-divulgazzjoni finali, l-ilmentatur asserixxa li l-esportazzjonijiet ta’ CJS lejn l-Unjoni naqsu b’mod drammatiku għall-benefiċċju ta’ esportaturi Ċiniżi oħra, peress li l-valina ta’ CJS għandha prezz ogħla b’mod sinifikanti. L-ilmentatur żied li dan ġie kkonfermat mis-sejbiet tal-Kummissjoni fil-premessa (133) fir-rigward tal-użu tal-marġni ta’ profitt tal-importatur mhux relatat (Quimidroga’s S.A. – Quimidroga), li tqies li ma kienx rappreżentattiv.
(20) Il-Kummissjoni nnotat li, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, il-kampjun huwa bbażat fuq data disponibbli fiż-żmien tal-għażla tal-kampjun. Abbażi ta’ din id-data, il-Kummissjoni sabet li l-kampjun kien rappreżentattiv għall-bejgħ għall-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Iċ-ċirkostanzi mġarrba wara l-perjodu ta’ investigazzjoni ma humiex rilevanti għall-għażla tal-kampjun. Fuq l-istess linja, il-prezz tal-importazzjonijiet tal-valina ma kienx rilevanti għall-għażla tal-kampjun, li kienet ibbażata fuq l-akbar volum rappreżentattiv ta’ esportazzjonijiet lejn l-Unjoni li b’mod raġonevoli seta’ jiġi investigat fiż-żmien disponibbli. Għaldaqstant, din l-affermazzjoni ġiet miċħuda.
(21) L-ilmentatur argumenta wkoll li l-produtturi esportaturi Ċiniżi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw se jibbenefikaw b’mod indebitu mill-marġni baxx ta’ dumping ta’ CJS, peress li huwa inkluż fil-kalkolu tal-marġni medju ponderat tad-dumping tal-kumpaniji inklużi fil-kampjun applikabbli wkoll għall-kumpaniji mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw. L-ilmentatur żied li marġni tad-dumping medju ponderat tal-kampjun ma jkunx biżżejjed biex jipproteġi lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping. Għalhekk, l-ilmentatur talab lill-Kummissjoni tikkalkula l-marġni tad-dumping għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun b’mod li jirrifletti aħjar is-sitwazzjoni tas-suq u jipproteġi b’mod aktar effettiv l-industrija tal-Unjoni.
(22) L-ilmentatur ma pprovda l-ebda metodoloġija speċifika għall-kalkolu ta’ marġni tad-dumping applikabbli għall-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw. Barra minn hekk, l-Artikolu 9(6) tar-Regolament bażiku jipprevedi li, meta jintuża l-kampjunar skont l-Artikolu 17 ta’ dak ir-Regolament, id-dazju anti-dumping applikabbli għall-produtturi esportaturi mhux inklużi fil-kampjun li kkooperaw ma għandux jaqbeż il-marġini medju peżat ta’ dumping stabbilit fir-rigward tal-partijiet fil-kampjun. Fuq din il-bażi, din l-asserzjoni ġiet miċħuda.
(23) Fin-nuqqas ta’ kummenti oħrajn dwar il-kampjunar tal-produtturi esportaturi, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (10) sa (18) tar-Regolament proviżorju.
Eżami individwali
(24) Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar eżami individwali, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessa (19) tar-Regolament proviżorju.
Tweġibiet għall-kwestjonarju u żjarat ta’ verifika
(25) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, saret żjara ta’ verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku fil-bini tal-importatur mhux relatat li pprovda tweġiba kompluta għall-kwestjonarju: (1) Quimidroga S.A., Barċellona, Spanja.
Quimidroga S.A., Barċellona, Spanja.
Perjodu ta’ investigazzjoni u perjodu kkunsidrat
(26) Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-perjodu ta’ investigazzjoni (PI) u l-perjodu taħt kunsiderazzjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessa (24) tar-Regolament proviżorju.
PRODOTT IKKONĊERNAT U PRODOTT SIMILI
(27) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, Ajinomoto, importatur relatat ma’ produttur esportatur Ċiniż li ma kkooperax issottometta kummenti rigward l-ambitu tal-prodott filwaqt li sostna li l-valina użata għal applikazzjonijiet farmaċewtiċi (użu farmaċewtiku) ikollha karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi essenzjali differenti kif ukoll użi maħsuba, grad ta’ interkambjabbiltà, standards tal-kwalità u kanali ta’ distribuzzjoni differenti mill-valina għall-użu alimentari u għall-għalf u talab l-esklużjoni tagħha mill-ambitu tal-prodott.
(28) Ajinomoto ġġustifikat l-asserzjoni tagħha billi rreferiet għar-regoli tal-oriġini mhux preferenzjali għall-kapitolu 29 li jkopri l-prodott ikkonċernat, li abbażi tagħhom il-purifikazzjoni titqies bħala trasformazzjoni sostanzjali tal-prodott. Fuq din il-bażi, u peress li l-valina għall-użu farmaċewtiku tgħaddi minn tali proċess ta’ purifikazzjoni, Ajinomoto argumentat li jenħtieġ li ma tkunx koperta mid-definizzjoni tal-prodott.
(29) L-aaserzjoni dwar l-ambitu tal-prodott tressqet biss wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji, filwaqt li skont in-Notifika tal-Bidu, l-iskadenza għal kwalunkwe asserzjoni rigward l-ambitu tal-prodott jenħtieġ li tiġi ppreżentata fi żmien 10 ijiem mill-bidu ta’ din l-investigazzjoni. Għaldaqstant, l-asserzjoni ġiet tard u għalhekk ma għadhiex ammissibbli f’dan l-istadju.
(30) Irrispettivament minn dan, il-Kummissjoni l-ewwel innotat li kienet ikkonkludiet, fil-premessa (32) tar-Regolament proviżorju, li l-gradi differenti tal-valina għandhom karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi essenzjali simili, li kollha huma magħmulin mill-istess molekula u li jikkondividu l-istess funzjonijiet bażiċi, jiġifieri li jipprovdu valina diġeribbli ħafna lill-annimali u lill-bnedmin, jew fi prodotti farmaċewtiċi, fl-ikel (bħala suppliment tad-dieta), jew fl-għalf. Barra minn hekk, il-gradi kollha jiġu prodotti permezz tal-istess proċess ta’ produzzjoni, bi gradi differenti ta’ purifikazzjoni u estrazzjonijiet. Il-gradi kollha tal-valina jiġu importati taħt l-istess kodiċijiet TARIC.
(31) Ajinomoto ma pprovdiet l-ebda evidenza li kienet tiġġustifika l-asserzjoni li l-valina għall-użu farmaċewtiku kellha karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi differenti. Fil-fatt, Ajinomoto kkonfermat li l-prodott huwa kimikament l-istess bħall-valina għall-użu alimentari u għall-għalf u huwa bbażat fuq l-istess molekula (L-valina). Barra minn hekk, l-istandards tal-kwalità allegatament differenti applikabbli għall-produtturi tal-valina għall-użu farmaċewtiku ma jbiddlux il-kompożizzjoni kimika tal-prodott.
(32) Ajinomoto sostniet li l-valina għall-użu farmaċewtiku jkollha żebgħa tat-trab aktar kristallina minħabba l-ipproċessar ulterjuri tal-valina għall-għalf minn Ajinomoto. Madankollu, il-Kummissjoni tinnota li minkejja din id-differenza, il-prodotti għadhom jixbhu ħafna lil xulxin u l-karatteristiċi bażiċi tagħhom jibqgħu l-istess.
(33) It-tieni, kif konkluż fir-Regolament proviżorju fil-premessa (32), minkejja li r-rekwiżiti dwar il-purità tal-valina farmaċewtika huma ogħla, xorta għandha l-istess funzjoni, jiġifieri li tipprovdi l-aċidu amminiku essenzjali lill-annimali u lill-bnedmin, jew fi prodotti farmaċewtiċi, fl-ikel (bħala suppliment tad-dieta), jew fl-għalf.
(34) It-tielet, fir-rigward tar-regoli tal-oriġini mhux preferenzjali għall-kapitolu 29, Ajinomoto kkonfermat hija stess li l-konklużjoni fil-premessa (32) tar-Regolament proviżorju hija applikabbli għall-użu alimentari iżda jenħtieġ li ma tapplikax għall-valina għall-użu farmaċewtiku, minħabba trasformazzjoni sostanzjali tal-valina għall-għalf bil-purifikazzjoni tagħha. Madankollu, ir-regoli tal-oriġini mhux preferenzjali għall-Kapitolu 29 imsemmija mill-importatur ikopru mhux biss l-ipproċessar għal applikazzjonijiet farmaċewtiċi, iżda wkoll għal sustanzi għall-użu alimentari. Għalhekk, il-purifikazzjoni għal skopijiet farmaċewtiċi hija proċess tal-produzzjoni tal-istess kategorija bħal dik għall-użu alimentari.
(35) Barra minn hekk, skont Ajinomoto, l-ilmentatur ma qiesx li l-valina għall-użu farmaċewtiku kienet prodott ikkonċernat. Ajinomoto ssostni li l-valina għall-użu farmaċewtiku hija prodotta fl-Unjoni minn kumpanija differenti minn dik tal-ilmentatur. Peress li l-ilmentatur iddikjara li jirrappreżenta 100 % tal-produzzjoni tal-valina fl-Unjoni u ma kienx konxju ta’ produtturi oħra, Ajinomoto argumentat li l-użu farmaċewtiku ma għandux ikun kopert mill-ilment. Il-Kummissjoni kkonfermat is-sejbiet tagħha fil-premessa (33) tar-Regolament proviżorju, jiġifieri li l-investigazzjoni wriet li Eurolysine, malli kisbet l-awtorizzazzjonijiet regolatorji rilevanti, kellha l-kapaċità teknika li tipproduċi l-gradi kollha tal-valina. Barra minn hekk, id-deskrizzjoni tal-prodott fl-ilment iddefiniet il-prodott bħala aċidu amminiku b’formula kimika li tkopri l-valina ta’ kull grad, inkluż il-grad farmaċewtiku.
(36) Bħala konklużjoni, l-asserzjonijiet tal-importatur ġew miċħuda.
(37) Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor rigward il-prodott li qed jiġi investigat, il-prodott ikkonċernat u l-prodott simili, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (25) sa (33) tar-Regolament proviżorju.
(38) Wara d-divulgazzjoni finali, Ajinomoto tenniet il-kummenti tagħha mill-istadju proviżorju, li l-Kummissjoni diġà indirizzathom fil-premessi (27) sa (36). Il-kumpanija kkummentat fuq id-differenza fil-prezz bejn il-valina għall-użu farmaċewtiku u l-valina għall-għalf, filwaqt li argumentat li l-prezz għall-prodott għall-użu farmaċewtiku huwa ogħla b’mod sinifikanti, u konsegwentement ma ntweriex li l-importazzjonijiet tal-prodott għall-użu farmaċewtiku kkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni. Il-kumpanija indikat ukoll id-differenza fl-attivitajiet bejn il-produtturi relatati tagħha fiċ-Ċina u l-produtturi tal-Unjoni. Ajinomoto sostniet li Eurolysine pproduċiet il-prodott taħt investigazzjoni, filwaqt li Shanghai Ajinomoto tippurifikah f’valina għall-użu farmaċewtiku, li huwa proċess kompletament differenti li ma jistax jitwettaq mill-ilmentatur. Barra minn hekk, il-kumpanija asseriet li ż-żewġ prodotti ma humiex maħsuba għall-istess utenti, billi l-valina għall-użu farmaċewtiku tintuża għal skopijiet farmaċewtiċi, filwaqt li l-valina għall-għalf tintuża għall-għalf tal-annimali. Fl-aħħar nett, hija tenniet li l-valina għall-użu farmaċewtiku ma kinitx se tiġi inkluża fl-ilment u għalhekk ma kinitx taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-proċediment attwali.
(39) Il-Kummissjoni kkonfermat il-valutazzjonijiet tagħha, u nnotat li l-valina għall-użu farmaċewtiku hija, kif ikkonfermat minn Ajinomoto stess, verżjoni ta’ valina (jiġifieri l-prodott li qed jiġi investigat) ta’ ċertu livell ta’ purità. Għalhekk, minkejja d-differenza fil-prezz, il-fatt li Ajinomoto twettaq parti differenti mill-proċess tal-produzzjoni tal-prodott li qiegħed jiġi investigat, u l-użi maħsuba differenti, dan ma jikkostitwix bażi suffiċjenti biex dawn jitqiesu bħala prodotti differenti, li ġie spjegat fid-dettall fil-premessi (27) sa (36).
(40) Barra minn hekk, l-informazzjoni dwar id-differenza fil-proċess tal-produzzjoni, l-allegati karatteristiċi speċifiċi tal-valina għall-użu farmaċewtiku u l-prezzijiet ma setgħux jiġu vverifikati matul l-investigazzjoni peress li l-produttur Ċiniż relatat ma’ Ajinomoto ma kkooperax f’din l-investigazzjoni, u Ajinomoto għażlet li tipparteċipa fl-investigazzjoni biss wara l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji. Barra minn hekk, l-asserzjonijiet tagħha ma humiex appoġġati minn evidenza sostanzjali. Konsegwentement, il-Kummissjoni ddeterminat li t-tipi kollha ta’ valina jaqgħu taħt il-prodott li qiegħed jiġi investigat u bħala tali kkawżaw id-dannu li ġie deskritt fit-taqsimiet 4 u 5 tar-Regolament proviżorju. Il-Kummissjoni vvalutat l-impatt tal-importazzjonijiet kollha tal-prodott ikkonċernat fuq l-industrija tal-Unjoni, u għalhekk l-asserzjoni ta’ Ajinomoto ġiet miċħuda.
(41) L-argument li l-industrija tal-Unjoni ma tkunx kapaċi tipproduċi l-valina għall-użu farmaċewtiku, u li ma kinitx ġiet inkluża fl-ilment diġà ġie indirizzat fil-premessa (35). Barra minn hekk, il-valina għall-użu farmaċewtiku ssemmiet speċifikament fl-ilment bħala parti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott. Fl-aħħar nett, l-industrija tal-Unjoni kkonfermat li hija kapaċi tipproduċi valina għas-suq mhux tal-għalf u li l-gradi differenti ta’ purità tal-valina kellhom l-istess funzjoni bażika, jiġifieri li jipprovdu valina għall-użu fl-annimali u għall-użu mill-bniedem. Għalhekk, dawn l-asserzjonijiet ġew miċħuda.
(42) Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat il-valutazzjoni tagħha u ċaħdet l-asserzjoni għall-esklużjoni tal-valina għall-użu farmaċewtiku mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott.
DUMPING
(43) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, iż-żewġ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun, CJS, Huaheng Group, u l-ilmentatur ippreżentaw kummenti.
Proċedura għad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku
(44) Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-proċedura għad-determinazzjoni tal-valur normali skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha fil-premessi (34) sa (40) tar-Regolament proviżorju.
Valur normali Eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti
(45) Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fir-RPĊ, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha fil-premessi (44) sa (139) tar-Regolament proviżorju.
Pajjiż rappreżentattiv
(46) Fil-kummenti tiegħu dwar id-divulgazzjoni proviżorja, l-ilmentatur appoġġa d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħżel lill-Kolombja bħala l-pajjiż rappreżentattiv.
(47) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, Huaheng Group oppona d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tagħżel lill-Kolombja bħala l-pajjiż rappreżentattiv. L-ewwel nett, Huaheng Group sostna li l-Indoneżja kienet l-aktar pajjiż rappreżentattiv xieraq peress li kienet l-uniku pajjiż li (i) ipproduċa l-valina, (ii) ippreżenta importazzjonijiet sostanzjali mingħajr distorsjoni tal-fatturi ewlenin kollha tal-produzzjoni, u (iii) offra data finanzjarja faċilment disponibbli li tkopri l-PI kollu. It-tieni, Huaheng Group sostna li jekk il-Kummissjoni ma tagħżilx l-Indoneżja, hija għandha tmur lura għall-Malażja, magħżula fit-tieni nota dwar is-sorsi għad-determinazzjoni tal-valur normali tal-4 ta’ Ġunju 2025 (It-Tieni Nota). It-tielet, il-Kolombja jenħtieġ li tiġi skwalifikata minħabba d-distorsjonijiet fuq il-biċċa l-kbira tal-fatturi ewlenin tal-produzzjoni u n-nuqqas ta’ data finanzjarja disponibbli. Madankollu, il-Huaheng Group talab li jekk tinżamm il-Kolombja, il-Kummissjoni tissostitwixxi l-parametru referenzjarju għal-lamtu tal-qamħirrum.
L-Indoneżja
(48) Huaheng Group sostna li l-produzzjoni ta’ prodott fl-istess kategorija jew settur ġenerali tista’ titqies biss meta ma tkun teżisti l-ebda produzzjoni tal-prodott taħt investigazzjoni fi kwalunkwe pajjiż f’livell komparabbli ta’ żvilupp ekonomiku. F’dan il-każ, miż-żewġ pajjiżi disponibbli abbażi ta’ dawn il-kriterji, il-Brażil u l-Indoneżja, l-Indoneżja jenħtieġ li tingħata prijorità minħabba li għandha importazzjonijiet sostanzjali tal-fatturi ewlenin tal-produzzjoni. Fir-rigward tal-Brażil, fit-Tieni Nota, il-Kummissjoni kkonfermat li anki jekk il-Brażil ipproduċa l-valina matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, ma kien hemm l-ebda informazzjoni finanzjarja aġġornata. Għalhekk, il-Brażil kellu jiġi skartat bħala pajjiż rappreżentattiv potenzjali.
(49) Il-Kummissjoni nnotat li l-approċċ ta’ Huaheng Group injora ċ-ċirkostanza li, fil-każ kurrenti, ma kien hemm l-ebda data finanzjarja faċilment disponibbli għal kwalunkwe produttur tal-valina fl-Indoneżja. Għalhekk, il-Kummissjoni kellha tirrikorri għal prodott fl-istess kategorija jew settur ġenerali bħall-valina. Fil-kummenti tiegħu dwar id-divulgazzjoni proviżorja, Huaheng Group innifsu tenna biss il-possibbiltà li jiddependi fuq PT. Indo Acidatama Tbk, il-produttur tal-aċidu ċitriku. Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni nnotat ukoll li eliminat lill-Indoneżja bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq abbażi tas-sehem sinifikanti tal-importazzjonijiet miċ-Ċina għal mill-inqas erba’ mill-aktar fatturi importanti tal-produzzjoni u fuq id-distorsjonijiet tas-suq tal-qamħirrum u tal-faħam. Għalhekk, din l-asserzjoni ġiet miċħuda.
(50) Barra minn hekk, Huaheng Group ma qabilx mal-fehma tal-Kummissjoni li Huaheng Group għażel b’mod selettiv lill-Brażil u lit-Turkija bħala pajjiżi rappreżentattivi possibbli u li qabbel lill-Indoneżja ma’ dawn, minflok ma qabbel lill-Indoneżja mal-Malażja u mal-Kolombja. Sabiex jindirizza s-sejba proviżorja tal-Kummissjoni, Huaheng Group indika li kien hemm importazzjonijiet sinifikanti ta’ qamħirrum fl-Indoneżja u semma li l-Kolombja kienet mistennija tibda investigazzjoni dwar l-importazzjonijiet ta’ qamħirrum li joriġina mill-Istati Uniti. Filwaqt li ma nbdiet l-ebda investigazzjoni bħal din, Huaheng Group sostna li dan indika li l-prezz tal-qamħirrum fil-Kolombja seta’ ġie distort minħabba importazzjonijiet allegatament sussidjati mill-Istati Uniti, peress li l-Istati Uniti pprovdew kważi 97 % tal-importazzjonijiet totali tal-qamħirrum fil-Kolombja. Il-Kummissjoni qieset li l-asserzjoni ta’ Huaheng Group kienet spekulattiva u mhux sostanzjata, peress li ma tressqet l-ebda evidenza tal-allegat sussidjar tal-qamħirrum tal-Istati Uniti u l-Kolombja ma bdietx investigazzjoni ta’ difiża kummerċjali dwar il-qamħirrum mill-Istati Uniti. Għalhekk, din l-asserzjoni ġiet miċħuda.
(51) Huaheng Group indika li l-volumi tal-importazzjoni tal-lamtu tal-qamħirrum fl-Indoneżja kienu konformi mal-volumi tal-importazzjoni fil-Malażja u li kienu ogħla mill-volumi tal-importazzjoni fil-Kolombja.
(52) Il-Kummissjoni kienet diġà ċaħdet dawn l-asserzjonijiet fil-premessa (161) tar-Regolament proviżorju. Peress li Huaheng Group ma ppreżenta l-ebda argument ulterjuri b’appoġġ għal dawn l-asserzjonijiet, il-Kummissjoni rrifjutathom abbażi tar-raġunament stabbilit fil-premessa (161) tar-Regolament proviżorju.
(53) Barra minn hekk, Huaheng Group argumenta li l-mod li bih il-Kummissjoni ħarset biss lejn il-fatturi tal-produzzjoni affettwati minn sehem sinifikanti tal-importazzjonijiet Ċiniżi kien qarrieqi minħabba li ma qisitx il-fatturi kollha tal-produzzjoni. Għalhekk, skont Huaheng Group, il-parametri referenzjarji bbażati fuq l-importazzjonijiet fil-Kolombja tal-lamtu tal-qamħirrum, tal-faħam u tal-karbonju attivat ukoll ma kinux affidabbli. F’dan ir-rigward, Huaheng Group tenna l-kummenti tiegħu miġbura fil-qosor fil-premessa (184) tar-Regolament proviżorju fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ tali fatturi tal-produzzjoni fl-Indoneżja, meta mqabbla mal-importazzjonijiet fil-Malażja u fil-Kolombja.
(54) Madankollu, il-Kummissjoni ma qablitx ma’ din il-asserzjoni peress li kienet analizzat il-fatturi kollha tal-produzzjoni msemmija minn Huaheng Group, inkluż il-qamħirrum, fl-Indoneżja. Bħala eżempju, fl-ewwel nota dwar is-sorsi għad-determinazzjoni tal-valur normali tat-2 ta’ April 2025 (L-Ewwel Nota), il-Kummissjoni qajmet l-eżistenza tal-projbizzjoni fuq l-importazzjoni tal-qamħirrum fl-Indoneżja. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma sabitx li l-importazzjonijiet tal-lamtu tal-qamħirrum, tal-faħam u tal-karbonju attivat fil-Kolombja kienu distorti. Dan ġie indirizzat speċifikament fil-premessi (66), (68) u (70). Għalhekk, din l-asserzjoni ġiet miċħuda.
(55) Huaheng Group ikkontesta l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessa (187) tar-Regolament proviżorju li l-projbizzjoni fuq l-importazzjoni tal-qamħirrum fl-Indoneżja tista’ tkun ir-raġuni għal volum aktar baxx ta’ importazzjonijiet meta mqabbla mal-Malażja u mal-Kolombja. Skont Huaheng Group, l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni kienet kontradetta mill-fatt li l-prezz medju tal-importazzjoni tal-qamħirrum fl-Indoneżja kien identiku għall-prezz tal-importazzjoni fil-Malażja u ogħla mill-prezz tal-importazzjoni fil-Kolombja. Barra minn hekk, fil-fehma ta’ Huaheng Group, il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni tal-qamħirrum fl-Indoneżja ma kinitx riflessa fil-volumi tal-importazzjoni tal-Indoneżja. Bl-istess mod, għall-faħam, affettwat minn distorsjonijiet tas-suq identifikati mill-Kummissjoni fl-Ewwel Nota, Huaheng Group argumenta li l-prezz tal-importazzjoni fl-Indoneżja kien komparabbli ma’ dak fil-Malażja.
(56) It-tqabbil tal-prezzijiet li sar minn Huaheng Group kien maħsub biex juri li d-distorsjonijiet tas-suq identifikati fuq il-qamħirrum u l-faħam ma affettwawx il-prezz tal-importazzjoni ta’ dawn il-fatturi ta’ produzzjoni fl-Indoneżja. Madankollu, fil-premessa (187) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni argumentat li l-projbizzjoni fuq l-importazzjoni tal-qamħirrum seta’ kellha impatt fuq il-volum tal-importazzjoni iżda, f’dan il-kuntest, ma kinitx qed tivvaluta l-effett fuq il-prezz ta’ tali projbizzjoni. Għalhekk, l-argumenti mressqa minn Huaheng Group ma indirizzawx ir-raġunament tal-Kummissjoni u ma żvalutawx is-sejbiet tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, fir-rigward tal-asserzjoni li l-projbizzjoni fuq l-importazzjoni tal-qamħirrum ma kinitx riflessa fil-volumi tal-importazzjoni tal-Indoneżja, il-Kummissjoni fakkret li fl-Ewwel Nota hija spjegat li, skont din il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni, l-importazzjoni tal-qamħirrum hija permessa fi żmien xhur preskritti u sakemm id-domanda domestika ma tiġix issodisfata mill-produzzjoni lokali. Għalhekk, il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni tal-qamħirrum ma hijiex projbizzjoni sħiħa u l-importazzjonijiet tal-qamħirrum qed ikomplu jiċċirkolaw, għalkemm f’livell imnaqqas. L-istatistika dwar l-importazzjoni ma setgħetx imbagħad turi n-nuqqas ta’ importazzjonijiet tal-qamħirrum fl-Indoneżja, kif jidher li jimplika Huaheng Group. Għall-kuntrarju, din turi importazzjonijiet tal-qamħirrum, iżda f’volumi aktar baxxi meta mqabbla mal-Malażja u mal-Kolombja, punt li Huaheng Group naqas milli jindirizza. Fl-aħħar nett, fi kwalunkwe każ, it-tqabbil mal-prezzijiet fil-Malażja u fil-Kolombja mwettaq minn Huaheng Group fir-rigward kemm tal-qamħirrum kif ukoll tal-faħam ma jurix jekk id-distorsjonijiet tas-suq affettwawx il-prezz tal-qamħirrum u tal-faħam fl-Indoneżja. Għaldaqstant, din l-asserzjoni ġiet miċħuda.
(57) Fl-aħħar nett, Huaheng Group sostna li, wara r-raġunament tal-Kummissjoni li volum baxx kien jimplika distorsjoni, il-lamtu tal-qamħirrum fil-Kolombja jkun distort ukoll minħabba l-volum baxx ta’ importazzjoni li jkun rifless ukoll fil-prezz għoli fil-Kolombja.
(58) Il-Kummissjoni indirizzat u ċaħdet l-asserzjoni li l-prezz tal-importazzjoni tal-lamtu tal-qamħirrum fil-Kolombja kien distort fil-premessa (66).
Il-Malażja
(59) Fil-kummenti tiegħu wara d-divulgazzjoni proviżorja, Huaheng Group ma qabilx mal-konklużjoni tal-Kummissjoni li d-data finanzjarja ta’ Ajinomoto Malaysia ma setgħetx tirrappreżenta parametru referenzjarju affidabbli għall-kostijiet SG & A u l-profitt minħabba li Ajinomoto Malaysia waqfet tipproduċi l-MSG, il-prodott l-ieħor meqjus mill-Kummissjoni bħala li huwa fl-istess kategorija ġenerali bħall-valina, fil-Malażja. F’dan ir-rigward, Huaheng Group qajjem dubji dwar l-affidabbiltà tar-rapport annwali tal-2024 ta’ Ajinomoto Malaysia fir-rigward tal-waqfien tal-produzzjoni tal-MSG minħabba l-allegat nuqqas ta’ ċarezza tal-formulazzjoni tar-rapport annwali.
(60) Il-Kummissjoni nnotat li l-fatt li Ajinomoto Malaysia ma kinitx għadha involuta fil-produzzjoni tal-MSG ġie kkonfermat ukoll f’investigazzjoni reċenti, fejn l-awtoritajiet Malażjani infurmaw lill-Kummissjoni li Ajinoriki Malaysia kienet l-uniku produttur tal-MSG fil-pajjiż. Għalhekk, id-data ta’ Ajinomoto Malaysia ma setgħetx tintuża u din l-asserzjoni ġiet miċħuda.
(61) Fir-rigward ta’ Ajinoriki Malaysia, Huaheng Group ikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni li d-data finanzjarja ta’ Ajinoriki Malaysia ma setgħetx tirrappreżenta parametru referenzjarju affidabbli għall-kostijiet SG & A u l-profitt minħabba l-involviment tagħha fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni. Tabilħaqq, skont Huaheng Group, l-involviment ta’ Ajinoriki Malaysia fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni fil-produzzjoni tal-MSG ġie vvalutat biss għall-perjodu tar-rapportar ta’ dik l-investigazzjoni (mill-1 ta’ Lulju 2023 sat-30 ta’ Ġunju 2024).
(62) Il-Kummissjoni nnotat li x-xejra mibdula tal-kummerċ aċċertata fl-investigazzjoni antiċirkomvenzjoni inkwistjoni kienet dovuta għaż-żieda fl-esportazzjonijiet tan-negozjant relatat ta’ Ajinoriki Malaysia fiċ-Ċina lejn il-Malażja, li bdiet mill-2021, matul il-perjodu ta’ investigazzjoni tal-investigazzjoni antiċirkomvenzjoni. Għalhekk, ix-xejra mibdula tal-kummerċ identifikata mill-Kummissjoni fl-investigazzjoni antiċirkomvenzjoni affettwat id-data finanzjarja tal-2022 ta’ Ajinoriki Malaysia. Għaldaqstant, din l-asserzjoni ġiet miċħuda.
(63) Barra minn hekk, fir-rigward tal-fatt li l-aħħar data finanzjarja ta’ Ajinoriki Malaysia disponibbli kienet tmur lura għall-2022, Huaheng Group sostna li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq id-data aktar skaduta tal-profitt ta’ importaturi mhux relatati minn investigazzjoni li tikkonċerna l-importazzjonijiet ta’ ċerti alkoħols tal-polivinil li joriġinaw miċ-Ċina (investigazzjoni tal-PVA, polyvinyl alcohols), sabiex tistabbilixxi l-profitt ta’ negozjanti u importaturi relatati.
(64) Il-Kummissjoni nnotat li l-profitt raġonevoli ta’ produttur f’pajjiż rappreżentattiv meta jiddetermina l-valur normali f’konformità mal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku minn naħa waħda, u l-marġni ta’ profitt użat biex jiġi aġġustat il-prezz tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(9) u l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku, min-naħa l-oħra, huma bbażati fuq bażi legali differenti u jaqdu skop differenti u għalhekk ma humiex komparabbli. Għalhekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tiddependi fuq id-data finanzjarja tal-2022 ta’ Ajinoriki Malaysia u din l-asserzjoni ġiet miċħuda.
Il-Kolombja
(65) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, Huaheng Group sostna li l-parametru referenzjarju Kolombjan għal-lamtu tal-qamħirrum kien distort u li l-Kummissjoni jenħtieġ li tissostitwih b’parametru referenzjarju aktar xieraq bħall-prezz tal-importazzjoni fl-Indoneżja, fil-Malażja jew prezz globali tal-importazzjoni. L-ewwel nett, Huaheng Group sostna li l-volum tal-importazzjoni fil-Kolombja kien baxx b’mod mhux rappreżentattiv, pereżempju meta mqabbel mal-Indoneżja jew mal-Malażja, it-tnejn li huma importaturi kbar tal-lamtu tal-qamħirrum. It-tieni, Huaheng Group sostna li l-volum estremament baxx ta’ importazzjoni fil-Kolombja kien irriżulta fi prezzijiet tal-importazzjoni għoljin b’mod anormali, pereżempju meta mqabbla mal-Brażil (37 % ogħla), mat-Tajlandja (27 %), mal-Indoneżja (72 %) u mal-Malażja (65 %). It-tielet, Huaheng Group issottometta data tal-importazzjonijiet fil-Kolombja għal kull kumpanija importatriċi u għal kull pajjiż ta’ oriġini. Huaheng Group sostna li kumpanija importatriċi waħda kienet responsabbli għal kważi 50 % tal-importazzjonijiet kollha fil-Kolombja. Huaheng Group allega wkoll li l-importazzjonijiet kollha minn dik il-kumpanija importatriċi kienu minn fornituri relatati, ċirkostanza li Huaheng Group sostna li tixħet dubji dwar id-distakk tal-prezz tax-xiri. Ir-raba’, Huaheng Group sostna li l-attivitajiet ewlenin ta’ dik il-kumpanija importatriċi kienu fis-settur tal-ikel, tax-xorb u tal-farmaċewtika u li għalhekk kien probabbli li l-lamtu tal-qamħirrum importat minn dik il-kumpanija kien bi prezz ogħla mil-lamtu tal-qamħirrum industrijali użat għall-valina użat mill-produttur ta’ Huaheng Group, jiġifieri Bayannur Huaheng Biotechnology Co., Ltd.
(66) Fir-rigward tal-ewwel u t-tieni punt, il-Kummissjoni kkonkludiet fl-Ewwel Nota li l-qamħirrum fl-Indoneżja kien affettwat minn distorsjonijiet tas-suq fil-forma ta’ projbizzjoni fuq l-importazzjoni tal-qamħirrum. Barra minn hekk, il-Kummissjoni vvalutat id-data għall-PI mill-Allert Kummerċjali Globali (GTA, global trade alert) rigward l-ammont u l-valur tal-importazzjonijiet lejn il-pajjiżi kollha li joriġinaw fil-pajjiżi kollha minbarra r-RPĊ u l-pajjiżi elenkati fl-Anness 1 tar-Regolament (UE) 2015/755 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Id-data wriet li filwaqt li l-prezz fil-Malażja kien 40 % inqas mill-Kolombja, kien hemm ukoll pajjiżi b’volumi kbar ta’ importazzjoni bi prezzijiet simili jew ogħla mill-Kolombja bħall-Ġermanja (l-istess bħall-Kolombja), Franza (26 % ogħla mill-Kolombja), il-Kanada (34 % ogħla mill-Kolombja), ir-Renju Unit (64 % ogħla mill-Kolombja) u l-Awstralja (1 % ogħla mill-Kolombja). Il-Kummissjoni nnotat ukoll li għalkemm Huaheng Group ikkwota lill-Brażil bħala eżempju ta’ pajjiż bi prezz tal-importazzjoni aktar baxx mill-Kolombja, il-volum tal-importazzjoni fil-Brażil kien 21 % aktar baxx mill-Kolombja. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-volum tal-importazzjoni fil-Kolombja ma rriżultax fi prezz tal-importazzjoni għoli b’mod anormali. Fuq din il-bażi, il-fatt li l-prezzijiet tal-importazzjoni varjaw bejn il-pajjiżi ma jistax fih innifsu jiġġustifika li prezzijiet ogħla jew aktar baxxi jiġu kkwalifikati bħala anormali u konsegwentement jiġu injorati. Fir-rigward tat-tielet punt, Huaheng Group ma ppreżentax evidenza dwar jekk il-kumpanija importatriċi u l-fornituri tagħha kinux relatati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni vvalutat id-data sottomessa minn Huaheng Group u nnotat li l-prezzijiet li bihom il-kumpanija importatriċi identifikata minn Huaheng Group xtrat il-lamtu tal-qamħirrum varjaw ħafna skont il-pajjiż fornitur, u għalhekk id-data pprovduta ma wrietx li d-differenza setgħet tiġi spjegata minn politiki potenzjali tal-ipprezzar tat-trasferimenti. Barra minn hekk, kien hemm importaturi oħra fil-Kolombja li kienu xtraw bi prezz simili mill-istess pajjiż fornitur. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni nnotat li s-sit web tal-kumpanija importatriċi jelenka prodotti u attivitajiet mhux limitati għall-ikel, ix-xorb u l-farmaċewtiċi, pereżempju n-nutrizzjoni tal-annimali u l-applikazzjonijiet industrijali. Għalhekk, il-Kummissjoni sabet li l-asserzjoni li l-kumpanija importatriċi x’aktarx li xtrat lamtu tal-qamħirrum bi prezz għoli ma kinitx sostanzjata. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet il-asserzjonijiet u qieset li l-parametru referenzjarju Kolombjan għal-lamtu tal-qamħirrum kien raġonevoli.
(67) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, CJS sostniet li l-parametri referenzjarji tal-Kummissjoni għall-karbonju attivat u għall-aċidu aċetiku ma kinux affidabbli. Għall-karbonju attivat, CJS sostniet li l-volumi baxxi ta’ importazzjoni fil-Kolombja rriżultaw f’inflazzjoni tal-parametru referenzjarju minħabba li l-pajjiżi l-oħrajn kollha b’introjtu medju superjuri, jiġifieri l-Brażil, l-Indoneżja, il-Kolombja, it-Tajlandja u t-Turkija identifikati mill-Kummissjoni fl-Ewwel Nota, kellhom volumi ta’ importazzjoni ħafna ogħla. CJS ipproponiet l-użu tal-prezz medju tal-importazzjoni ponderat fit-Turkija jew parametru referenzjarju internazzjonali bħala alternattiva aktar rappreżentattiva, peress li dawn il-parametri referenzjarji jirriflettu b’mod aktar preċiż il-prezzijiet tas-suq għall-karbonju attivat. CJS irreferiet ukoll għal każijiet oħra fejn il-Kummissjoni kienet użat parametri referenzjarji alternattivi biex tappoġġa l-proposta tagħha.
(68) Il-Kummissjoni qieset li CJS ma pprovdietx biżżejjed evidenza biex tissostanzja l-asserzjoni tagħha li l-prezz tal-importazzjoni tal-karbonju attivat fil-Kolombja huwa soġġett għal inflazzjoni indebita. Il-volumi tal-importazzjoni fil-Kolombja kienu biżżejjed biex jiġi stabbilit parametru referenzjarju affidabbli. Barra minn hekk, l-użu mill-Kummissjoni ta’ parametri referenzjarji speċifiċi għall-pajjiż huwa konsistenti mal-prattika stabbilita tagħha. CJS irreferiet għal każijiet oħra fejn intużaw parametri referenzjarji alternattivi mingħajr ma wriet għaliex dawn l-eżempji huma rilevanti f’dan il-każ, u għall-kundizzjonijiet speċifiċi tas-suq fiż-żmien tal-investigazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjoni ta’ CJS.
(69) Għall-aċidu aċetiku, CJS sostniet li l-prezz tal-importazzjoni huwa soġġett għal inflazzjoni indebita, b’40-80 % ogħla mill-prezzijiet medji tal-importazzjoni fil-pajjiżi l-oħra b’introjtu medju superjuri identifikati mill-Kummissjoni fl-Ewwel Nota. CJS attribwiet dan għal żewġ fatturi ewlenin: l-ewwel nett, il-volum tal-importazzjoni relattivament baxx tal-aċidu aċetiku tal-Kolombja meta mqabbel mal-pajjiżi l-oħra b’introjtu medju superjuri, u t-tieni nett, huma jallegaw li t-tip ta’ aċidu aċetiku importat mill-Kolombja huwa aċidu aċetiku ta’ grad ta’ purità ogħla, li jiswa iktar flus. Biex tissostanzja dan, CJS innotat li meta l-Kolombja timporta l-aċidu aċetiku mill-Ġermanja u min-Netherlands, il-prezz huwa ogħla b’mod sinifikanti minn meta t-Turkija timporta l-aċidu aċetiku mill-istess pajjiżi, x’aktarx minħabba d-differenza fil-grad importat. CJS ipproponiet li jintuża l-prezz tal-importazzjoni fil-Brażil jew parametru referenzjarju internazzjonali bħala parametru referenzjarju aktar preċiż għall-aċidu aċetiku.
(70) Il-Kummissjoni qieset li CJS ma pprovdietx biżżejjed evidenza biex tissostanzja l-asserzjoni tagħha li l-prezz tal-importazzjoni tal-aċidu aċetiku fil-Kolombja huwa soġġett għal inflazzjoni indebita peress li rrefera biss għall-importazzjonijiet Kolombjani mill-Ġermanja u min-Netherlands. Il-Kummissjoni nnotat li l-importazzjonijiet mill-Ġermanja u min-Netherlands kienu jirrappreżentaw inqas minn 0,1 % tal-importazzjonijiet totali tal-Kolombja u għalhekk ma humiex rappreżentattivi tax-xejra ġenerali tal-importazzjoni tal-Kolombja. Kif iddikjarat fil-premessa (66), is-sempliċi fatt li l-prezzijiet tal-importazzjoni varjaw bejn il-pajjiżi ma jfissirx fih innifsu li l-prezz tal-importazzjoni fil-Kolombja huwa anormali u jenħtieġ li jiġi injorat. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe evidenza ta’ distorsjonijiet fis-suq Kolombjan, il-parametri referenzjarji tal-Kummissjoni għall-karbonju attivat u għall-aċidu aċetiku jibqgħu indikatur affidabbli u rappreżentattiv tal-prezz tas-suq. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjoni ta’ CJS.
(71) L-ilmentatur sostna li l-importazzjonijiet tal-faħam fil-Kolombja kienu baxxi minħabba li l-Kolombja kienet esportatur kbir tal-faħam u sostna li l-Kummissjoni ma indirizzatx tali importazzjonijiet baxxi fil-premessa (161) tar-Regolament proviżorju. L-ilmentatur sostna li riżultat aktar xieraq jinkiseb bl-użu tal-medja ponderata tal-prezzijiet unitarji tal-importazzjonijiet lejn il-pajjiżi kollha li joriġinaw mill-pajjiżi kollha minbarra r-RPĊ u l-pajjiżi elenkati fl-Anness 1 tar-Regolament (UE) 2015/755, kif irrapportat fil-GTA.
(72) Il-Kummissjoni nnotat li l-ilmentatur ma ssostanzjax u ma pprovda l-ebda evidenza għaliex l-allegat volum baxx ta’ importazzjonijiet tal-faħam fil-Kolombja affettwa l-affidabbiltà tal-parametru referenzjarju fil-każ speċifiku inkwistjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-volum tal-importazzjonijiet tal-faħam fil-Kolombja f’dan il-każ kien biżżejjed biex jiġi stabbilit parametru referenzjarju raġonevoli mingħajr il-ħtieġa li wieħed jirrikorri għal parametru referenzjarju internazzjonali alternattiv. Għalhekk, din l-asserzjoni ġiet miċħuda.
Kummenti wara d-divulgazzjoni finali L-Indoneżja
(73) Wara d-divulgazzjoni finali, Huaheng Group sostna li l-Kummissjoni ma indirizzatx bis-sħiħ l-asserzjoni tiegħu wara d-divulgazzjoni proviżorja favur l-għażla tal-Indoneżja bħala pajjiż rappreżentattiv, li skontu, il-prezz tal-importazzjoni tal-qamħirrum Kolombjan kien affettwat minn sehem sinifikanti ta’ importazzjonijiet mill-Istati Uniti. Il-Kummissjoni kienet ġabret fil-qosor u indirizzat dan il-kumment fil-premessa (50). Huaheng Group tenna l-asserzjoni tiegħu li l-prezz tal-importazzjonijiet allegatament sussidjati mill-Istati Uniti kien taħt il-prezz ta’ sorsi alternattivi (il-Brażil, il-Paragwaj, l-Arġentina u l-Ekwador) u kien qed ibaxxi b’mod artifiċjali l-prezz tal-importazzjoni tal-qamħirrum Kolombjan meta mqabbel mal-prezz tal-importazzjoni fl-Indoneżja, fit-Tajlandja u fil-Malażja, li kienu qed jimportaw inqas qamħirrum mill-Istati Uniti. Huaheng Group iġġustifika l-fatt li l-Brażil kellu prezz tal-importazzjoni saħansitra aktar baxx mill-Kolombja bil-fatt li l-Brażil huwa t-tielet l-akbar produttur tal-qamħirrum fid-dinja, li allegatament inaqqas id-domanda tal-Brażil għall-importazzjoni u jnaqqas il-prezzijiet tal-importazzjoni.
(74) Il-Kummissjoni kkonfermat li l-asserzjoni ta’ Huaheng Group kienet spekulattiva. Tabilħaqq, ir-raġunament ta’ Huaheng Group huwa bbażat fuq il-fatt li l-importazzjonijiet tal-qamħirrum mill-Istati Uniti fixklu l-parametru referenzjarju rrappreżentat mill-prezz tal-importazzjoni tal-qamħirrum fil-Kolombja, li għalhekk ikun inqas xieraq mill-prezz tal-importazzjoni tal-qamħirrum fl-Indoneżja. Madankollu, għall-kuntrarju tal-importazzjonijiet tal-qamħirrum miċ-Ċina, fejn instabu distorsjonijiet sinifikanti skont it-tifsira tal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku fl-investigazzjoni kurrenti fil-premessa (138) tar-Regolament proviżorju, ma ntweriex li l-importazzjonijiet tal-qamħirrum mill-Istati Uniti kienu distorti. Fil-fatt, l-investigazzjoni kontra s-sussidji li kellha tibda l-Kolombja ma nbdietx. Huaheng Group asserixxa li possibbilment, investigazzjoni bħal din ma nbdietx minħabba tħassib dwar ritaljazzjoni mill-Istati Uniti, mingħajr ma pprovda ebda evidenza għal din l-asserzjoni. Għalhekk, Huaheng Group naqas milli juri li l-importazzjonijiet mill-Istati Uniti kienu distorti. B’konsegwenza ta’ dan, il-bqija tal-asserzjoni kienet bla bażi. Il-fatt li l-prezz tal-importazzjonijiet mill-Istati Uniti kien aktar baxx minn sorsi alternattivi ta’ provvista ma jagħmilx il-prezz tal-importazzjoni tal-qamħirrum fil-Kolombja distort jew artifiċjalment baxx. Pjuttost, dan jikkorrobora l-fehma li l-prezz tal-importazzjoni tal-qamħirrum fil-Kolombja wieġeb għal, u kien ir-riżultat ta’, dinamika ordinarja tas-suq irrappreżentata mill-prezz baxx tas-sors ewlieni tagħha, l-Istati Uniti. Għalhekk, din l-asserzjoni ġiet miċħuda.
(75) Huaheng Group ma qabilx ma’ kif il-Kummissjoni indirizzat l-asserzjoni tiegħu wara d-divulgazzjoni proviżorja li l-volum tal-importazzjoni tal-lamtu tal-qamħirrum fil-Kolombja kien inqas mill-volum tal-importazzjoni fl-Indoneżja, li minflok kien sinifikanti u komparabbli ma’ dak tal-Malażja. Il-Kummissjoni kienet ġabret din l-asserzjoni fil-qosor fil-premessa (51) u indirizzatha fil-premessa (52), b’referenza għall-premessa (161) tar-Regolament proviżorju. Madankollu, Huaheng Group sostna li, fil-premessa (161) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni nnotat biss li fil-Kolombja, l-għadd ta’ fatturi tal-produzzjoni affettwati minn sehem sinifikanti ta’ importazzjonijiet Ċiniżi kien aktar baxx meta mqabbel ma’ pajjiżi rappreżentattivi potenzjali oħra.
(76) L-asserzjoni ta’ Huaheng Group li l-volum tal-importazzjoni tal-lamtu tal-qamħirrum fil-Kolombja kien aktar baxx milli fl-Indoneżja ġiet indirizzata fil-premessa (161) tar-Regolament proviżorju, fejn il-Kummissjoni qablet ma’ Huaheng Group li l-importazzjonijiet tal-lamtu tal-qamħirrum fil-Kolombja kienu aktar baxxi meta mqabbla mal-Indoneżja. Għalhekk, il-kumment ta’ Huaheng Group ġie kkunsidrat, iżda volum aktar baxx ta’ importazzjonijiet meta mqabbel ma’ pajjiż rappreżentattiv potenzjali ieħor fih innifsu ma jqajjimx dubji dwar ir-rappreżentattività jew dwar l-affidabbiltà tal-parametru referenzjarju miksub minnu. Il-kwistjoni separata ta’ jekk il-volum tal-importazzjonijiet tal-lamtu tal-qamħirrum fil-Kolombja kellux impatt fuq l-affidabbiltà tal-parametru referenzjarju ġiet indirizzata fil-premessa (66) u ulterjorment fil-premessi (97) sa (99). Imbagħad, il-volum tal-importazzjonijiet tal-lamtu tal-qamħirrum fil-Kolombja kien ġie wkoll evalwat ulterjorment fil-premessa (161) tar-Regolament proviżorju bl-analiżi sussegwenti tal-Kummissjoni dwar is-sehem tal-importazzjonijiet Ċiniżi (mill-importazzjonijiet totali) tal-fatturi tal-produzzjoni, li spjegat għaliex l-Indoneżja ma kinitx pajjiż rappreżentattiv xieraq. Għalhekk, l-asserzjoni dwar in-nuqqas li jiġi indirizzat il-volum tal-importazzjoni tal-lamtu tal-qamħirrum ġiet miċħuda.
(77) Huaheng Group lanqas ma qabel ma’ kif il-Kummissjoni indirizzat l-asserzjoni tiegħu wara d-divulgazzjoni proviżorja li l-Kummissjoni ma kellhiex tqis kemm-il fattur tal-produzzjoni kien affettwat mill-importazzjonijiet Ċiniżi, iżda pjuttost is-sehem tal-fatturi tal-produzzjoni potenzjalment affettwati mill-kostijiet tal-manifattura tal-produtturi esportaturi. Skont Huaheng, il-volumi tal-importazzjonijiet tal-lamtu tal-qamħirrum, tal-faħam u tal-karbonju attivat fil-Kolombja, li kienu anqas mill-importazzjonijiet fl-Indoneżja, kellhom jiġu eżaminati minn din il-perspettiva. Il-Kummissjoni kienet ġabret din l-asserzjoni fil-qosor fil-premessa (53) u indirizzatha fil-premessa (54). Madankollu, Huaheng Group ikkunsidra li fil-premessa (54) il-Kummissjoni ma rribattietx l-argument tiegħu. Fl-opinjoni ta’ Huaheng Group, il-fatturi tal-produzzjoni għandhom jiġu evalwati b’mod relattiv għas-sehem tagħhom fil-kost tal-manifattura, minħabba li dan jirrifletti direttament l-impatt distorsiv meta jinħadem il-valur normali, filwaqt li l-għadd tal-fatturi tal-produzzjoni ma pprovdiex stampa akkurata tal-firxa tad-distorsjoni. Huaheng Group asserixxa li, meta jitqiesu l-fatturi kollha tal-produzzjoni, l-impatt distorsiv, imkejjel skont il-kost totali tal-manifattura, kien konsiderevolment ogħla fil-Kolombja milli fl-Indoneżja jew fil-Malażja, filwaqt li jitqies is-sehem tal-lamtu tal-qamħirrum. F’din il-konklużjoni, Huaheng Group qies li l-projbizzjoni fuq l-importazzjoni tal-qamħirrum fl-Indoneżja ma kellha l-ebda impatt distorsiv fuq il-prezzijiet tal-importazzjoni, kif spjegat fil-premessi (82) u (83), filwaqt li l-volum baxx tal-importazzjoni tal-lamtu tal-qamħirrum fil-Kolombja kellu impatt distorsiv.
(78) L-asserzjoni magħmula minn Huaheng Group hija parzjalment mhux issostanzjata. B’referenza għan-numru ta’ fatturi tal-produzzjoni affettwati minn sehem sinifikanti ta’ importazzjonijiet Ċiniżi, il-Kummissjoni qieset ukoll is-sehem tal-fatturi tal-produzzjoni fil-kost tal-produzzjoni taż-żewġ produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun (li jista’ jvarja skont l-istruttura tal-kostijiet ta’ kull produttur), kif spjegat fil-premessa (186) tar-Regolament proviżorju. Fil-fatt, fil-premessa (186) tar-Regolament proviżorju u fin-noti ta’ qiegħ il-paġna tiegħu, il-Kummissjoni spjegat fid-dettall li l-importazzjonijiet Ċiniżi fl-Indoneżja affettwaw erba’ fatturi, b’sehem ta’ bejn 45 % u 83 % tal-importazzjonijiet totali ta’ kull fattur: (i) monoidrat tal-glukożju u trab SOD, (ii) aċidu fosforiku, (iii) soda kawstika, u (iv) karbonju attivat. Il-Kummissjoni indikat li dawn l-erba’ fatturi ta’ produzzjoni ammontaw għal [1–10] % tal-kost tal-produzzjoni tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun. Min-naħa l-oħra, l-importazzjonijiet Ċiniżi fil-Malażja affettwaw tliet fatturi b’sehem ta’ bejn 49 % u 81 % tal-importazzjonijiet totali ta’ kull fattur: (i) monoidrat tal-glukożju u trab SOD, (ii) aċidu aċetiku, u (iii) karbonju attivat. Dawn ammontaw għal [1-6] % tal-kost totali tal-manifattura tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun. Fl-aħħar nett, l-importazzjonijiet Ċiniżi fil-Kolombja affettwaw tliet fatturi b’sehem imnaqqas ta’ bejn 36 % u 65 % tal-importazzjonijiet totali ta’ kull fattur: (i) monoidrat tal-glukożju u trab SOD, (ii) aċidu fosforiku, u (iii) karbonju attivat. Dawn ammontaw għal [1-8] % tal-kost totali tal-manifattura tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset sew l-ishma tal-fatturi tal-produzzjoni fil-kost tal-produzzjoni tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun. Madankollu, dawn urew li proporzjon akbar tal-kost tal-produzzjoni kien ikun affettwat jekk l-Indoneżja tintuża bħala pajjiż rappreżentattiv, meta mqabbla mal-Malażja u l-Kolombja. Ir-raġuni għaliex Huaheng Group wasal għal konklużjoni differenti li, abbażi tas-sehem tal-kost tal-produzzjoni affettwat, il-Kolombja kienet aktar affettwata mill-importazzjonijiet Ċiniżi mill-Indoneżja u l-Malażja bbażat fuq is-suppożizzjoni żbaljata li l-importazzjonijiet tal-qamħirrum, tal-lamtu tal-qamħirrum, tal-faħam u tal-karbonju attivat fil-Kolombja kienu distorti jew inkella ma setgħux jintużaw. Madankollu, dan ma ntwera għall-ebda wieħed minn dawn l-erba’ fatturi ta’ produzzjoni. Għalhekk, fil-premessa (74) il-Kummissjoni kkonkludiet li l-prezz tal-importazzjoni tal-qamħirrum fil-Kolombja ma kienx distort; fil-premessi (93) u (97) sa (99) li l-prezz tal-importazzjoni tal-lamtu tal-qamħirrum fil-Kolombja kien raġonevoli; fil-premessa (72) li l-prezz tal-importazzjoni tal-faħam fil-Kolombja wkoll kien raġonevoli; u fil-premessa (68) li l-prezz tal-importazzjoni tal-karbonju attivat fil-Kolombja kien affidabbli. Għalhekk, l-asserzjoni ta’ Huaheng Group li, fil-Kolombja, il-fatturi tal-produzzjoni affettwati mill-importazzjonijiet Ċiniżi affettwaw sehem akbar mill-kost tal-produzzjoni hija bbażata fuq għadd ta’ premessi żbaljati. Barra minn hekk, meta l-Kummissjoni kkonkludiet li l-Indoneżja kienet aktar affettwata mill-Kolombja f’termini tas-sehem mill-importazzjonijiet Ċiniżi, hija ma qisitx il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni tal-qamħirrum fl-Indoneżja. Kieku kkunsidrat il-projbizzjoni fuq l-importazzjoni tal-qamħirrum fl-Indoneżja, kif ukoll ir-restrizzjonijiet tas-suq fuq il-faħam, il-Kummissjoni xorta waħda kienet tikkonkludi li l-Indoneżja ma setgħetx titqies bħala pajjiż rappreżentattiv xieraq. Għalhekk l-asserzjoni ta’ Huaheng Group ġiet miċħuda.
(79) Barra minn hekk, Huaheng Group asserixxa li l-Kummissjoni ma indirizzatx il-kummenti tiegħu wara d-divulgazzjoni proviżorja dwar l-importazzjonijiet tal-monoidrat tal-glukożju u tat-trab SOD, tal-aċidu fosforiku, tas-soda kawstika u tal-karbonju attivat fl-Indoneżja, meta mqabbla mal-importazzjonijiet ta’ dawn il-fatturi ta’ produzzjoni fil-Malażja u fil-Kolombja.
(80) Kif stabbilit fil-premessa (53), Huaheng Group, fil-kummenti tiegħu wara d-divulgazzjoni proviżorja, sempliċement tenna l-kummenti tiegħu li diġà kien ta wara t-Tieni Nota. Il-Kummissjoni ġabret dawn il-kummenti fil-qosor fil-premessa (184) tar-Regolament proviżorju u indirizzathom fil-premessi (185) sa (188) ta’ dak ir-Regolament. Wara d-divulgazzjoni proviżorja, Huaheng Group iffoka fuq tqabbil tal-Indoneżja mal-Kolombja u mal-Malażja, u talab lill-Kummissjoni tindirizza dan it-tqabbil. Madankollu, il-Kummissjoni diġà rribattiet il-fehma ta’ Huaheng Group li (i) il-monoidrat tal-glukożju u t-trab SOD, (ii) l-aċidu fosforiku, (iii) is-soda kawstika u (iv) il-karbonju attivat kellhom rilevanza limitata fil-kost tal-produzzjoni fil-premessa (186) tar-Regolament proviżorju, u dan juri li s-sehem tal-importazzjonijiet miċ-Ċina ta’ dawn il-fatturi fil-Malażja u fil-Kolombja kien aktar baxx mis-sehem ta’ dawn l-importazzjonijiet fl-Indoneżja.
(81) Fi kwalunkwe każ, meta qabblet speċifikament is-sehem tal-importazzjonijiet miċ-Ċina ta’ dawn il-fatturi fl-Indoneżja mas-sehem tal-importazzjonijiet miċ-Ċina tal-istess fatturi fil-Malażja u fil-Kolombja, il-Kummissjoni kkonkludiet dan li ġej: Huaheng Group irrikonoxxa li s-sehem tal-importazzjonijiet miċ-Ċina tal-karbonju attivat fl-Indoneżja (45,11 %) kien ogħla mis-sehem tal-importazzjonijiet miċ-Ċina fil-Kolombja (39,59 %). Barra minn hekk, il-Kummissjoni indirizzat ir-rappreżentattività tal-parametru referenzjarju tal-karbonju attivat fil-premessa (68). Fir-rigward tal-monoidrat tal-glukożju u tat-trab SOD, il-fatt li l-Indoneżja, il-Malażja u l-Kolombja kollha kienu affettwati mill-importazzjonijiet miċ-Ċina ma jiċħadx il-fatt li l-Kolombja kienet l-inqas affettwata f’termini tas-sehem tal-importazzjonijiet miċ-Ċina, b’sehem ta’ 36,38 %, meta mqabbel ma’ 80,55 % fil-Malażja u 83,46 % fl-Indoneżja. Fuq l-istess linja, il-fatt li l-prezz tal-importazzjonijiet tal-aċidu fosforiku fl-Indoneżja kien allinjat mal-prezz tal-importazzjonijiet fil-Malażja u fil-Kolombja ma jiċħadx il-fatt li l-prezz tal-importazzjonijiet tal-Indoneżja kien l-aktar baxx fost it-tliet pajjiżi u li s-sehem tal-importazzjonijiet miċ-Ċina ta’ 82,36 % fl-Indoneżja kien ogħla milli fil-Kolombja, fejn l-importazzjonijiet miċ-Ċina kienu jirrappreżentaw 65,30 % biss, u fil-Malażja, li lanqas biss tqieset li kienet affettwata mill-importazzjonijiet miċ-Ċina. Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-soda kawstika, minkejja l-fatt li l-prezz tal-importazzjoni fl-Indoneżja kien l-ogħla, dan kien ukoll allinjat mal-prezz tal-importazzjonijiet miċ-Ċina fil-Malażja. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ebda wieħed mill-elementi mressqa minn Huaheng Group ma kien suxxettibbli li jreġġa’ lura s-sejbiet tagħha u ċaħdet il-kummenti.
(82) Fl-aħħar nett, Huaheng Group asserixxa li, billi jipprovdi lill-Kummissjoni bi tqabbil tal-prezzijiet tal-importazzjoni tal-qamħirrum fl-Indoneżja, fil-Malażja u fil-Kolombja, huwa jkun irribatta s-sejba tal-Kummissjoni li l-volum baxx ta’ importazzjoni tal-qamħirrum fl-Indoneżja jista’ jkun dovut għall-projbizzjoni fuq l-importazzjoni tal-qamħirrum. Huaheng Group sostna wkoll li l-Kummissjoni qieset il-prezzijiet tal-importazzjoni bħala irrilevanti u li kienet ibbażat il-konklużjonijiet tagħha fuq il-volumi tal-importazzjoni biss. Fl-aħħar nett, Huaheng Group asserixxa li l-Indoneżja kellha prezz tal-importazzjoni rappreżentattiv mingħajr distorsjoni għall-qamħirrum, minkejja l-eżistenza tal-projbizzjoni fuq l-importazzjoni.
(83) Il-Kummissjoni ma qablitx mal-interpretazzjoni ta’ Huaheng Group li l-Kummissjoni qieset biss il-volumi tal-importazzjoni. Fil-premessa (56), il-Kummissjoni sempliċiment indirizzat kumment ta’ Huaheng Group. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-informazzjoni pprovduta mill-kumpanija ma wrietx li d-distorsjonijiet tas-suq ma kinux affettwaw il-prezz tal-qamħirrum fl-Indoneżja. Is-sempliċi fatt li l-prezzijiet tal-qamħirrum huma allinjati mat-tliet pajjiżi (l-Indoneżja, il-Malażja u l-Kolombja) matul il-perjodu ta’ investigazzjoni bħala tali ma jurix li l-prezz tal-importazzjoni tal-qamħirrum fl-Indoneżja ma kienx affettwat mill-projbizzjoni fuq l-importazzjoni. Fi kwalunkwe każ, l-Indoneżja ma twarrbitx bħala pajjiż rappreżentattiv biss abbażi tal-projbizzjoni fuq l-importazzjoni tal-qamħirrum, iżda wkoll minħabba s-sehem tal-importazzjonijiet miċ-Ċina għal erba’ fatturi ta’ produzzjoni u d-distorsjonijiet tas-suq fuq il-faħam. Għalhekk, din l-asserzjoni ġiet miċħuda.
Il-Malażja
(84) Huaheng Group asserixxa li l-Kummissjoni ma indirizzatx l-asserzjoni tiegħu wara d-divulgazzjoni proviżorja li r-rapport annwali tal-2024 ta’ Ajinomoto Malaysia ma kienx se juri waqfien b’mod ċar tal-produzzjoni tal-MSG iżda pjuttost jindika rilokazzjoni jew twaqqif gradwali ta’ ċerti proċessi, b’tali mod li d-data finanzjarja tagħha xorta setgħet tintuża bħala parametru referenzjarju affidabbli. Huaheng Group kompla jargumenta li l-konferma mogħtija mill-awtoritajiet Malażjani f’investigazzjoni oħra, li Ajinoriki Malaysia kienet l-uniku produttur tal-MSG fil-pajjiż kif stabbilit fil-premessa (60), kienet limitata għall-produtturi magħrufa mill-awtoritajiet Malażjani, u mhux għall-produtturi kollha fil-pajjiż. Skont Huaheng Group, dawn l-elementi meħuda flimkien ma stabbilewx li l-produzzjoni tal-MSG kienet waqfet kompletament fil-Malażja u huwa asserixxa li għalhekk, il-Kummissjoni xorta setgħet użat id-data finanzjarja ta’ Ajinomoto Malaysia tal-2024.
(85) B’kuntrast għal dak li ġie ddikjarat minn Huaheng Group, il-Kummissjoni qieset l-asserzjonijiet li saru. Għalhekk, kif stabbilit fil-premessa (60), il-konferma riċevuta mill-awtoritajiet Malażjani kkonfermat il-konklużjoni tal-Kummissjoni li d-data finanzjarja ta’ Ajinomoto Malaysia ma setgħetx tintuża. Il-fatt li l-konferma li waslet mill-awtoritajiet Malażjani setgħet għamlet referenza biss għall-produtturi magħrufa, u mhux għall-produtturi kollha, ma kienx ta’ natura li jqajjem dubji dwar din il-konklużjoni, peress li l-Kummissjoni qieset li l-awtoritajiet ta’ pajjiż huma raġonevolment infurmati dwar il-produtturi f’tali pajjiż. Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li l-allegata ambigwità identifikata minn Huaheng Group fir-rapport annwali tal-2024 ta’ Ajinomoto Malaysia ma setgħetx tappoġġa l-konklużjoni ta’ Huaheng Group li l-produzzjoni tal-MSG kompliet fil-Malażja, b’mod partikolari meta wieħed iqis li ġew ipprovduti elementi kuntrarji mill-awtoritajiet Malażjani u l-informazzjoni fin-Notifika tal-Bidu ta’ Investigazzjoni u Miżuri Interim – Każ Konsolidat 7950 tal-EAPA maħruġ mill-Awtoritajiet tad-Dwana u tal-Protezzjoni tal-Fruntieri tal-Istati Uniti, kif magħmul disponibbli għall-Kummissjoni minn partijiet interessati oħra fil-kummenti għat-Tieni Nota u kif imsemmi fil-premessa (189) tar-Regolament proviżorju. Għalhekk, id-data finanzjarja ta’ Ajinomoto Malaysia ma setgħetx tintuża, u l-Kummissjoni ċaħdet din l-asserzjoni.
(86) Huaheng Group kompla jasserixxi li l-asserzjoni tiegħu wara d-divulgazzjoni proviżorja li l-Kummissjoni ma għandhiex tikkwalifika l-kostijiet SG & A u l-profitt ta’ Ajinomoto Malaysia bħala mhux raġonevoli, peress li dawn kienu jirriflettu d-data tal-2024 filwaqt li ċ-ċifri Kolombjani kienu jirrelataw mal-2023, ma kinitx ġiet indirizzata.
(87) Madankollu, fil-premessa (199) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni rrifjutat l-użu tad-data finanzjarja ta’ Ajinomoto Malaysia bħala parametru referenzjarju għal ammonti raġonevoli għall-kostijiet SG & A u għall-profitt abbażi tal-fatt li Ajinomoto Malaysia waqfet tipproduċi l-MSG fil-Malażja, u mhux minħabba li l-kostijiet SG & A u l-profitt ta’ Ajinomoto Malaysa bħala tali ma kinux raġonevoli. Tabilħaqq, l-ammonti raġonevoli għall-kostijiet SG & A u għall-profitt kienu jirreferu għall-istandard tal-parametru referenzjarju, mhux għal kwalifika tad-data finanzjarja ta’ Ajinomoto Malaysia bħala tali. Għalhekk, din l-asserzjoni ġiet miċħuda.
(88) Fir-rigward tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni stabbiliti fil-premessa (200) tar-Regolament proviżorju, u fil-premessa (61) relatata mal-involviment ta’ Ajinoriki Malaysia fi prattiki ta’ ċirkomvenzjoni, Huaheng Group asserixxa li l-esportazzjonijiet tan-negozjant relatat ta’ Ajinoriki Malaysia lejn il-Malażja kienu għadhom limitati ħafna f’termini assoluti fl-2021, tant li kien dubjuż jekk dan setax jammonta għal bidla fix-xejra tal-kummerċ, li hija waħda mill-kundizzjonijiet biex l-esportazzjonijiet jikkwalifikaw bħala ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping. Huaheng Group żied li barra minn hekk, bidla fix-xejra tal-kummerċ kienet biss waħda minn erba’ kundizzjonijiet kumulattivi biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ċirkomvenzjoni f’konformità mar-Regolament bażiku u li d-data meħtieġa biex tiġi vvalutata l-evidenza ta’ dumping, li hija waħda minn dawk il-kundizzjonijiet, inġabret biss għall-perjodu ta’ rapportar tal-investigazzjoni kontra ċ-ċirkomvenzjoni msemmi fil-premessa (61), jiġifieri l-1 ta’ Lulju 2023-30 ta’ Ġunju 2024. Għalhekk, id-data finanzjarja tal-2022 ta’ Ajinoriki Malaysia xorta setgħet tintuża.
(89) Fil-premessa (200) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni rrifjutat id-data finanzjarja ta’ Ajinoriki Malaysia għall-2022 minħabba li din kienet derivata wkoll mit-trażbord tal-MSG Ċiniż mill-Malażja, u mhux biss minn produzzjoni ġenwina. Fuq l-istess linji, fil-premessa (62), il-Kummissjoni rreferiet għall-bidla fix-xejra tal-kummerċ. Għalhekk, anke jekk l-erba’ kundizzjonijiet kumulattivi biex tiġi stabbilita ċ-ċirkomvenzjoni ma kinux stabbiliti għall-2021, it-trażbord affettwa d-data finanzjarja tal-2022 ta’ Ajinoriki Malaysia, b’tali mod li l-Kummissjoni ma setgħetx tqisha affidabbli. Għalhekk, din l-asserzjoni ġiet miċħuda.
(90) Fl-aħħar nett, Huaheng Group asserixxa li l-istandard għad-determinazzjoni ta’ marġni ta’ profitt rappreżentattiv skont l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku u skont l-Artikoli 2(9) u 2(10) tar-Regolament bażiku ma għandux ikun l-istess u li għalhekk il-Kummissjoni għandha tibbaża fuq id-data finanzjarja tal-2022 ta’ Ajinoriki Malaysia peress li bbażat fuq data saħansitra aktar skaduta meta aġġustat il-prezz tal-esportazzjoni skont l-Artikoli 2(9) u 2(10) tar-Regolament bażiku.
(91) Il-Kummissjoni nnotat li, għall-Kolombja, kien hemm disponibbli data għall-2024 u għall-2023 tal-produttur tal-aċidu ċitriku Sucroal u Huaheng Group ma spjegax għaliex il-Kummissjoni għandha tibbaża fuq id-data finanzjarja tal-2022 ta’ Ajinoriki Malaysia, meta kien hemm disponibbli data finanzjarja aktar riċenti fil-Kolombja. Din il-konklużjoni hija sostnuta wkoll mill-fatt li l-Kummissjoni diġà stabbiliet li d-data tal-2022 ta’ Ajinoriki Malaysia kienet affettwata mill-operazzjonijiet ta’ trażbord tan-negozjant relatat tagħha, kif spjegat fil-premessi (62) u (89). Hija u tqis dawn l-elementi, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża fuq id-data finanzjarja tal-2022 ta’ Ajinoriki Malaysia. Għalhekk, din l-asserzjoni ġiet miċħuda. Tqabbil mad-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(9) u 2(10) tar-Regolament bażiku ma huwiex xieraq f’dan il-kuntest minħabba li d-determinazzjoni ta’ marġni ta’ profitt raġonevoli skont dawn id-dispożizzjonijiet issegwi kunsiderazzjonijiet differenti.
Il-Kolombja
(92) Wara d-divulgazzjoni finali, Huaheng Group sostna li, peress li l-Kummissjoni kienet għażlet lill-Kolombja bħala pajjiż rappreżentattiv mingħajr ma aġġustat għall-prezzijiet allegatament għoljin b’mod artifiċjali tiegħu tal-lamtu tal-qamħirrum, il-livelli tad-dazju li jirriżultaw kienu f’kunflitt mar-realtà ekonomika. Għalhekk, Huaheng Group asserixxa li għalkemm uża proċess ta’ produzzjoni li jirriżulta f’kostijiet aktar baxxi minn dak użat mis-CJS, id-dazju anti-dumping ikkalkulat għal Huaheng Group kien aktar minn 20 % ogħla minn dak għas-CJS.
(93) Il-Kummissjoni nnotat li r-riżultat tad-dazji anti-dumping kien ġej esklużivament mill-użu tal-metodoloġija pprovduta mir-Regolament bażiku kif indikata fil-premessa (44). Kif ġie deskritt fil-premessa (113), il-Kummissjoni issostitwiet il-kostijiet distorti fiċ-Ċina għal kull fattur tal-produzzjoni bil-parametri referenzjarji korrispondenti fil-pajjiż rappreżentattiv xieraq. Barra minn hekk, il-Kummissjoni spjegat fil-premessi (66), (97), (98) u (99) għaliex ikkunsidrat il-parametru referenzjarju għal-lamtu tal-qamħirrum fil-Kolombja bħala raġonevoli. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-asserzjoni.
(94) Wara d-divulgazzjoni finali, Huaheng Group ma qabilx mas-sejba tal-Kummissjoni fil-premessa (66) li l-prezz tal-lamtu tal-qamħirrum fil-Kolombja kien raġonevoli u saħaq li s-sejba kienet f’tensjoni mal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku u ma kinitx konformi mal-prattika tal-passat tal-Kummissjoni, kif spjegat f’aktar dettall hawn taħt.
(95) L-ewwel nett, Huaheng Group sostna li, minħabba l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi jekk prezz tal-importazzjoni huwiex raġonevoli billi tqabblu ma’ pajjiżi li għandhom livell simili ta’ żvilupp ekonomiku bħaċ-Ċina u mhux ma’ pajjiżi li għandhom livell differenti ta’ żvilupp ekonomiku. Huaheng Group asserixxa li dan kien l-approċċ segwit mill-Kummissjoni meta imponiet miżuri proviżorji fuq l-importazzjonijiet ta’ diossidi tal-manganiż elettrolitiċi li joriġinaw miċ-Ċina (ir-Regolament proviżorju dwar id-diossidi tal-manganiż elettrolitiċi (EMD, electrolytic manganese dioxides). Huaheng Group żied li l-prezz tal-importazzjoni tal-lamtu tal-qamħirrum fil-Kolombja kien bejn 31 % u 33 % ogħla mill-medja tal-prezz tal-importazzjoni f’pajjiżi bl-istess livell ta’ żvilupp ekonomiku bħaċ-Ċina, skont il-metodu ta’ tqabbil użat.
(96) It-tieni, fir-rigward tal-importazzjonijiet tal-lamtu tal-qamħirrum fil-Kolombja, Huaheng Group issottometta data biex jasserixxi li l-erba’ kumpaniji b’Ingredion f’isimhom kienu kollha parti mill-Ingredion Group u kkontesta s-sejba tal-Kummissjoni li l-prezzijiet ma kinux affettwati minn politiki interni tal-ipprezzar tal-Ingredion Group. Huaheng Group sostna li l-prezzijiet tal-importazzjoni minn Ingredion Colombia minn Ingredion Mexico u minn Ingredion Peru ppreżentaw biss varjazzjonijiet żgħar, li indikaw li ma kinux prezzijiet ta’ distakkament. Huaheng Group sostna wkoll li għalkemm il-prezzijiet tal-importazzjoni minn Ingredion Brazil varjaw aktar, dan seta’ jiġi spjegat mis-siti ta’ produzzjoni differenti operati minn Ingredion Brazil. Huaheng Group asserixxa wkoll li l-attivitajiet differenti mwettqa minn Ingredion Colombia (nutrizzjoni tal-annimali, ikel, eċċ.) jistgħu jispjegaw ukoll id-differenzi fil-prezzijiet tal-importazzjoni minn Ingredion Colombia. Huaheng Group issottometta wkoll li l-prezzijiet medji tal-importazzjoni minn Ingredion Colombia kienu kważi 80 % ogħla milli kienu għal importazzjonijiet oħra tal-lamtu tal-qamħirrum fil-Kolombja u li anke l-importazzjonijiet bl-aktar prezz baxx minn Ingredion Colombia kienu 10–25 % ogħla mill-medja għal importazzjonijiet oħra fil-Kolombja. Fl-aħħar nett, Huaheng Group asserixxa li importazzjonijiet oħra fil-Kolombja kellhom prezzijiet simili bħal Ingredion Colombia biss għal tranżazzjonijiet li jinvolvu volumi baxxi ħafna.
(97) Kif spjegat fil-premessi (98) u (99), il-Kummissjoni ma qablitx ma’ Huaheng Group li l-prezz tal-importazzjoni tal-lamtu tal-qamħirrum fil-Kolombja ma kienx raġonevoli u li s-sejba ma kinitx konformi mal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku jew kienet f’kunflitt mal-prattika f’każijiet tal-passat tal-Kummissjoni.
(98) Fir-rigward tal-ewwel asserzjoni, il-Kummissjoni qieset li l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku jelenka s-sorsi li l-Kummissjoni tista’ tuża biex tissostitwixxi l-prezzijiet u l-kostijiet distorti filwaqt li ma tipprovdix gwida dwar kif il-Kummissjoni tista’ tistabbilixxi jekk parametru referenzjarju speċifiku huwiex għoli b’mod anormali jew le. Sabiex tistabbilixxi jekk il-prezz tal-importazzjoni tal-lamtu tal-qamħirrum fil-Kolombja kienx għoli b’mod anormali, il-Kummissjoni qabblitu ma’ pajjiżi fid-dinja b’volumi ogħla ta’ importazzjoni ta’ lamtu tal-qamħirrum mill-Kolombja irrispettivament mil-livell ta’ żvilupp ekonomiku tagħhom. Kif ġie indikat fil-premessa (66), il-Kummissjoni sabet li kien hemm diversi pajjiżi b’volumi kbar ta’ importazzjoni li kellhom prezzijiet tal-importazzjoni ogħla minn dawk fil-Kolombja. Anke li kieku l-Kummissjoni kellha taċċetta l-asserzjoni proposta minn Huaheng Group li tillimita t-tqabbil ma’ pajjiżi fl-istess livell ta’ żvilupp ekonomiku bħaċ-Ċina, il-Kummissjoni ma qisitx li prezz li huwa 31–33 % ogħla jinstab li huwa anormalment għoli. Huaheng Group irrefera għar-Regolament proviżorju dwar l-EMD, kif tfakkar fil-premessa (95). Minkejja l-fatt li kull każ huwa uniku u jiġi analizzat skont il-merti tiegħu, il-Kummissjoni eżaminat ir-referenza ta’ Huaheng Group u sabet li l-prezzijiet tqiesu bħala għoljin b’mod anormali f’dak il-każ meta kienu 102 %, 1115 %, 1233 % u 2608 % ogħla mill-prezz medju tal-importazzjoni fil-pajjiżi kollha fil-livell ta’ żvilupp ekonomiku simili għaċ-Ċina. Fir-Regolament proviżorju dwar l-EMD, fattur wieħed tal-produzzjoni li l-prezz tiegħu kien 29 % ogħla ġie sostitwit ukoll minħabba li l-volum tal-importazzjoni tiegħu kien 0,00006 % tal-importazzjonijiet lejn il-pajjiżi kollha fil-livell ta’ żvilupp ekonomiku simili għaċ-Ċina u kien ikkunsidrat f’dik l-investigazzjoni bħala estremament baxx. Il-Kummissjoni nnotat li f’din l-investigazzjoni, il-volum tal-importazzjoni tal-lamtu tal-qamħirrum fil-Kolombja, li kien jammonta għal aktar minn 644000 tunnellata, kien jirrappreżenta 0,8 % tal-importazzjonijiet lejn il-pajjiżi eliġibbli kollha fl-istess livell ta’ żvilupp bħaċ-Ċina. Il-Kolombja kienet ukoll l-għaxar l-akbar importatur tal-lamtu tal-qamħirrum mill-41 pajjiż eliġibbli minn dak il-grupp. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjoni.
(99) Fir-rigward tat-tieni asserzjoni, il-Kummissjoni fakkret li, kif ġie spjegat fil-premessa (66), Huaheng Group ma kienx issottometta evidenza li tappoġġa li l-entitajiet Ingredion kienu relatati u li kien qed iseħħ ipprezzar ta’ trasferiment. L-aspett tal-asserzjoni relatat mal-varjazzjonijiet fil-prezzijiet tal-importazzjoni minn Ingredion Colombia nstab li ma kienx sostanzjat. Il-parti tal-asserzjoni relatata mal-attivitajiet differenti mwettqa minn Ingredion Colombia wkoll ma kinitx issostanzjata. Għalhekk, il-Kummissjoni sabet li, anke jekk il-kumpaniji ta’ Ingredion kienu relatati, l-asserzjonijiet u d-data ta’ sostenn ipprovduti minn Huaheng Group kienu spekulattivi u ma kinux jikkostitwixxu evidenza għall-varjazzjonijiet fil-prezzijiet tal-importazzjoni osservati. Fir-rigward tal-paraguni addizzjonali pprovduti minn Huaheng Group fil-livell tat-tranżazzjonijiet tal-importazzjoni fil-Kolombja, il-Kummissjoni ma sabet l-ebda differenza anormali u nnotat li l-Huaheng Group ma ssottomettiex evidenza biex jispjegahom. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjoni.
(100) Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra dwar il-pajjiż rappreżentattiv, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha fil-premessi minn (140) sa (208) tar-Regolament proviżorju.
Sorsi użati biex jiġu stabbiliti l-kostijiet u l-parametri referenzjarji
(101) Id-dettalji tal-kalkolu tal-valur normali ġew stabbiliti fil-premessi (41) sa (261) tar-Regolament proviżorju.
(102) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, l-ilmentatur indika li l-valuri mingħajr distorsjoni tal-parametri referenzjarji għall-materja prima rrapportati fit-Tabella 1 tar-Regolament proviżorju ma kinux jikkorrispondu għall-valuri indikati fl-anness tad-divulgazzjoni minn qabel mal-parametri referenzjarji.
(103) Tabella 1 Fatturi ta’ produzzjoni tal-valina
Il-Kummissjoni kkonfermat li l-valuri użati fil-kalkolu kienu tabilħaqq dawk irrapportati fl-anness bil-parametri referenzjarji għall-materja prima, li ġew żvelati minn qabel lill-partijiet, bl-eċċezzjoni tal-qamħirrum u l-lamtu tal-qamħirrum, li magħhom żdied l-aġġustament deskritt fil-premessa (224) tar-Regolament proviżorju. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, il-Kummissjoni pprovdiet verżjoni aġġornata u kkoreġuta tat-Tabella 1. Fattur ta’ Produzzjoni Kodiċi tal-Oġġett Sors tad-data Valur mingħajr distorsjoni Unità ta’ kejl Materja prima Qamħirrum 10059011 GTA 1,81 CNY/kg Lamtu tal-qamħirrum 110812 GTA 5,75 CNY/kg Monoidrat tal-glukożju u trab sood/trab/r-temp/c 170230 GTA 5,84 CNY/kg Aċidu fosforiku 280920 GTA 8,33 CNY/kg Likwidu tal-ammonijaka 281410 GTA 3,77 CNY/kg Soda kawstika (naoh30 %)/likwidu/r-temp/cn 281512 GTA 1,77 CNY/kg Aċidu aċetiku/C2H4O2/likwidu/r-temp/cn 291521 GTA 6,22 CNY/kg Karbonju attivat 380210 GTA 22,46 CNY/kg Manodopera Manodopera Mhux applikabbli ILO 20,44 CNY/siegħa Enerġija Faħam 2701120010, 2701120090 GTA 0,64 CNY/kg Elettriku Mhux applikabbli Ir-rati tal-fornitur Kolombjan Enel Colombia 1,46 CNY/kWh Ilma Mhux applikabbli Ir-rati tal-fornitur Kolombjan Acueducto 8,47 CNY/m3 Prodotti sekondarji Nibbieta tal-qamħirrum 110430 GTA Pro rata CNY/kg Trab tal-proteina 230990 GTA Pro rata CNY/kg Qxur tal-qamħirrum 40 kg, Għalf tal-glutina tal-qamħirrum, trab tal-proteina tal-qamħirrum u glikoproteina 230210 GTA Pro rata CNY/kg Grixa tas-sufara tal-qamħirrum 40 kg, cn_sy csl(bejgħ), cn_sy glutina tal-qamħirrum 40 kg, ħliefa tal-qamħirrum u ġulepp tal-qamħirrum/ħalib 230310 GTA Pro rata CNY/kg
Materja prima
(104) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, Huaheng Group sostna li l-Kummissjoni ma kinitx qieset ir-realtà ekonomika meta ddeċidiet jekk tużax il-qamħirrum jew il-lamtu tal-qamħirrum bħala fattur rilevanti tal-produzzjoni għall-kalkolu tal-kost tal-produzzjoni tiegħu. Huaheng Group żied li l-għażla tal-Kummissjoni kienet iddiskriminat kontra Huaheng Group meta mqabbel mal-produttur esportatur l-ieħor inkluż fil-kampjun.
(105) Il-Kummissjoni nnotat li hija użat bħala fatturi ta’ produzzjoni dawk l-inputs kollha li kienu nxtraw għall-produzzjoni tal-valina u għalhekk ħadet inkunsiderazzjoni r-realtà ekonomika. Il-Kummissjoni użat l-istess approċċ għall-produttur esportatur l-ieħor inkluż fil-kampjun u għalhekk ma ddiskriminatx bejn il-produtturi. Il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjoni.
(106) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, Huaheng Group sostna li l-lamtu tal-qamħirrum ma kellux ikun soġġett għal aġġustament għal-lamtu tal-qamħirrum ġenetikament modifikat (OĠM) peress li kważi ma kien hemm l-ebda importazzjoni mill-Istati Uniti, fejn ir-rata ta’ adozzjoni tal-prodotti OĠM hija għolja. Huaheng Group argumenta li l-livell għoli tal-prezz tal-lamtu tal-qamħirrum fil-Kolombja ssuġġerixxa li dawn l-importazzjonijiet kienu mhux OĠM, li, kif stabbilit fil-premessa (224) tar-Regolament proviżorju, jiswa aktar mil-lamtu tal-qamħirrum OĠM.
(107) Il-Kummissjoni qablet li l-volum tal-importazzjonijiet tal-lamtu tal-qamħirrum mill-Istati Uniti lejn il-Kolombja kien baxx. Madankollu, il-Kummissjoni ma qablitx li l-livell tal-prezz tal-lamtu tal-qamħirrum fil-Kolombja ssuġġerixxa li l-importazzjonijiet ma kinux OĠM. Fil-fatt, l-investigazzjoni wriet li l-qamħirrum imkabbar fit-tliet pajjiżi minn fejn il-Kolombja akkwistat il-biċċa l-kbira tal-lamtu tal-qamħirrum (sa 89 %) kien fil-biċċa l-kbira OĠM: 90 % fil-Brażil, 99 % fl-Arġentina u 80 % fil-Paragwaj. Għalhekk, il-Kummissjoni żammet l-aġġustament u ċaħdet l-asserzjoni.
(108) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, l-ilmentatur talab konferma li l-parametru referenzjarju għall-qamħirrum kien jinkludi l-kostijiet tat-trasport ta’ wara l-importazzjoni.
(109) Il-Kummissjoni spjegat fil-premessi (220), (222) u (230) tar-Regolament proviżorju li żiedet il-kostijiet tat-trasport intern mal-parametri referenzjarji mingħajr distorsjoni għall-materja prima.
(110) L-ilmentatur talab ukoll lill-Kummissjoni tiċċara d-differenza bejn il-parametru referenzjarju għall-qamħirrum irrapportat fit-Tabella 1, inkluż il-premium mhux OĠM, u l-parametru referenzjarju għall-qamħirrum irrapportat fl-anness rilevanti għad-divulgazzjoni minn qabel.
(111) Kif indikat fil-premessa (103), il-Kummissjoni kkoreġiet il-valur irrapportat fit-Tabella 1. Barra minn hekk, kif huwa spjegat fil-premessa (224) tar-Regolament proviżorju, il-premium mhux OĠM huwa żieda ta’ 5,7 % mal-parametru referenzjarju tal-valur tal-parametru referenzjarju rrapportat fl-anness rilevanti għad-divulgazzjoni minn qabel. Il-valur mingħajr distorsjoni li jirriżulta huwa rrapportat fit-Tabella 1.
(112) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, CJS ikkontestat li l-Kummissjoni żiedet mal-prezz tal-importazzjoni tal-fatturi ta’ produzzjoni fil-Kolombja l-proporzjon tal-kost tat-trasport fuq il-valur tax-xiri tal-inputs irrapportati minn CJS, aktar milli l-kost reali tat-trasport irrapportat minn CJS, filwaqt li sostniet li, għalhekk, il-Kummissjoni injorat il-kost reali tat-trasport tagħha mingħajr ġustifikazzjoni xierqa. B’mod partikolari, CJS allegat li l-Kummissjoni ma wrietx li l-kostijiet tat-trasport tagħha kienu distorti u li naqqset il-kostijiet reali tal-immaniġjar, tat-tagħbija u tat-trasport domestiku mill-prezz tal-esportazzjoni, mingħajr ma ssostitwiethom b’parametru referenzjarju u, b’hekk, qieset dawk il-kostijiet bħala affidabbli.
(113) Meta applikat l-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni ddeterminat li ma huwiex xieraq li jintużaw prezzijiet u kostijiet domestiċi Ċiniżi minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinifikanti fiċ-Ċina. Għalhekk, il-Kummissjoni ħadmet il-valur normali esklużivament fuq il-bażi tal-kostijiet tal-produzzjoni u tal-bejgħ li jirriflettu prezzijiet jew valuri referenzjarji mingħajr distorsjoni. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni rrikorriet għall-prezz tal-importazzjoni tal-fatturi ta’ produzzjoni fil-Kolombja bħala parametru referenzjarju biex tissostitwixxi l-prezz tal-istess fatturi ta’ produzzjoni għaċ-Ċina. F’konformità mal-prattika komuni tagħha, il-Kummissjoni rrikorriet għall-proporzjon tal-kost tat-trasport fuq il-valur attwali tax-xiri tal-inputs irrapportati mill-produtturi esportaturi Ċiniżi bħala stima għall-kostijiet tat-trasport fil-Kolombja. Matul l-investigazzjoni, CJS ma stabbilietx b’mod pożittiv li l-kostijiet tat-trasport tagħha ma kinux distorti. B’konsegwenza ta’ dan, l-istima tal-kost tat-trasport fil-Kolombja bbażata fuq il-proporzjon ta’ tali kost fuq il-valur attwali tax-xiri tal-importazzjonijiet kif irrapportat mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, tqieset li hija akkurata. Għalhekk, din l-asserzjoni ġiet miċħuda.
Prodotti sekondarji
(114) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, CJS ressqet asserzjoni dwar ir-referenza użata mill-Kummissjoni biex tikkalkula l-parametru referenzjarju għall-prodotti sekondarji. Fil-verżjoni kunfidenzjali tas-sottomissjoni tagħha, CJS elaborat din l-asserzjoni f’aktar dettall.
(115) Il-Kummissjoni ċaħdet din l-asserzjoni. Aktar dettalji rigward il-valutazzjoni tal-Kummissjoni ngħataw lil CJS fid-divulgazzjoni speċifika tagħha peress li din kienet tinkludi informazzjoni kunfidenzjali.
(116) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, l-ilmentatur sostna li t-trasformazzjoni tal-lamtu tal-qamħirrum fi glukożju ma ġġeneratx trab tal-proteina bħala prodott sekondarju, peress li l-parti tal-proteina tal-qamħirrum kienet diġà tneħħiet fl-istadji preċedenti tal-proċess tat-tħin fin-niexef. Barra minn hekk, skont l-ilmentatur, il-prodotti sekondarji rikki fil-proteini kellhom it-tendenza li jkollhom valur differenti mill-proteini li fihom prinċipalment il-karboidrati.
(117) Matul iż-żjara ta’ verifika fuq il-post, il-Kummissjoni kkonfermat li meta jintużaw ċerti materjali ta’ input għall-produzzjoni tal-valina, it-trab tal-proteina kien prodott sekondarju. Fir-rigward tal-valur tat-trab tal-proteina, il-Kummissjoni fakkret li l-metodoloġija użata biex jiġu vvalutati l-prodotti sekondarji, deskritta fil-premessa (246) tar-Regolament proviżorju, ma qisitx il-prezz li bih ġew innegozjati tali prodotti sekondarji. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-ilmentatur ma kkjarifikax aktar kif jenħtieġ li jiġi stabbilit il-valur tat-trab tal-proteina. Għalhekk, din l-asserzjoni ġiet miċħuda.
(118) Barra minn hekk, l-ilmentatur staqsa jekk il-bażi għall-proporzjon tal-prodotti sekondarji kkalkulat mill-Kummissjoni għandhiex tkun differenti. Madankollu, l-ilmentatur ma spjegax aktar din l-asserzjoni u liema bażi għall-proporzjon bejn il-prezz tal-prodotti sekondarji fiċ-Ċina u l-prezz tal-materjal ewlieni tal-input fiċ-Ċina kien jenħtieġ li tintuża minflok. Għalhekk, din l-asserzjoni ġiet miċħuda.
Kummenti wara d-divulgazzjoni finali
(119) Huaheng Group sostna li l-Kummissjoni ma kinitx indirizzat wieħed mill-kummenti tagħha wara d-divulgazzjoni proviżorja. B’mod partikolari, Huaheng Group asserixxa li l-approċċ tal-Kummissjoni li tuża bħala fattur tal-produzzjoni l-lamtu tal-qamħirrum minflok il-qamħirrum kien f’kunflitt mar-rekwiżit fl-Artikolu 2(6a)(a) tar-Regolament bażiku li l-valur normali jinħadem fil-livell tal-parti investigata, jiġifieri, Huaheng Group u mhux BHB.
(120) Il-Kummissjoni ma qablitx li ma kinitx indirizzat l-asserzjoni. Il-Kummissjoni ġabret din l-asserzjoni fil-qosor fil-premessa (104) u indirizzatha fil-premessa (105) abbażi tal-informazzjoni disponibbli fil-verżjoni mhux sensittiva tal-kummenti sottomessi minn Huaheng Group. Fir-rigward tal-metodu biex jiġi stabbilit il-valur normali maħdum, u kif spjegat fil-premessa (105), il-Kummissjoni qieset bħala fatturi tal-produzzjoni l-inputs kollha li l-produttur esportatur reali BHB kien xtara biex jipproduċi l-valina. Għalkemm it-tweġiba oriġinali ta’ BHB għall-kwestjonarju (qabel l-ittri ta’ insuffiċjenza u l-verifika) kienet tinkludi kemm il-qamħirrum kif ukoll il-lamtu tal-qamħirrum bħala fatturi tal-produzzjoni, il-Kummissjoni sabet li BHB ma kinitx xtrat qamħirrum iżda biss lamtu tal-qamħirrum minn fornituri relatati u mhux relatati. Għalhekk, il-Kummissjoni talbet lil BHB biex tissottometti l-kost tat-tabelli tal-manifattura billi tibda mill-materjali mixtrija tagħhom, inkluż il-lamtu tal-qamħirrum. Dan il-mod ta’ identifikazzjoni tal-fatturi ta’ produzzjoni jikkorrispondi għall-proċess ta’ produzzjoni tal-produttur esportatur li għalih jiġi ddeterminat il-valur normali. Din kienet ukoll l-informazzjoni vverifikata fuq il-post mill-Kummissjoni u li għaliha l-Huaheng Group ma oġġezzjonax li l-Kummissjoni kellha tikkunsidra fattur ta’ produzzjoni differenti. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjoni.
(121) Eurolysine asseriet li l-parametru referenzjarju tal-faħam użat mill-Kummissjoni ma kienx rappreżentattiv minħabba l-istruttura tas-suq tal-faħam Kolombjan. Hija sostniet li l-Kolombja hija fil-biċċa l-kbira esportatur tal-faħam termali f’volumi kbar ħafna, filwaqt li l-importazzjonijiet huma marġinali, limitati għal gradi speċifiċi bħall-faħam metallurġiku u l-kokk, u jammontaw għal sehem negliġibbli tal-produzzjoni domestika. Skont l-Eurolysine, il-volum baxx u l-kwalità eteroġenja ta’ dawn l-importazzjonijiet jagħmlu l-prezzijiet tal-importazzjoni statistikament mhux affidabbli u x’aktarx ippreġudikati ’l isfel. Hija nnotat ukoll li f’investigazzjoni anti-dumping riċenti dwar il-liżina li toriġina miċ-Ċina, konkluża mill-Kummissjoni fil-11 ta’ Lulju 2025 (investigazzjoni tal-liżina), fejn ġew osservati kundizzjonijiet tas-suq simili, il-Kummissjoni applikat parametru referenzjarju globali tal-faħam, u argumentat li l-adozzjoni tal-istess approċċ fl-investigazzjoni preżenti tiżgura l-konsistenza.
(122) Il-Kummissjoni eżaminat l-asserzjoni u nnotat li l-materjali pprovduti kienu jikkonsistu minn sorsi statistiċi ġenerali dwar il-produzzjoni u l-esportazzjonijiet Kolombjani tal-faħam. Filwaqt li dawn jikkonfermaw il-prevalenza tal-esportazzjonijiet tal-faħam termali, ma jipprovdux informazzjoni speċifika għall-prodott dwar it-tipi ta’ faħam importati fil-Kolombja jew evidenza li l-prezzijiet tal-importazzjoni użati fil-parametru referenzjarju ma jkunux rappreżentattivi jew ikunu preġudikati. Għalhekk, l-asserzjoni ma stabbilitx rabta bejn l-istruttura ġenerali tas-suq tal-faħam Kolombjan u l-parametru referenzjarju applikat. Il-Kummissjoni osservat ukoll li r-referenza għall-investigazzjoni tal-liżina kienet tikkonċerna grad differenti ta’ faħam u għalhekk ma kinitx ta’ rilevanza deċiżiva. Għalhekk, l-asserzjoni ġiet miċħuda.
(123) Eurolysine argumentat ulterjorment li l-parametru referenzjarju għall-ilma użat mill-Kummissjoni ma kienx jirrifletti l-kostijiet reali tal-ilma industrijali. Hija asseriet li l-valur li bbażat fuqu deher li jikkorrispondi għad-drenaġġ pjuttost milli għall-provvista tal-ilma, u li tali valur ma kienx jinkludi imposti fissi ta’ abbonament jew il-kostijiet tat-trattament tal-ilma mormi.
(124) Madankollu, din l-asserzjoni kienet ibbażata fuq data għal reġjun differenti minn dak użat fl-investigazzjoni. Kif ġie deskritt fil-premessa (213) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni bbażat fuq informazzjoni mill-fornitur tal-ilma ta’ Bogotà, il-belt kapitali tal-Kolombja, Acueducto S.A., filwaqt li Eurolysine rreferiet għaċ-ċifri ta’ Soacha. Għalhekk, l-asserzjoni ġiet miċħuda.
(125) Eurolysine asseriet ukoll li l-kalkolu tal-Kummissjoni tal-kost tal-elettriku kopra biss il-kostijiet tal-konsum varjabbli u ma kienx jirrifletti l-imposti fissi mġarrba mill-utenti industrijali. Hija sostniet li l-istruttura tariffarja tal-fornitur Kolombjan ENEL tinkludi diversi komponenti fissi mhux fakultattivi li japplikaw għal konsumaturi kbar, bħal imposti bażiċi ta’ kull xahar, disponibbiltà tas-sistema u tariffi amministrattivi, tariffi tad-domanda kuntrattata u kostijiet relatati man-network. Dawn, stqarret Eurolysine, għandhom jiżdiedu mal-parametru referenzjarju. Hija nnotat ukoll li fl-investigazzjoni tal-liżina, fejn il-Kolombja u l-ENEL ukoll intużaw bħala sorsi, il-Kummissjoni inkludiet imposti fissi tal-elettriku fil-valur mingħajr distorsjoni u argumentat li l-applikazzjoni tal-istess approċċ hawnhekk tiżgura l-konsistenza.
(126) Il-Kummissjoni eżaminat l-asserzjoni u nnotat li l-argument relatat mal-imposti fissi tal-elettriku kien ibbażat fuq qari żbaljat tal-approċċ meħud fl-investigazzjoni tal-liżina. Fil-fatt, f’dak il-każ, bħal f’dan, il-parametru referenzjarju kien ibbażat fuq it-tariffi Nivel 3 ippubblikati tal-ENEL għas-settur industrijali (sector no residencial). Barra minn hekk, kif ġie spjegat fil-premessa (194) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/74, ma żdiedet l-ebda imposta addizzjonali peress li l-prezz irrapportat ikopri l-ispejjeż kollha. Għalhekk, l-approċċ adottat fl-investigazzjoni tal-liżina u fl-investigazzjoni kurrenti kien konsistenti, peress li fl-ebda waħda miż-żewġ investigazzjonijiet ma żdiedu imposti addizzjonali. Għalhekk, l-asserzjoni ġiet miċħuda.
(127) Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe kumment ieħor dwar is-sorsi użati biex jiġu stabbiliti l-kostijiet u l-parametri referenzjarji għad-determinazzjoni tal-valur normali, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha fil-premessi (209)–(261) tar-Regolament proviżorju.
Prezz tal-esportazzjoni
(128) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, CJS sostniet li nota ta’ kreditu ma kinitx ġiet ikkunsidrata kif xieraq fil-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni peress li l-Kummissjoni naqqset biss il-valur tan-nota ta’ kreditu iżda mhux il-volum korrispondenti mit-tranżazzjonijiet irrapportati.
(129) Il-Kummissjoni nnotat li n-nota ta’ kreditu kienet tirreferi għal tranżazzjoni fejn il-volum indikat fuq id-dokument ta’ konsenja ma kienx jikkorrispondi għall-volum riċevut mill-klijent, li kien inqas. Għalhekk, CJ Europe GmbH (CJE) ħarġet nota ta’ kreditu għall-valur tal-volum nieqes, mingħajr ma semmiet il-volum innifsu. L-evidenza rreġistrata turi li l-volum nieqes inkwistjoni ħalla l-faċilità ta’ CJE, u għalhekk il-volum oriġinali rrapportat fit-tabelli ta’ CJE baqa’ l-kwantità korretta. Għaldaqstant, din l-asserzjoni ġiet miċħuda.
(130) CJS sostniet ukoll li l-profitt li abbażi tiegħu l-Kummissjoni għamlet l-aġġustament skont l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku kien jiddependi fuq investigazzjoni antika dwar l-importazzjonijiet tal-PVA li joriġinaw miċ-Ċina. Fil-verżjoni kunfidenzjali tas-sottomissjoni tagħha, CJS elaborat din l-asserzjoni f’aktar dettall. CJS indikat ukoll li kemm Quimidroga kif ukoll Millenis SAS (Millenis) wieġbu għall-kwestjonarju għal importaturi mhux relatati.
(131) Il-Kummissjoni ċaħdet din l-asserzjoni. Aktar dettalji rigward il-valutazzjoni tal-Kummissjoni ngħataw lil CJS fid-divulgazzjoni speċifika tagħha peress li din kienet tinkludi informazzjoni kunfidenzjali.
(132) Il-Kummissjoni nnotat li, minkejja li rċeviet tweġibiet għall-kwestjonarju minn żewġ importaturi, wieħed ma kienx komplut u ma ppermettiex li jiġi stabbilit il-marġni ta’ profitt. It-tieni kumpanija pprovdiet sett sħiħ ta’ data u l-profitt relatat mal-prodott li qed jiġi investigat u, wara l-impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji, qablet mal-verifika tat-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju, l-iżvelar tal-marġni ta’ profitt tagħha fil-perjodu ta’ investigazzjoni u l-użu tagħha fil-kalkolu.
(133) Wara l-verifika tad-data u tal-informazzjoni pprovduta mill-kumpanija, l-investigazzjoni stabbiliet li l-importatur ilu jixtri esklużivament aċidi amminiċi, inkluż il-prodott taħt investigazzjoni, minn wieħed mill-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun għal aktar minn 10 snin, li jaġixxi bħala d-distributur esklużiv tiegħu fi Stat Membru wieħed. Din l-esklużività hija bbażata fuq ftehim orali bejn il-partijiet. Bħala riżultat ta’ tali esklużività, l-importatur ma jistax jixtri l-prodott mingħand fornituri oħra. Il-fatti stabbiliti mill-investigazzjoni jikkonfermaw dan. Tabilħaqq, l-importatur xtara l-valina mingħand dan il-produttur biss u biegħha f’dak l-Istat Membru biss. L-investigazzjoni ddeterminat ukoll li, matul il-PI, il-marġni ta’ profitt tal-importatur kien, bl-ammissjoni tal-importatur stess, partikolarment baxx, peress li kellu jbigħ xi wħud mill-oġġetti importati b’telf, u bilkemm ġab lura dak li nefaq. Tali profitt baxx kien dovut għall-impossibbiltà għall-importatur li jixtri l-valina minn kwalunkwe produttur esportatur Ċiniż ieħor li biegħ bi prezzijiet orħos, li min-naħa tiegħu kien jippermettilu li mbagħad jerġa’ jbigħ bi profitti ogħla, kif ukoll għas-sitwazzjoni negattiva ġenerali tas-suq ikkaratterizzata minn volumi kbar ta’ importazzjonijiet irħas li huma l-oġġett ta’ dumping li jikkompetu mal-bejgħ tal-importaturi. Konsegwentement, il-Kummissjoni sabet li l-marġni ta’ profitt miksub minn dan l-importatur fil-PI ma setax jitqies bħala rappreżentattiv tal-profitt li kien jagħmel importatur indipendenti, li ma jkollu l-ebda tip ta’ assoċjazzjoni ma’ produtturi esportaturi u li konsegwentement ikun kapaċi jixtri mingħand il-fornituri kollha. Tabilħaqq, kif ġie nnotat hawn fuq u rikonoxxut mill-kumpanija, il-profitt tagħha matul il-PI kien partikolarment baxx minħabba l-ftehim ta’ esklużività kkombinat maż-żieda qawwija fil-volumi ta’ importazzjonijiet irħas bi prezzijiet li qed jonqsu minn produtturi Ċiniżi oħrajn. Fid-dawl tal-elementi ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li tali profitt ma jistax jitqies bħala profitt raġonevoli skont it-tifsira tal-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku. Min-naħa l-oħra, il-marġni ta’ profitt użat fl-istadju proviżorju fl-investigazzjoni attwali huwa rappreżentattiv ta’ tali attività, għar-raġunijiet spjegati fil-premessa (265) tar-Regolament proviżorju. Għalhekk, l-asserzjoni ta’ CJS ġiet miċħuda, u l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq profitt ta’ 6,89 % li tqies raġonevoli fl-investigazzjoni tal-liżina u fl-investigazzjoni preċedenti tal-PVA.
(134) Wara d-divulgazzjoni finali, CJS tenniet l-asserzjoni tagħha li fil-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni, il-Kummissjoni kellha tqis mhux biss il-valur ta’ nota ta’ kreditu iżda wkoll il-volum korrispondenti mit-tranżazzjonijiet irrapportati. CJS ma qablitx mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-volum nieqes ħalla l-faċilità ta’ CJE, u ċċitat nuqqas ta’ evidenza insostenn ta’ din il-konklużjoni.
(135) Il-Kummissjoni fakkret fiż-żewġ elementi tal-evidenza rreġistrata miġbura waqt il-verifika fuq il-post, li appoġġaw is-sejba tagħha li l-volum nieqes inkwistjoni kien ħalla l-bini ta’ CJE. L-ewwel nett, id-dokument tal-konsenja, inkluż fil-paġna 7 tal-Eżibit tal-Verifika 14, wera li l-piż tal-valina mgħobbija fit-trakk kien jinkludi l-volum inkwistjoni. It-tieni, in-nota ta’ kreditu wriet li din inħarġet biss għall-valur tal-volum nieqes, mingħajr ebda aġġustament korrispondenti għall-volum. Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-valina tabilħaqq ħalliet il-faċilità ta’ CJE, irrispettivament minn jekk ġietx riċevuta mill-klijent. Peress li CJE stess, wara li l-klijent tagħha ġibed l-attenzjoni lejn l-inkonsistenza, ma qisitx li huwa xieraq li jiġi aġġustat il-volum tal-valina fl-istokk tagħha, il-Kummissjoni ma tistax tkun meħtieġa twettaq aġġustament li ma sarx mill-kumpanija fl-ewwel istanza. Konsegwentement, il-Kummissjoni ċaħdet id-dikjarazzjoni.
(136) Wara d-divulgazzjoni finali, CJS asseriet li l-Kummissjoni ma għandhiex tuża l-profitt skadut tal-investigazzjoni tal-PVA biex taħdem il-prezz tal-esportazzjoni tagħha, iżda pjuttost il-marġni ta’ profitt ta’ [1–5] % użat f’investigazzjoni anti-dumping riċenti dwar l-importazzjonijiet ta’ reżini epossidiċi li joriġinaw miċ-Ċina, mit-Tajwan u mit-Tajlandja (investigazzjoni tar-reżini epossidiċi).
(137) Il-Kummissjoni nnotat li l-marġni ta’ profitt użat fl-investigazzjoni tar-reżini epossidiċi kien ibbażat fuq il-profitt ta’ importatur mhux relatat uniku li kkoopera. L-importatur inkwistjoni qabel li l-Kummissjoni tista’ tuża l-profitt tagħha għall-kalkoli fl-investigazzjoni tar-reżini epossidiċi, iżda ma qabilx mal-pubblikazzjoni tal-profitt tiegħu, u tabilħaqq il-profitt ġie pprovdut bħala l-medda [1–5] % fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/393. Għall-kuntrarju, il-marġni ta’ profitt użat fl-investigazzjoni tal-PVA kien ibbażat fuq il-marġni ta’ profitt ta’ tliet importaturi mhux relatati li kkooperaw. Il-medja ta’ dak il-profitt, 6,89 %, li kienet ħielsa minn kwistjonijiet ta’ kunfidenzjalità, ġiet ippubblikata fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1336. Il-Kummissjoni ma setgħetx tuża l-marġni ta’ profitt ipprovdut minn importatur mhux relatat uniku li kkoopera f’investigazzjoni separata iżda li ma kienx ġie ppubblikat minħabba l-kunfidenzjalità speċifika għall-kumpanija, meta marġni ta’ profitt ħieles minn kwistjonijiet ta’ kunfidenzjalità huwa disponibbli pubblikament f’investigazzjoni oħra. Fl-aħħar mill-aħħar, il-Kummissjoni nnotat li CJS ma spjegatx għaliex il-marġni ta’ profitt tal-investigazzjoni tar-reżini epossidiċi kien se jwassal għal ammonti aktar raġonevoli għall-profitt mill-marġni ta’ profitt użat fl-investigazzjoni tal-PVA, minbarra l-fatt li dan kien ġie stabbilit f’investigazzjoni aktar reċenti. Għalhekk, din l-asserzjoni ġiet miċħuda.
(138) Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra dwar id-determinazzjoni tal-prezz tal-esportazzjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha fil-premessi (262) sa (263) tar-Regolament proviżorju.
Tqabbil
(139) Il-Kummissjoni qabblet il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-produtturi esportaturi inklużi fil-kampjun fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika. Fejn iġġustifikat mill-ħtieġa li jiġi żgurat paragun ġust, il-Kummissjoni aġġustat il-valur normali u/jew il-prezz tal-esportazzjoni għad-differenzi li jaffettwaw il-prezzijiet u l-komparabbiltà tal-prezzijiet.
Aġġustamenti magħmula għall-valur normali
(140) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, CJS sostniet li għall-kuntrarju tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessa (270) tar-Regolament proviżorju, il-kostijiet SG & A ta’ Sucroal kienu jinkludu kostijiet tad-distribuzzjoni u għalhekk talbet lill-Kummissjoni tnaqqashom mill-valur normali sabiex tagħmel paragun ġust fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika.
(141) Fil-premessa (270) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni kellha l-ħsieb li tirreferi għall-kostijiet tat-trasport, aktar milli għall-kostijiet tad-distribuzzjoni. Dan jista’ jidher mis-sentenza wara d-dikjarazzjoni li għaliha rreferiet CJS, u fejn il-Kummissjoni rreferiet għal asserzjonijiet mhux sostanzjati li l-ammonti għall-kostijiet SG & A […] fihom kostijiet tat-trasport. Id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessa (270) enfasizzat il-fatt li ma kien hemm l-ebda informazzjoni disponibbli li turi li l-kostijiet SG & A ta’ Sucroal, u speċifikament l-entrata għall-kostijiet tad-distribuzzjoni, kienu jinkludu kwalunkwe kost tat-trasport, li jenħtieġ li jitnaqqas mill-valur normali. Fil-fatt, il-kategorija kontabilistika kostijiet tad-distribuzzjoni mhux neċessarjament tikkorrispondi għall-imposti fiżiċi tal-merkanzija jew tal-konsenja mġarrba wara l-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika. F’konformità mal-prattika komuni tal-kontabbiltà, tali kostijiet jistgħu jkopru firxa ta’ spejjeż kummerċjali u amministrattivi, inklużi l-ħżin, il-ġestjoni tal-loġistika, il-persunal tal-bejgħ, u l-kummerċjalizzazzjoni, li huma parti mill-kostijiet SG & A fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika u jenħtieġ li ma jitnaqqasx mill-valur normali. Tali kostijiet SG & A, inklużi spejjeż kummerċjali u amministrattivi, jistgħu tabilħaqq leġittimament jibqgħu fil-valur normali fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika, sakemm ma jintweriex li dawn jikkoinċidu ma’ kostijiet li tnaqqsu mill-prezz tal-esportazzjoni. Id-diżaggregazzjoni tal-kostijiet tad-distribuzzjoni ta’ Sucroal jew tal-entrata kostijiet oħrajn ma kinitx disponibbli għall-pubbliku, u CJS lanqas ma pprovdiet xi evidenza li l-kostijiet tad-distribuzzjoni fil-kontijiet ta’ Sucroal kienu jikkorrispondu esklużivament għal tariffi downstream tal-merkanzija jew tal-immaniġġar komparabbli ma’ dawk imnaqqsa mill-prezz tal-esportazzjoni tagħhom. Għalhekk, din l-asserzjoni ġiet miċħuda.
(142) Għalhekk, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessa (267) sa (271) tar-Regolament proviżorju.
Aġġustamenti magħmula għall-prezz tal-esportazzjoni
(143) Kif stabbilit fil-premessi (272) u (273) tar-Regolament proviżorju, saru aġġustamenti għad-dazju doganali, għal imposti oħra tal-importazzjoni, għall-merkanzija, għall-assigurazzjoni, għall-immaniġġjar tat-tagħbija u għall-ispejjeż anċillari, għall-ippakkjar, għall-kostijiet tal-kreditu, għall-kummissjonijiet, u għall-imposti bankarji, f’konformità mal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku.
(144) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, CJS indikat li l-Kummissjoni naqqset l-ispejjeż tal-ippakkjar u l-imposti bankarji mġarrba minn CJE mill-prezz tal-esportazzjoni darbtejn. CJS talbet lill-Kummissjoni biex tiżgura li dawn l-ispejjeż jitnaqqsu darba biss. Il-Kummissjoni sabet li din l-asserzjoni kienet ġustifikata u aġġustat il-kalkolu tagħha.
(145) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, Huaheng Group sostna li l-Kummissjoni kienet qieset darbtejn ċerta spiża meta kkalkolat il-prezz tal-esportazzjoni. Il-Kummissjoni sabet li din l-asserzjoni kienet ġustifikata u aġġustat il-kalkolu tagħha.
(146) Wara l-pubblikazzjoni tar-Regolament proviżorju, Huaheng Group sostna li l-Kummissjoni ma ssodisfatx l-oneru tal-prova tagħha biex tagħmel l-aġġustament għall-prezz tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku għall-bejgħ magħmul mill-produttur lil kumpanija relatata u mbagħad esportat lejn l-Unjoni, kif stabbilit fil-premessa (274) tar-Regolament proviżorju. B’mod partikolari, Huaheng Group sostna li (i) il-Kummissjoni ma spjegatx għaliex il-fatt li tagħmel profitt jew li tagħmel kummerċ ta’ firxa wiesgħa ta’ oġġetti biddel lin-negozjant relatat f’funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq bażi ta’ kummissjoni; u (ii) għaliex dan l-aġġustament kien meħtieġ għall-komparabbiltà tal-prezzijiet bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali.
(147) Il-Kummissjoni ma sabitx li l-asserzjoni kienet ġustifikata. Fil-premessa (275) tar-Regolament proviżorju, il-Kummissjoni kkonkludiet li Huaheng Group uża kumpanija fi ħdan il-grupp tiegħu għal skopijiet kummerċjali. Aktar dettalji rigward il-valutazzjoni tal-Kummissjoni ngħataw lil Huaheng fid-divulgazzjoni speċifika tagħha peress li din kienet tinkludi informazzjoni kunfidenzjali. Abbażi ta’ din il-valutazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li n-negozjant relatat Anhui Huaheng Biotechnology Co., Ltd (AHB) kien qed iwettaq funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq bażi ta’ kummissjoni. Għalhekk, aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku kien iġġustifikat.
(148) Wara d-divulgazzjoni proviżorja, CJS sostniet li l-kundizzjonijiet biex jiġi applikat l-aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku fir-rigward tan-negozjant relatat tagħha CJ CheilJedang Corp. (CJCJ) ma ġewx issodisfati u pprovdiet dettalji kunfidenzjali tal-operazzjonijiet imwettqa minn CJCJ b’appoġġ għall-asserzjoni.
(149) Il-Kummissjoni analizzat bir-reqqa l-asserzjonijiet ta’ CJS u sabet li dawn kienu ġġustifikati. Madankollu, il-Kummissjoni analizzat jekk l-istruttura speċifika tal-grupp rigward il-bejgħ għall-esportazzjoni kinitx fattur li affettwa l-komparabbiltà tal-prezzijiet għall-fini tat-twettiq ta’ tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku.
(150) L-investigazzjoni stabbiliet li CJS biegħet lill-Unjoni permezz ta’ negozjant relatat fil-perjodu ta’ investigazzjoni u li dan in-negozjant ġarrab kostijiet u profitti realizzati li setgħu jiġu allokati għall-bejgħ tal-Unjoni. Min-naħa l-oħra, il-valur normali għall-prodott ikkonċernat inħadem f’konformità mal-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku, u b’hekk inkluda ammont raġonevoli u mingħajr distorsjoni għall-kostijiet SG & A u għall-profitti. Kif huwa nnotat fil-premessa (254) tar-Regolament proviżorju, dawk il-kostijiet u l-profitti nstabu li kienu raġonevoli għal-livell ta’ kummerċ ta’ kif joħroġ mill-fabbrika u għalhekk ma setgħux jinkludu l-kostijiet u l-profitti ta’ negozjant relatat.
(151) Minn dan isegwi li l-paragun bejn dan il-valur normali u dan il-prezz tal-esportazzjoni ma kienx ġust, peress li l-prezz tal-esportazzjoni kien jinkludi l-kostijiet u l-profitti ta’ negozjant relatat u l-valur normali nħadem nett minn dawk l-elementi. Dan ħoloq asimmetrija li taffettwa l-komparabbiltà tal-prezzijiet bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni. Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet li aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku kien iġġustifikat.
(152) Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, biex jiġi żgurat tqabbil ġust bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, il-Kummissjoni naqqset mill-prezz tal-esportazzjoni dawk il-kostijiet SG & A u l-profitti tan-negozjant relatat li ma kinux inklużi fil-valur normali, mill-prezz tal-esportazzjoni. Fl-istruttura speċifika tal-kanal tal-bejgħ għall-esportazzjoni tal-grupp, l-aġġustament twettaq bl-użu tal-kostijiet SG & A mġarrba minn CJCJ, u, minħabba r-relazzjoni u l-allokazzjoni tal-profitt bejn CJCJ u CJS, li naqqsu l-profitt miksub, il-profitt nozzjonali ta’ 6,89 % imsemmi fil-premessa (133).
(153) Wara d-divulgazzjoni finali, CJS asseriet li, sabiex jiġi applikat aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni kellha turi kif l-involviment ta’ CJCJ fil-proċess tal-fatturar tal-bejgħ għall-esportazzjoni affettwa l-komparabbiltà tal-prezzijiet mal-valur normali. CJS asseriet ukoll li, minkejja li rrikonoxxiet li l-kundizzjonijiet biex jiġi applikat aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku ma ġewx issodisfati, il-Kummissjoni applikat l-istess aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku mingħajr ma wriet li l-klijenti ta’ CJS ħallsu prezzijiet differenti fis-suq domestiku minħabba l-involviment ta’ CJCJ fil-bejgħ għall-esportazzjoni tal-prodott taħt investigazzjoni lejn l-Unjoni. Fil-verżjoni kunfidenzjali tas-sottomissjoni, CJS żiedet aktar dettalji fir-rigward tal-kostijiet tal-SG & A u l-aġġustamenti tal-profitt.
(154) Ma huwiex qiegħed jiġi kkontestat il-fatt li CJS tbigħ lill-Unjoni permezz ta’ negozjant relatat: CJCJ. Porzjon mill-kostijiet tal-SG & A ta’ dak in-negozjant jista’ raġonevolment jiġi allokat għall-bejgħ tal-prodott ikkonċernat fis-suq tal-Unjoni. CJCJ ukoll tiġġenera profitt.
(155) Fis-sentenza CCCME, il-Qorti Ġenerali nnotat li valur normali maħdum skont l-Artikolu 2(6a) ma huwiex affettwat minn elementi li jistgħu jippreġudikaw il-paragunabbiltà tiegħu, peress li dan ġie ddeterminat artifiċjalment. Fi kliem ieħor, jekk element li għalih jintalab aġġustament ma jistax jintwera b’mod pożittiv li ntuża biex inħadem il-valur normali, l-aġġustament ma jistax isir. Meta jitqies li, kif ġie nnotat fil-premessi (253) u (267) sa (271) tar-Regolament proviżorju, il-valur normali fil-każ inkwistjoni inħadem, fost l-oħrajn, billi ntużaw il-kostijiet SG & A li nstabu li kienu raġonevoli għal-livell ta’ kummerċ ta’ kif joħroġ mill-fabbrika, jirriżulta li, skont id-definizzjoni, dawn il-kostijiet ma setgħux jinkludu kostijiet ta’ negozjant relatat.
(156) Huwa diffiċli li jintwera impatt fuq il-komparabbiltà tal-prezzijiet bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali b’mod aktar ċar milli billi jintwera li element, f’dan il-każ il-kostijiet SG & A ta’ negozjant relatat, huwa preżenti f’tal-ewwel u nieqes minn tal-aħħar. Fi kliem ieħor, billi jintwera li l-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali huma asimetriċi. Il-kunċett tal-komparabbiltà tal-prezzijiet bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali huwa intrinsikament marbut mal-kunċett ta’ simetrija bejniethom. Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat dan f’Dashiqiao Sanqiang kif ġej: Skont ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta kemm mill-kliem kif ukoll mill-istruttura tal-Artikolu 2(10) tar-regolament bażiku li aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni jew tal-valur normali jista’ jsir biss sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni differenzi fil-fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet u għalhekk il-paragun tagħhom. Dan ifisser, fi kliem ieħor, li r-raġuni għall-aġġustament hija li tiġi stabbilita mill-ġdid is-simetrija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ta’ prodott, b’mod li, jekk l-aġġustament ikun sar korrettament, dan jimplika li jkun stabbilixxa mill-ġdid is-simetrija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni.
(157) Il-Qorti mbagħad ikkonkludiet li [f]il-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura ekwa tal-metodu ta’ paragun applikat, il-kunċett ta’ simetrija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni b’hekk jammonta għal element ċentrali li jikkorrispondi mal-ħtieġa li tiġi stabbilita l-komparabbiltà tal-prezzijiet fis-sens tal-Artikolu 1(2) tar-regolament bażiku.
(158) L-assimetrija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni fil-kuntest ta’ aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(k) ġiet ikkunsidrata mill-Qorti Ġenerali f’Sinopec. Il-Qorti tal-Ġustizzja l-ewwel fakkret is-sejba tal-Kummissjoni ta’ assimetrija bejn il-prezz tal-esportazzjoni u l-valur normali maħluq mill-preżenza ta’ VAT mhux rimborżabbli f’tal-ewwel u n-nuqqas tagħha f’tal-aħħar biex imbagħad ikkonkludiet li l-Kummissjoni wriet in-neċessità li jsir [… l-]aġġustament ikkontestat. Filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja sabet li l-aġġustament ma setax isir skont l-Artikolu 2(10)(b), u li għalhekk il-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ liġi, hija sostniet ukoll li tali żball ma kellux influwenza determinanti fuq l-evalwazzjoni magħmula mill-awtur tiegħu. Dan minħabba li, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku kien jippermetti lill-Kummissjoni twettaq [… l-]aġġustament ikkontestat bl-għan li tiġi stabbilita mill-ġdid is-simetrija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni tal-prodott ikkonċernat u sabiex jiġi żgurat paragun ġust bejn dawn iż-żewġ valuri. Fi kliem ieħor, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonfermat li l-valutazzjoni magħmula mill-Kummissjoni, li kienet limitata għas-sejba ta’ assimetrija (simili għall-valutazzjoni magħmula fil-kawża quddiem din il-Qorti tal-Ġustizzja) kienet biżżejjed biex tagħmel l-aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku.
(159) Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni nnotat li l-aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku kien meħtieġ sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid is-simetrija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni, u b’hekk jiġi żgurat tqabbil ġust. Tabilħaqq, it-tqabbil irid isir fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika, kif ġie spjegat fil-premessa (117). Filwaqt li l-valur normali ġie stabbilit fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika, prezz tal-esportazzjoni li jinkludi l-kostijiet SG & A u l-profitt ta’ negozjant relatat ma jistax jitqies li hu fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha telimina l-kost imġarrab minn CJCJ u l-profitt nozzjonali sabiex tqabbel il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni fl-istess livell. L-involviment ta’ CJCJ, li huwa limitat għall-bejgħ għall-esportazzjoni, jirriżulta f’kostijiet u fi profitti li għalhekk iridu jitqiesu. Fil-fatt, CJS ma tistax tibbenefika mill-attività ekonomika ta’ CJCJ u mill-vantaġġi tat-taxxa li hija tippermetti u, fl-istess ħin, tiddikjara li n-nuqqas ta’ tali attività ma jbiddel xejn fil-mezz tal-bejgħ. Għalhekk, l-asserzjoni ġiet miċħuda.
(160) Barra minn hekk, CJS asseriet li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni tal-lex specialis, li skontu l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jistgħux jevitaw dispożizzjoni aktar speċifika billi jibbażaw fuq waħda ġenerali. F’dan ir-rigward, CJS asseriet li l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku jkun dispożizzjoni ġenerali, filwaqt li l-Artikolu 2(10)(i) ikun dispożizzjoni speċifika.
(161) Il-Kummissjoni ċaħdet din l-asserzjoni, peress li l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku ma huwiex dispożizzjoni ġenerali meta mqabbel mal-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku, iżda pjuttost każ differenti li taħtu jistgħu jsiru l-aġġustamenti. Tabilħaqq, l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku rrefera għal fatturi oħra li ma jkunux previsti taħt il-punti (a) sa (j). CJS asseriet u l-Kummissjoni qablet li l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku ma setax japplika f’dan il-każ peress li ma kienet qed titħallas l-ebda kummissjoni skont it-tifsira ta’ dik id-dispożizzjoni. Il-Kummissjoni, pjuttost milli evitat dispożizzjoni speċifika billi bbażat fuq waħda ġenerali, sempliċiment attribwit il-kwalifika korretta għall-fatti tal-każ. Barra minn hekk, tali approċċ huwa konformi mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali f’Sinopec, miġbura fil-qosor fil-premessa (158). Għalhekk, din l-asserzjoni ġiet miċħuda.
(162) Fl-aħħar nett, f’każ li l-Kummissjoni żżomm l-aġġustament tagħha abbażi tal-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku, CJS asseriet li aġġustament bħal dan ma setax ikun ugwali għal dak magħmul skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku, minħabba li ż-żewġ aġġustamenti ma humiex l-istess u minħabba li l-Kummissjoni stabbiliet li l-kundizzjonijiet biex jiġi applikat aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) ma ġewx issodisfati. B’konsegwenza ta’ dan, CJS talbet lill-Kummissjoni tikkwantifika kif l-involviment ta’ CJCJ fil-proċess tal-fatturar tal-bejgħ għall-esportazzjoni affettwa l-komparabbiltà tal-prezzijiet mal-valur normali. B’mod partikolari, fil-każ li l-Kummissjoni tqis li l-profitt ta’ CJCJ affettwa l-komparabbiltà tal-prezzijiet, CJS asseriet li tali profitt għandu jkun ta’ mhux aktar minn 2 %, bħalma huwa l-profitt użat fl-investigazzjoni anti-dumping dwar ċerti prodotti ċatti, illaminati bis-sħana tal-ħadid, tal-azzar mhux illigat jew ta’ liga oħra tal-azzar, li joriġinaw mill-Eġittu, mill-Ġappun u mill-Vjetnam (investigazzjoni dwar l-HRF. hot-rolled flat products).
(163) Il-Kummissjoni nnotat li, fil-kalkolu tal-aġġustament għall-kostijiet SG & A, il-Kummissjoni diġà kienet eskludiet mill-elementi tal-kostijiet SG & A li ma kinux rilevanti għall-bejgħ tal-prodott li qiegħed jiġi investigat lejn l-Unjoni, kif indikat fil-premessa (165). Għalhekk, il-Kummissjoni qieset biss għall-aġġustament tal-kostijiet tal-SG & A, dawk l-elementi li jirriżultaw mir-rwol ta’ CJCJ li affettwaw il-komparabbiltà tal-prezzijiet. Fir-rigward tal-profitt, il-Kummissjoni ma setgħetx tibbaża fuq il-profitt reali ta’ CJCJ, peress li huwa profitt bejn entitajiet relatati, u bbażat fuq il-profitt nozzjonali tal-investigazzjoni tal-PVA, bħala l-aktar sors affidabbli ta’ informazzjoni disponibbli f’dan il-każ, kif stabbilit fil-premessa (265) tar-Regolament proviżorju u fil-premessi (133) u (137). CJS ma wrietx għaliex il-profitt użat fl-investigazzjoni tal-HRF kien ikun aktar xieraq, minbarra l-fatt li huwa profitt aktar baxx. Barra minn hekk, tali profitt ġie stabbilit fl-investigazzjoni tal-HRF għal settur ekonomiku differenti, is-settur tal-azzar, u ma huwiex relatat mas-settur kimiku bħall-profitt nozzjonali stabbilit fl-investigazzjoni tal-PVA. Għalhekk, din l-asserzjoni ġiet miċħuda.
(164) CJS ippreżentat ukoll asserzjoni dwar il-kwantifikazzjoni tal-aġġustament abbażi tat-tnaqqis tal-kostijiet SG & A ta’ CJCJ oriġinarjament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku, u f’dan l-istadju skont l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku. B’mod partikolari, din l-asserzjoni kienet tikkonċerna ħames entrati rilevanti għall-istabbiliment tal-kostijiet SG & A ta’ CJCJ. Fil-verżjoni kunfidenzjali tas-sottomissjoni tagħha, CJS elaborat din l-asserzjoni f’aktar dettall.
(165) Il-Kummissjoni sabet li din l-asserzjoni kienet parzjalment ġustifikata għal tlieta mill-ħames entrati u naqqsithom mill-kostijiet SG & A rilevanti għall-aġġustament kif xieraq. L-asserzjoni ma ntlaqgħetx għaż-żewġ entrati l-oħra. Aktar dettalji rigward il-valutazzjoni tal-Kummissjoni ngħataw lil CJS fid-divulgazzjoni speċifika tagħha peress li din kienet tinkludi informazzjoni kunfidenzjali.
(166) Fl-aħħar nett, CJS ippreżentat asserzjoni dwar il-kwantifikazzjoni tal-aġġustament abbażi tat-tnaqqis ta’ profitt raġonevoli ta’ 6,89 % oriġinarjament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku, u f’dan l-istadju skont l-Artikolu 2(10)(k) tar-Regolament bażiku. Fil-verżjoni kunfidenzjali tas-sottomissjoni tagħha, CJS elaborat din l-asserzjoni f’aktar dettall.
(167) Il-Kummissjoni ċaħdet din l-asserzjoni. Kif spjegat fil-premessi (149) sa (152), il-Kummissjoni rrikorriet biex iżżomm l-aġġustament għal profitt nozzjonali ta’ 6,89 %, stabbilit kif diskuss fil-premessa (133). Aktar dettalji rigward il-valutazzjoni tal-Kummissjoni ngħataw lil CJS fid-divulgazzjoni speċifika tagħha peress li din kienet tinkludi informazzjoni kunfidenzjali.
(168) Wara d-divulgazzjoni finali, Huaheng Group asserixxa li l-Kummissjoni ma kinitx indirizzat l-asserzjoni wara d-divulgazzjoni proviżorja li l-Kummissjoni ma kinitx iġġustifikat għaliex l-aġġustament tal-prezz tal-esportazzjoni kien meħtieġ biex tiġi żgurata l-komparabbiltà tal-prezzijiet bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni. F’dan ir-rigward, Huaheng Group asserixxa li l-kostijiet relatati mas-servizzi mwettqa minn AHB tnaqqsu mill-prezz tal-esportazzjoni iżda li l-ispejjeż għall-istess servizzi kienu ġew inklużi fil-valur normali u kellhom jitnaqqsu. Huaheng Group asserixxa wkoll li s-sejbiet stabbiliti fil-premessa (141) li ċerti kostijiet SG & A jistgħu tabilħaqq jibqgħu b’mod leġittimu fil-valur normali fil-livell ta’ kif joħroġ mill-fabbrika, sakemm ma jintweriex li jikkoinċidu mal-kostijiet li tnaqqsu mill-prezz tal-esportazzjoni, ikunu evidenza ulterjuri ta’ dik l-assimetrija.
(169) Il-Kummissjoni sabet li kien iġġustifikat li l-prezz tal-esportazzjoni jiġi aġġustat peress li l-Kummissjoni kienet ikkonkludiet fil-premessa (147) li AHB kellha funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq bażi ta’ kummissjoni. Kif spjegat ukoll fil-premessi (274) sa (276) tar-Regolament proviżorju, AHB irċeviet marġni ta’ żieda fuq il-bejgħ mill-ġdid tal-prodott ikkonċernat u billi nstab li twettaq funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq bażi ta’ kummissjoni, aġġustament għall-kummissjonijiet kien iġġustifikat. Dan kien il-każ billi, kif ġie spjegat fil-premessa (261) tar-Regolament proviżorju, il-valur normali nħadem fuq bażi ta’ kif joħroġ mill-fabbrika. Fi kliem ieħor, kif ġie spjegat fil-premessi (156) u (157), il-preżenza ta’ element (kummissjoni) fil-prezz tal-esportazzjoni u n-nuqqas tiegħu fil-valur normali ħolqu assimetrija bejn it-tnejn li trid tiġi kkoreġuta sabiex isir it-tqabbil bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni ġust skont it-tifsira tal-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku. Fir-rigward tal-kwantifikazzjoni tal-aġġustament għall-kummissjonijiet, kif ikkonfermat mill-Qorti Ġenerali f’Çolakoğlu, il-Kummissjoni tista’ tqis ir-relazzjoni bejn il-manifattur u n-negozjant relatat meta tiddetermina l-ammont xieraq tal-aġġustament li għandu jsir. Fil-każ ta’ assoċjazzjoni bejn il-manifattur u n-negozjant, il-Kummissjoni tista’ tikkwantifika l-aġġustament billi tapplika l-Artikolu 2(9) tar-Regolament bażiku b’analoġija. F’każijiet bħal dawn, l-aġġustament isir għal kummissjoni maħduma abbażi tal-kostijiet SG & A tan-negozjant inkwistjoni u ta’ profitt nozzjonali. Meta wieħed iqis li l-BHB u l-AHB kienu parti minn Huaheng Group, u li r-relazzjoni tagħhom instabet li ma kinitx waħda ta’ distakkament, kif sostnut mid-dispożizzjonijiet fil-ftehim bil-miktub bejn BHB u AHB, l-aġġustament kien ibbażat fuq il-kostijiet SG & A mġarrba min-negozjant relatat u fuq profitt nozzjonali. Għalhekk, peress li l-Kummissjoni ma għamlitx aġġustament għall-kostijiet SG & A u l-profitt iżda għal kummissjoni li kienet maħduma abbażi tal-kostijiet SG & A u ta’ profitt nozzjonali, il-Kummissjoni ma sabitx li kienet applikabbli l-asserzjoni li l-aġġustament għall-kostijiet SG & A kien irriżulta f’assimetrija bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni. Huaheng Group fl-ebda punt matul l-investigazzjoni ma asserixxa li kummissjoni kienet preżenti fil-valur normali maħdum, u wisq inqas ma ssostanzja jew ikkwantifika tali asserzjoni, kif meħtieġ mill-ġurisprudenza msemmija fil-premessa (269) tar-Regolament proviżorju. Tabilħaqq, kif ġie nnotat fil-premessa (168), il-valur normali nħadem b’mod nett minn kwalunkwe kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, anke li kieku l-Kummissjoni kellha taġġusta għall-kostijiet SG & A u għall-profitt, il-Kummissjoni ma qisitx li kienet meħtieġa tnaqqas l-ispejjeż mill-kostijiet SG & A biex tiżgura l-komparabbiltà bejn il-valur normali u l-prezz tal-esportazzjoni. L-ewwel nett, Huaheng Group ma ppreżenta l-ebda evidenza li turi li l-kostijiet SG & A użati biex tinħadem il-kummissjoni kienu ġew inklużi fil-valur normali. It-tieni, il-kostijiet SG & A li jinsabu fil-valur normali kienu dawk effettivament imġarrba minn produttur, b’mod partikolari, dawk imġarrba minn Sucroal fil-Kolombja. It-tielet, il-kostijiet SG & A mnaqqsa mill-prezz tal-esportazzjoni kienu dawk effettivament imġarrba minn AHB fil-funzjonijiet tagħha bħala negozjant relatat. Peress li l-kostijiet SG & A kienu relatati ma’ attivitajiet differenti (produttur esportatur u negozjant relatat), l-ebda spiża mill-kostijiet SG & A tal-produttur Kolombjan Sucroal ma kellha titnaqqas mill-valur normali. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet l-asserzjoni.
(170) Wara d-divulgazzjoni finali, Huaheng Group asserixxa wkoll li l-Kummissjoni ma kinitx issodisfat l-oneru meħtieġ tal-provi biex taġġusta l-prezz tal-esportazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku u b’mod partikolari li ma seta’ jsir l-ebda aġġustament f’każijiet fejn kumpaniji legalment separati kienu dipartimenti tal-bejgħ interni li jiffurmaw Entità Ekonomika Singola (SEE, Single Economic Entity).
(171) Il-Kummissjoni pprovdiet fil-premessa (147) ir-raġunijiet għaliex qieset lil AHB bħala negozjant li għandu funzjonijiet simili għal dawk ta’ aġent li jaħdem fuq bażi ta’ kummissjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni sabet li din is-sejba kienet biżżejjed biex isir aġġustament għall-prezz tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku u ma kienet meħtieġa l-ebda prova ulterjuri f’dan il-kuntest. Barra minn hekk, Huaheng Group qatt ma kien asserixxa li AHB u l-produttur esportatur kienu jiffurmaw SEE. Huwa mfakkar li skont il-ġurisprudenza fejn il-Kummissjoni tkun ġabet evidenza konsistenti li distributur affiljat ma’ produttur iwettaq funzjonijiet komparabbli ma’ dawk ta’ aġent li jaħdem fuq bażi ta’ kummissjoni, tkun ir-responsabbiltà ta’ dak id-distributur jew ta’ dak il-produttur li jġib evidenza li aġġustament skont l-Artikolu 2(10)(i) tar-Regolament bażiku ma huwiex iġġustifikat, pereżempju billi juri li jifformaw entità ekonomika unika.
(172) Fin-nuqqas ta’ kummenti oħra dwar l-aġġustamenti għall-prezz tal-esportazzjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha fil-premessi (272) sa (276) tar-Regolament proviżorju.
Marġnijiet tad-dumping
(173) Kif deskritt fil-premessi (144) sa (145) u (164) sa (165), wara l-asserzjonijiet tal-partijiet interessati, il-Kummissjoni rrevediet il-marġnijiet tad-dumping.
(174) Il-marġnijiet tad-dumping definittivi espressi bħala perċentwal tal-prezz tal-kost, assigurazzjoni u nol (CIF, cost, insurance and freight) fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju mhux imħallas, huma kif ġej: Kumpanija Marġni tad-dumping definittiv (%) CJ (Shengyang) Biotechnology Co., Ltd. 31,3 Bayannur Huaheng Biotechnology Co., Ltd. 53,8 Kumpaniji oħrajn li kkooperaw 42,2 L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina 53,8
DANNU Definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni
(175) Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar id-determinazzjoni tal-industrija tal-Unjoni u tal-produzzjoni tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (281) sa (283) tar-Regolament proviżorju.
Konsum tal-Unjoni
(176) Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar il-konsum tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (284) sa (289) tar-Regolament proviżorju.
L-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat
(177) Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (290) sa (294) tar-Regolament proviżorju.
Prezzijiet tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat u twaqqigħ tal-prezz
(178) Fin-nuqqas ta’ kummenti, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (295) u (301) tar-Regolament proviżorju.
(179) Wara li tqieset il-korrezzjoni fil-kalkolu kif speċifikat fil-premessa (195), ir-riżultat tat-tqabbil tal-prezzijiet, espress bħala perċentwal tal-fatturat teoretiku tal-industrija tal-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, ġie rivedut u wera marġni medju ponderat ta’ twaqqigħ tal-prezz ta’ bejn 15,0 % u 22,2 % mill-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat fis-suq tal-Unjoni.
Sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni Kummenti ġenerali
(180) Fin-nuqqas ta’ kummenti, il-Kummissjoni kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha stabbiliti fil-premessi (302) sa (306) tar-Regolament proviżorju.
Indikaturi makroekonomiċi Produzzjoni, kapaċità tal-produzzjoni u użu tal-kapaċità
(181) Fin-nuqqas ta’ kummenti li jikkonċernaw il-produzzjoni, il-kapaċità tal-produzzjoni u l-użu tal-kapaċità, ġew ikkonfermati l-premessi (307) sa (310) fir-Regolament proviżorju.
Volum tal-bejgħ u sehem mis-suq
(182) Fin-nuqqas ta’ kummenti li jikkonċernaw il-volum tal-bejgħ u s-sehem mis-suq, ġew ikkonfermati l-premessi (311) sa (313) fir-Regolament proviżorju.
Impjiegi u produttività
(183) Fin-nuqqas ta’ kummenti li jikkonċernaw l-impjiegi u l-produttività, ġew ikkonfermati l-premessi (314) sa (316) fir-Regolament proviżorju.
Daqs tal-marġni tad-dumping u rkupru minn dumping fil-passat
(184) Fin-nuqqas ta’ kummenti li jikkonċernaw id-daqs tal-marġni tad-dumping u l-irkupru mid-dumping fil-passat, ġew ikkonfermati l-premessi (317) sa (318) fir-Regolament proviżorju.
Indikaturi mikroekonomiċi Prezzijiet u fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet
(185) Fin-nuqqas ta’ kummenti li jikkonċernaw il-prezzijiet u l-fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet, ġew ikkonfermati l-premessi (319) sa (321) fir-Regolament proviżorju.
Kostijiet lavorattivi
(186) Fin-nuqqas ta’ kummenti li jikkonċernaw il-kostijiet lavorattivi, ġew ikkonfermati l-premessi (322) sa (323) fir-Regolament proviżorju.
Inventarji
(187) Fin-nuqqas ta’ kummenti li jikkonċernaw l-inventarji, ġew ikkonfermati l-premessi (324) sa (326) fir-Regolament proviżorju.
Profittabilità, fluss tal-flus, investimenti, redditu fuq l-investimenti u kapaċità li jiġi ġġenerat kapital
(188) Fin-nuqqas ta’ kummenti li jikkonċernaw il-profittabbiltà, il-fluss tal-flus, l-investimenti, ir-redditu fuq l-investimenti u l-kapaċità li jiġi ġġenerat kapital, ġew ikkonfermati l-premessi (327) sa (332) fir-Regolament proviżorju.
Konklużjoni dwar id-dannu
(189) Fin-nuqqas ta’ kummenti ulterjuri, il-Kummissjoni kkonkludiet, abbażi tas-sejbiet żvelati fir-Regolament proviżorju, li l-industrija tal-Unjoni ġarrbet dannu materjali skont it-tifsira tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku u l-premessi (333) sa (338) tar-Regolament proviżorju ġew ikkonfermati.
KAWŻALITÀ Effetti tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping
(190) Fin-nuqqas ta’ kummenti, ġew ikkonfermati l-premessi (339) sa (341) fir-Regolament proviżorju.
Effetti ta’ fatturi oħrajn Importazzjonijiet minn pajjiżi terzi
(191) Fin-nuqqas ta’ kummenti, ġew ikkonfermati l-premessi (342) sa (343) fir-Regolament proviżorju.
Prestazzjoni tal-esportazzjoni tal-industrija tal-Unjoni
(192) Fin-nuqqas ta’ kummenti, ġew ikkonfermati l-premessi (344) sa (347) fir-Regolament proviżorju.
Konklużjoni dwar il-kawżalità
(193) Fin-nuqqas ta’ kummenti, il-Kummissjoni kkonkludiet, abbażi tas-sejbiet żvelati fir-Regolament proviżorju, li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mir-RPĊ ikkawżaw dannu materjali lill-industrija tal-Unjoni u li l-fatturi l-oħrajn, meqjusin b’mod individwali jew b’mod kollettiv, la naqqsu u lanqas kisru r-rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u d-dannu materjali. Ġew ikkonfermati l-premessi (348) sa (352) fir-Regolament proviżorju.
LIVELL TAL-MIŻURI Marġni tad-dannu
(194) Fin-nuqqas ta’ kummenti, ġew ikkonfermati l-premessi (353) sa (359) fir-Regolament proviżorju.
(195) Fin-nuqqas ta’ kummenti, ġiet ikkonfermata l-premessa (360) tar-Regolament proviżorju. Madankollu, il-Kummissjoni nnotat li l-prezzijiet ta’ produttur esportatur wieħed ma ġewx aġġustati għal-livell fil-fruntiera tal-Unjoni għat-tqabbil tal-prezzijiet. Il-Kummissjoni kkoreġiet il-kalkolu kif xieraq u l-livell finali ta’ eliminazzjoni tad-dannu għall-produtturi esportaturi li kkooperaw u għall-kumpaniji l-oħrajn kollha huwa kif ġej: Pajjiż Kumpanija Marġni tad-dannu definittiv (%) Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina CJ (Shengyang) Biotechnology Co., Ltd. 118,1 Bayannur Huaheng Biotechnology Co., Ltd. 141,0 Kumpaniji oħrajn li kkooperaw 129,2 L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina 141,0
Konklużjoni dwar il-livell ta’ miżuri
(196) Wara l-valutazzjoni ta’ hawn fuq, id-dazji anti-dumping definittivi jenħtieġ li jiġu stabbiliti kif ġej f’konformità mal-Artikolu 7(2) tar-Regolament bażiku: Pajjiż Kumpanija Marġni tad-dumping (%) Marġni tad-dannu (%) Dazju anti-dumping definittiv (%) Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina CJ (Shengyang) Biotechnology Co., Ltd. 31,3 118,1 31,3 Bayannur Huaheng Biotechnology Co., Ltd. 53,8 141,0 53,8 Kumpaniji oħrajn li kkoperaw elenkati fl-Anness 42,2 129,2 42,2 L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina 53,8 141,0 53,8
INTERESS TAL-UNJONI Interess tal-industrija tal-Unjoni
(197) Fin-nuqqas ta’ kummenti, ġew ikkonfermati l-premessi (363) sa (366) fir-Regolament proviżorju.
Interess ta’ importaturi mhux relatati
(198) Fin-nuqqas ta’ kummenti, ġew ikkonfermati l-premessi (367) sa (369) fir-Regolament proviżorju.
Interess tal-utenti
(199) Fin-nuqqas ta’ kummenti, ġew ikkonfermati l-premessi (370) sa (374) fir-Regolament proviżorju.
Konklużjoni dwar l-interess tal-Unjoni
(200) Fin-nuqqas ta’ kummenti dwar l-interess tal-Unjoni, ġiet ikkonfermata l-premessa (375) tar-Regolament proviżorju.
MIŻURI ANTI-DUMPING DEFINITTIVI Miżuri definittivi
(201) Fid-dawl tal-konklużjonijiet milħuqa fir-rigward tad-dumping, tad-dannu, tal-kawżalità, tal-livell tal-miżuri u tal-interess tal-Unjoni, u f’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li jiġu imposti miżuri anti-dumping definittivi sabiex ma jiġix ikkawżat dannu ulterjuri lill-industrija tal-Unjoni mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping tal-prodott ikkonċernat.
(202) Abbażi ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-rati tad-dazju anti-dumping definittivi, espressi skont il-prezz CIF fil-fruntiera tal-Unjoni, bid-dazju doganali mhux imħallas, jenħtieġ li jkunu kif ġej: Pajjiż Kumpanija Dazju anti-dumping definittiv (%) Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina CJ (Shengyang) Biotechnology Co., Ltd. 31,3 Bayannur Huaheng Biotechnology Co., Ltd. 53,8 Kumpaniji oħrajn li kkooperaw 42,2 L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina 53,8
(203) Ir-rati tad-dazju anti-dumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament ġew stabbiliti abbażi tas-sejbiet ta’ din l-investigazzjoni. Għalhekk, dawn jirriflettu s-sitwazzjoni li nstabet matul din l-investigazzjoni fir-rigward ta’ dawn il-kumpaniji. B’hekk, dawn ir-rati tad-dazju huma applikabbli esklużivament għall-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni li joriġina mill-pajjiż konċernat u manifatturat mill-entitajiet legali msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat manifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija speċifikament, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u jenħtieġ li jkunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.
(204) Kumpanija tista’ titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali jekk hija sussegwentement tbiddel l-isem tal-entità tagħha. It-talba trid tiġi indirizzata lill-Kummissjoni. It-talba jrid ikun fiha l-informazzjoni rilevanti kollha li turi li l-bidla ma taffettwax id-dritt tal-kumpanija li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha. Jekk il-bidla fl-isem tal-kumpanija ma taffettwax id-dritt tagħha li tibbenefika mir-rata tad-dazju li tapplika għaliha, se jiġi ppubblikat Regolament dwar il-bidla tal-isem f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
(205) Sabiex jiġu minimizzati r-riskji ta’ ċirkomvenzjoni minħabba d-differenza fir-rati tad-dazju, huma meħtieġa miżuri speċjali biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa tad-dazji anti-dumping individwali. L-applikazzjoni tad-dazji anti-dumping individwali hija applikabbli biss mal-preżentazzjoni ta’ fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Il-fattura trid tikkonforma mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament. Sakemm tiġi ppreżentata tali fattura, jenħtieġ li l-importazzjonijiet ikunu soġġetti għad-dazju anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.
(206) Filwaqt li l-preżentazzjoni ta’ din il-fattura hija meħtieġa biex l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jkunu jistgħu japplikaw ir-rati tad-dazju anti-dumping individwali fuq l-importazzjonijiet, din mhijiex l-uniku element li għandu jitqies mill-awtoritajiet doganali. Tabilħaqq, anke jekk jiġu ppreżentati b’fattura li tissodisfa r-rekwiżiti kollha stabbiliti fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jwettqu l-kontrolli tas-soltu tagħhom u jistgħu, bħal fil-każijiet l-oħrajn kollha, ikunu jeħtieġu dokumenti addizzjonali (dokumenti tat-tbaħħir, eċċ.) bil-għan li jivverifikaw l-akkuratezza tad-dettalji li jinsabu fid-dikjarazzjoni u jiżguraw li l-applikazzjoni sussegwenti tar-rata tad-dazju tkun ġustifikata, f’konformità mal-liġi doganali.
(207) Jekk l-esportazzjonijiet minn waħda mill-kumpaniji li jibbenefikaw minn rati tad-dazju individwali aktar baxxi jiżdiedu b’mod sinifikanti fil-volum, b’mod partikolari wara l-impożizzjoni tal-miżuri kkonċernati, tali żieda fil-volum tista’ titqies bħala waħda li fiha nnifisha tikkostitwixxi bidla fix-xejra tal-kummerċ minħabba l-impożizzjoni ta’ miżuri skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. F’ċirkostanzi bħal dawn, tista’ tinbeda investigazzjoni antiċirkomvenzjoni, diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet sabiex din issir. Din l-investigazzjoni tista’, inter alia, teżamina l-ħtieġa għat-tneħħija ta’ rata(i) tad-dazju individwali u l-impożizzjoni konsegwenti ta’ dazju għall-pajjiż kollu.
(208) Sabiex jiġi żgurat infurzar xieraq tad-dazji anti-dumping, id-dazju anti-dumping għall-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw miċ-Ċina jenħtieġ li japplika mhux biss għall-produtturi esportaturi li ma kkooperawx f’din l-investigazzjoni, iżda wkoll għall-produtturi li ma kellhomx esportazzjonijiet lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.
(209) Jenħtieġ li l-produtturi esportaturi li ma esportawx il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ investigazzjoni jkunu jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni sabiex tkun soġġetta għar-rata tad-dazju anti-dumping għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tilqa’ talba bħal din dment li jiġu ssodisfati tliet kundizzjonijiet. Il-produttur esportatur il-ġdid ikollu juri li: (i) ma esportax il-prodott ikkonċernat lejn l-Unjoni matul il-PI; (ii) mhuwiex relatat ma’ produttur esportatur li għamel dan; u (iii) esporta l-prodott ikkonċernat wara dan jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jagħmel dan fi kwantitajiet sostanzjali.
Ġbir definittiv tad-dazji proviżorji
(210) Fid-dawl tal-marġnijiet ta’ dumping li nstabu u minħabba l-livell tad-dannu kkawżat lill-industrija tal-Unjoni, jenħtieġ li jinġabru b’mod definittiv l-ammonti ggarantiti permezz tad-dazji anti-dumping proviżorji, imposti bir-Regolament proviżorju, sal-livelli stabbiliti skont dan ir-Regolament.
Ġbir retroattiv
(211) Kif imsemmi fit-taqsima (1.2), il-Kummissjoni għamlet l-importazzjonijiet tal-prodott taħt investigazzjoni soġġetti għar-reġistrazzjoni.
(212) Matul l-istadju definittiv tal-investigazzjoni, ġiet ivvalutata d-data miġbura fil-kuntest tar-reġistrazzjoni. Il-Kummissjoni analizzat jekk il-kriterji skont l-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku kinux issodisfati għall-ġbir retroattiv tad-dazji definittivi.
(213) L-analiżi tal-Kummissjoni ma wriet l-ebda żieda sostanzjali ulterjuri fl-importazzjonijiet minbarra l-livell ta’ importazzjonijiet li kkawżaw dannu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, kif preskritt mill-Artikolu 10(4)(d) tar-Regolament bażiku. Għal din l-analiżi, il-Kummissjoni qabblet il-volumi medji tal-importazzjoni fix-xahar tal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta’ investigazzjoni li kienu fil-livell ta’ [1750 – 2417] MT/xahar, mal-volumi medji tal-importazzjoni fix-xahar matul il-perjodu mix-xahar ta’ wara l-bidu ta’ din l-investigazzjoni sal-aħħar xahar sħiħ qabel l-impożizzjoni tal-miżuri proviżorji (1455 MT/xahar). Barra minn hekk, meta l-volumi medji tal-importazzjoni ta’ kull xahar tal-prodott ikkonċernat matul il-perjodu ta’ investigazzjoni jitqabblu mal-volumi medji tal-importazzjoni ta’ kull xahar matul il-perjodu mix-xahar ta’ wara l-bidu ta’ din l-investigazzjoni sa u inkluż ix-xahar li fih ġew imposti l-miżuri proviżorji (1320 MT/xahar), ma setgħet tiġi osservata l-ebda żieda. Perjodu PI Jannar – Lulju 2025 Jannar – Awwissu 2025 Il-volumi medji ta’ importazzjoni ta’ kull xahar (MT/xahar) [1750 – 2417] 1455 1320
(214) Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet kif stabbiliti fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku għall-applikazzjoni retroattiva tad-dazju anti-dumping definittiv ma ġewx issodisfati.
(215) Fit-tweġiba għad-divulgazzjoni finali, l-ilmentatur ma qabilx mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni u asserixxa li abbażi tad-data mill-informazzjoni speċjalizzata dwar is-suq mogħtija fl-ilment u fit-tweġibiet għall-kwestjonarju, li l-Kummissjoni użatha wkoll biex tistabbilixxi l-volumi tal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat matul l-investigazzjoni, il-kundizzjonijiet għall-ġbir retroattiv tad-dazji kienu ġew issodisfati. Skont din id-data, l-ilmentatur argumenta li l-importazzjonijiet ta’ kull xahar tal-prodott ikkonċernat żdiedu b’mod sinifikanti wara l-PI. B’mod speċifiku, l-ilmentatur asserixxa li fis-sena 2024, il-konsenji ta’ kull xahar bħala medja kienu bejn tunnellata u 2,5 tunnellati ta’ valina, u l-konsenji mbagħad laħqu sa sitt darbiet dak l-ammont fi Frar 2025 u li ntbagħtu volumi għoljin ħafna lejn l-Unjoni fi Frar u f’Marzu 2025, ħaġa li tindika li kienu qed jiġu akkumulati l-istokkijiet. Din iż-żieda fl-esportazzjonijiet miċ-Ċina lejn l-Unjoni wara l-PI turi li l-kundizzjonijiet għall-ġbir retroattiv tad-dazji ġew issodisfati, u għalhekk l-ilmentatur talab lill-Kummissjoni timponi d-dazji b’mod retroattiv.
(216) Meta stabbiliet il-volum tal-importazzjoni, il-Kummissjoni aġġustat id-data pprovduta mill-ilmentatur mill-informazzjoni speċjalizzata dwar is-suq, kif deskritt fil-premessi (287) u (290) tar-Regolament proviżorju, b’korrezzjonijiet li jirriżultaw minn data kontroverifikata sottomessa mill-esportaturi li kkooperaw ivverifikata fuq il-post. Barra minn hekk, mill-bidu tal-investigazzjoni, kien hemm kodiċi TARIC separat għall-prodott ikkonċernat, li ppermetta lill-Kummissjoni tibbaża bis-sħiħ fuq l-istatistika tal-importazzjoni pprovduta mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni ma sabet l-ebda raġuni biex tiddiskredita din id-data u għalhekk qabblet l-importazzjonijiet medji ta’ kull xahar irrapportati mill-Istati Membri mal-importazzjonijiet medji ta’ kull xahar iddeterminati għall-PI, kif stabbilit fit-Taqsima 4.3 tar-Regolament proviżorju. Għalhekk, il-Kummissjoni ma ssibx li l-asserzjoni tal-ilmentatur hija sostanzjata u kkonfermat il-konklużjoni tagħha li l-kundizzjonijiet kif stabbiliti fl-Artikolu 10(4) tar-Regolament bażiku għall-ġbir retroattiv tad-dazju anti-dumping definittiv ma ġewx issodisfati.
DISPOŻIZZJONI FINALI
(217) Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament (UE, Euratom) 2024/2509 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, meta ammont ikun irid jiġi rimborżat wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jenħtieġ li l-imgħax li jrid jitħallas ikun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet ta’ rifinanzjament ewlenin tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar.
(218) Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036,
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Dazju anti-dumping definittiv huwa impost fuq l-importazzjonijiet tal-valina u tal-esteri tagħha, l-imluħa tagħha, bħala kompost organiku separat definit kimikament, kemm jekk fih impuritajiet kif ukoll jekk le, li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex29224985 (kodiċi TARIC 2922498587) u li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.
2. Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u manifatturati mill-kumpaniji elenkati hawn taħt, għandha tkun kif ġej: Pajjiż ta’ oriġini Kumpanija Dazju anti-dumping definittiv (%) Kodiċi addizzjonali TARIC Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina CJ (Shengyang) Biotechnology Co., Ltd. 31,3 89TX Bayannur Huaheng Biotechnology Co., Ltd. 53,8 89TY Kumpaniji oħrajn li kkoperaw elenkati fl-Anness 42,2 L-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina 53,8 8999
3. L-applikazzjoni tar-rati tad-dazju individwali speċifikati għall-kumpaniji msemmija fil-paragrafu 2 għandha ssir bil-kundizzjoni li tiġi ppreżentata fattura kummerċjali valida lill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, li fuqha għandha tidher dikjarazzjoni datata u ffirmata minn uffiċjal tal-entità li toħroġ tali fattura, identifikat b’ismu u bil-kariga tiegħu, abbozzata kif ġej: Jien, is-sottoskritt, niċċertifika li (l-volum fl-unità li qed nużaw) ta’ (il-prodott ikkonċernat) mibjugħ għall-esportazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea kopert minn din il-fattura ġie manifatturat minn (isem u indirizz tal-kumpanija) (kodiċi addizzjonali TARIC) fi [pajjiż ikkonċernat]. Jien niddikjara li l-informazzjoni pprovduta f’din il-fattura hija kompluta u korretta. Sakemm tiġi ppreżentata tali fattura, għandu japplika d-dazju applikabbli għall-importazzjonijiet l-oħrajn kollha li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.
4. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.
Artikolu 2 L-ammonti garantiti permezz tad-dazju anti-dumping proviżorju skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2025/1737, għandhom jinġabru b’mod definittiv. L-ammonti garantiti ogħla mir-rati definittivi tad-dazju anti-dumping għandhom jiġu rilaxxati.
Artikolu 3 L-Artikolu 1(2) jista’ jiġi emendat biex iżid produtturi esportaturi ġodda mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u jagħmilhom soġġetti għar-rata medja ponderata xierqa ta’ dazju anti-dumping għall-kumpaniji li kkooperaw mhux inklużi fil-kampjun. Produttur esportatur ġdid għandu jipprovdi evidenza li: (a) ma esportax l-oġġetti deskritti fl-Artikolu 1(1) matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (1 ta’ Ottubru 2023 sat-30 ta’ Settembru 2024); (b) mhuwiex relatat ma’ esportatur jew produttur soġġett għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament, u li seta’ kkoopera fl-investigazzjoni oriġinali; u (c) effettivament esporta l-prodott ikkonċernat jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni.
Artikolu 3
(a) ma esportax l-oġġetti deskritti fl-Artikolu 1(1) matul il-perjodu ta’ investigazzjoni (1 ta’ Ottubru 2023 sat-30 ta’ Settembru 2024);
(b) mhuwiex relatat ma’ esportatur jew produttur soġġett għall-miżuri imposti minn dan ir-Regolament, u li seta’ kkoopera fl-investigazzjoni oriġinali; u
(c) effettivament esporta l-prodott ikkonċernat jew daħal f’obbligu kuntrattwali irrevokabbli sabiex jesporta kwantità sinifikanti lejn l-Unjoni wara t-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni.
Artikolu 4 Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha. Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Frar 2026. Għall-Kummissjoni Il-President Ursula von der Leyen
ANNEX
Anx. anness. Pajjiż Isem Kodiċi addizzjonali TARIC Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina Xinjiang Meihua Amino Acid Co., Ltd. Tongliao Meihua Biological Sci-tech Co., Ltd. 89TZ Ningxia EPPEN Biotech Co., Ltd. 89UA Hulunbeier Northeast Fufeng Biotechnologies Co., Ltd. Xinjiang Fufeng Biotechnologies Co., Ltd. 89UB
ANNESS Produtturi esportaturi oħra li kkooperaw li ma humiex fil-kampjun
Pajjiż Isem Kodiċi addizzjonali TARIC Ir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina Xinjiang Meihua Amino Acid Co., Ltd. Tongliao Meihua Biological Sci-tech Co., Ltd. 89TZ Ningxia EPPEN Biotech Co., Ltd. 89UA Hulunbeier Northeast Fufeng Biotechnologies Co., Ltd. Xinjiang Fufeng Biotechnologies Co., Ltd. 89UB