Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta’ Jannar 2010 dwar l-Għajnuna mill-Istat C 27/08 (ex N 426/05) implimentata mill-Ġermanja għal Sovello AG (qabel EverQ GmbH) (notifikata bid-dokument numru C(2010) 172) (Il-test bil-Ġermaniż biss huwa awtentiku) (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (2010/358/UE)
Grade B
mapped from publisher markup. A grade says how a document's structure was obtained, not how reliable the law is.
Address https://gelex.eu/eli/EU/act/2010/358@2010-01-27/mt
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) tiegħu,
Wara li kkunsidrat il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 62(1)(a) tiegħu,
Wara li talbet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom skont id-dispożizzjonijiet imsemmija hawn fuq,
Billi: PROĊEDURA
(1) B’ittra datata 29 ta’ Awwissu 2005, irreġistrata bħala li waslet fl-1 ta’ Settembru 2005, il-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni dwar għajnuna li kellha tingħata fil-forma ta’ bonus tal-SME lil EverQ GmbH (minn hawn 'il quddiem: Sovello. B’ittri datati 28 ta’ Ottubru 2005, 24 ta’ Jannar 2006 u 4 ta’ April 2006, f’kull każ irreġistrati bħala li waslu fl-istess ġurnata, il-Ġermanja pprovdiet lill-Kummissjoni b’aktar informazzjoni.
(2) Fis-7 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni approvat, taħt ir-referenza C(2006) 2092 finali, il-bonus tal-SME għal Sovello (kawża dwar għajnuna mill-Istat N 426/05.
(3) Matul l-eżami tagħha ta’ miżura ta’ għajnuna oħra għal Sovello li ġiet innotifikata (kawża dwar għajnuna mill-Istat C 21/08 - ex N 864/06), il-Kummissjoni skopriet evidenza li d-deċiżjoni dwar il-kawża tal-għajnuna mill-Istat N 426/05 setgħet kienet ibbażata fuq informazzjoni inkompleta/mhux korretta ppreżentata matul il-proċedura ta’ notifika.
(4) B’ittra datata 17 ta’ Marzu 2008, il-Kummissjoni tat lill-Ġermanja l-opportunità sabiex tikkummenta dwar l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali qabel ma possibbilment tirrevoka d-deċiżjoni tagħha tas-7 ta’ Ġunju 2006, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE. Il-Ġermanja ssottomettiet il-kummenti tagħha b’ittri datati 15 ta’ April 2008, irreġistrati bħala li waslu fil-15 u s-16 ta’ April 2008 rispettivament.
(5) B’ittra datata 17 ta’ Ġunju 2008 C(2008)2669 finali, il-Kummissjoni infurmat lill-Ġermanja li hija kienet iddeċidiet li tibda l-proċedura stipulata fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward tal-bonus tal-SME mogħti lil Sovello.
(6) Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tibda l-proċedura ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-Kummissjoni stiednet lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom.
(7) Il-Ġermanja ssottomettiet il-kummenti tagħha b’ittra datata 10 ta’ Settembru 2008, irreġistrata bħala li waslet fl-istess ġurnata. Il-Ġermanja ssottomettiet aktar kummenti b’ittri datati 20 ta’ Marzu, 13 ta’ Mejju u 16 ta’ Novembru 2009, irreġistrati bħala li waslu fl-istess ġurnata, rispettivament. Laqgħat bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Ġermaniżi saru fit-2 ta’ April u fit-13 ta’ Ottubru 2009.
(8) Il-Kummissjoni ma rċeviet ebda kumment minn partijiet terzi.
DESKRIZZJONI DETTALJATA TAL-GĦAJNUNA Il-proġett
(9) L-għan tal-proġett ta’ għajnuna (għajnuna reġjonali mogħtija taħt skemi ta’ għajnuna approvati flimkien mal-bonus innotifikat tal-SME) kien li jinbena impjant ġdid ta’ 30 MWp (Sovello1) biex jiġu mmanifatturati moduli solari (ProdCom kodiċi 32.10.52.37) li jużaw teknoloġija String-Ribbon. L-impjant il-ġdid kien l-ewwel sit tal-produzzjoni ta’ Sovello. Il-bini beda f’Diċembru 2004. Il-fabbrika kienet maħsuba li jkollha kapaċità nominali ta’ produzzjoni ta’ 30 Megawatt massimu u li tkun funzjonali sal-31 ta’ Diċembru 2007. Fil-fatt Sovello1 bdiet il-produzzjoni f’April 2006.
Il-benefiċjarju
(10) Il-benefiċjarju tal-għajnuna nnotifikata huwa Sovello. Sovello ġiet stabbilita bħala impriża konġunta f’Diċembru 2004 minn Q-Cells SE (minn hawn 'il quddiem: Q-Cells) - li kellha 24,9 % tal-ishma - u l-kumpanija Amerikana Evergreen Solar Inc. (minn hawn 'il quddiem: Evergreen) - li kellha 75,1 %. Din is-sitwazzjoni hija riflessa fil-ftehim inizjali prinċipali ta’ impriża konġunta datat 14 ta’ Jannar 2005 (minn hawn 'il quddiem: MJVA1) bejn Evergreen u Q-Cells. Kif indikat fil-MJVA1, qabel id-data ta’ dan il-ftehim, Q-Cells akkwistat Topas 107 V.V. GmbH, kumpanija finta (shell company), li Q-Cells kellha tikkawża li ssir Sovello (f’dak iż-żmien EverQ). L-isem tal-kumpanija finta ġie mibdul għal EverQ fil-11 ta’ Frar 2005.
(11) Evergreen tipproduċi moduli solari u tippossjedi privattiva fit-teknoloġija String-Ribbon. Q-Cells hija waħda mill-akbar produtturi ta’ ċelloli solari fid-dinja. L-għan tal-impriża konġunta Sovello l-ewwel kien li tittestja l-vijabilità ekonomika tal-produzzjoni ta’ moduli solari — ibbażata fuq it-teknoloġija String-Ribbon miġjuba minn Evergreen, u l-għarfien dwar il-manifattura taċ-ċelloli u l-esperjenza ta’ Q-Cells fis-suq Ġermaniż — u fi stadju aktar tard li tippermetti l-manifattura industrijali ta’ moduli String-Ribbon.
(12) F’Novembru 2005, il-Korporazzjoni għall-Enerġija li Tiġġedded ASA (Norveġja) (minn hawn 'il quddiem: REC) issieħbet fl-impriża konġunta u ħadet sehem ta’ 15 % (ibbażat fuq kuntratt għall-kunsinna tas-silikon lil Sovello), biex Evergreen u Q-Cells naqqsu l-ishma tagħhom għal 64 % u 21 % rispettivament. Din is-sitwazzjoni hija riflessa fit-tieni ftehim tal-impriża konġunta datat 25 ta’ Novembru 2005 (minn hawn ‘il quddiem il-MJVA2) bejn Evergreen, Q-Cells u REC. REC hija fost l-akbar produtturi dinjija ta’ materjali tas-silikon għall-industrija fotovoltajka.
(13) Fiż-żmien tan-notifika, Q-Cells u REC kellhom azzjonist konġunt, il-kumpanija b’kapital ta’ riskju Good Energies Investment BV (minn hawn 'il quddiem: Good Energies). Din il-kumpanija kellha 16 % tal-ishma ta’ Q-Cells u 39 % tal-ishma ta’ REC (sitwazzjoni fis-7 ta’ Marzu 2006). L-awtoritajiet Ġermaniżi sostnew li ma kienet teżisti l-ebda relazzjoni ulterjuri bejn Q-Cells, REC u Evergreen apparti l-ishma tagħhom f’Sovello.
(14) Mid-19 ta’ Diċembru 2006, l-imsieħba Evergreen, Q-Cells u REC kull waħda kellha sehem ta’ 33,3 % f’Sovello (emenda fil-MJVA2 datata 29 ta’ Settembru 2006).
(15) Fil-5 ta’ Frar 2007, Q-Cells ħabbret il-pjani tagħha biex tieħu sehem ta’ 17,9 % f’REC. Fl-istess data, Good Energies ħabbret fi stqarrija għall-istampa li hija kienet se tbigħ is-sehem tagħha f’REC lil Q-Cells u Orkla ASA (26 ta’ Frar 2007).
(16) L-istruttura azzjonarja preżenti ta’ Sovello hija rappreżentata fil-figura hawn taħt (sitwazzjoni fit-tielet trimestru tal-2009):
(17) Diversi dokumenti tal-kumpaniji u deċiżjonijiet tal-azzjonisti juru l-iżvilupp ta’ Sovello. Id-dokument bit-titlu Proġett Sovello: Kapijiet ta’ Ftehim (minn hawn ‘il quddiem il-Kapijiet ta’ Ftehim) ġie ffirmat mis-CEOs ta’ Evergreen u Q-Cells qabel il-MJVA1. Dan il-ftehim jispjega transazzjoni possibbli bejn iż-żewġ kumpaniji rigward l-istabbiliment u t-tmexxija ta’ impriża konġunta għall-iżvilupp, manifattura u bejgħ ta’ prodotti solari bbażati fuq it-teknoloġija String-Ribbon. It-test isemmi l-ftehim tal-imsieħba li, sabiex jikkwalifikaw għal ċerti sussidji tal-gvern Ġermaniż, is-sjieda ta’ Q-Cells f’Sovello riedet tkun inqas minn 25 %. Huwa jfittex ukoll li jassigura li ż-żewġ imsieħba jkollhom vuċi fid-deċiżjonijiet importanti tal-kumpanija, u jinkludi dispożizzjonijiet li jindikaw ir-rwol essenzjali ta’ Q-Cells għall-operabilità tal-impriża konġunta.
(18) L-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni ta’ Sovello jagħtu wkoll drittijiet sostanzjali ta’ teħid tad-deċiżjonijiet lil Q-Cells (il-bord superviżorju huwa kompost minn żewġ persuni maħtura minn Evergreen u persuna minn Q-Cells, iżda għal diversi deċiżjonijiet strateġiċi huwa meħtieġ il-qbil ta’ mill-anqas persuna maħtura waħda ta’ kull imsieħeb).
(19) Il-MJVA1 jistabbilixxi s-sehem ta’ Evergreen f’Sovello għal 75.1 % u dak ta’ Q-Cells għal 24.9 %. Madankollu, jinkludi l-possibbiltà li Q-Cells iżżid l-interess proprjetarju tagħha għal 50 %, bil-kundizzjoni li dan ma jwassalx għal tnaqqis fl-għotjiet ta’ investiment. Il-MJVA1 jipprovdi wkoll għal ftehimiet oħra possibbli bejn l-imsieħba (dwar servizzi, teknoloġija u kummerċjalizzazzjoni). Fil-prattika, il-moduli prodotti minn Sovello ġew distribwiti minn Evergreen taħt il-marka ta’ Evergreen (sa kmieni fl-2009).
(20) Il-MJVA2 jistabbilixxi l-istruttura azzjonarja segwenti: Evergreen 64 %, Q-Cells 21 % u REC 15 %. Huwa jikkonferma l-possibbiltà għal Q-Cells li żżid is-sehem tagħha sal-istess livell ta’ Evergreen, filwaqt li l-possibbiltà li REC iżżid is-sehem tagħha għal 21 % u għal 33,3 % hija soġġetta għal iżjed kuntratti ta’ forniment tas-silikon.
(21) Tabella I Żvilupp ta’ Sovello
It-Tabella I hawn isfel tagħti linja taż-żmien li turi l-iżvilupp ta’ Sovello permezz ta’ dokumenti importanti u deċiżjonijiet tal-kumpanija. Data Dokument jew avveniment Struttura azzjonarja Sajf 2004 Kapijiet ta’ Ftehim Evergreen 75,1 %, Q-Cells 24,9 % 27.12.2004 Applikazzjoni għall-għajnuna 13.1.2005 Artikoli ta’ Assoċjazzjoni ta’ Sovello 14.1.2005 Ftehim inizjali tal-impriża konġunta (MJVA1) 21.4.2005 Għoti tal-għajnuna 1.9.2005 Notifika tal-bonus tal-SME (N 426/05) 25.11.2005 Tieni ftehim tal-impriża konġunta (MJVA2) REC 15 %, Evergreen 64 %, Q-Cells 21 % 7.6.2006 Approvazzjoni tal-bonus tal-SME mill-Kummissjoni (N 426/05) 29.9.2006 (effettiva sa mid- 19.12.2006) Modifika tal-MJVA2 Evergreen, Q-Cells u REC kull waħda 33,3 %
Spejjeż ta’ investiment u l-iffinanzjar tal-proġett
(22) Tabella II Analiżi tal-ispejjeż tal-proġett (valuri nominali)
Il-proġett jinvolvi spejjeż totali ta’ investiment b’valur nominali ta’ EUR 65699302, li EUR 60873300 minnhom huma eliġibbli għall-għajnuna reġjonali. It-Tabella II hawn isfel tagħti analiżi tal-ispejjeż totali ta’ investiment għall-proġett innotifikat. (f‘EUR) Kategorija tal-investiment Ammont Art […] Bini […] Makkinarju/tagħmir […] Spejjeż totali tal-investiment 65699302 Spejjeż totali eliġibbli 60873300
(23) Tabella III Iffinanzjar tal-proġett (valuri nominali)
Minbarra l-għajnuna li saret applikazzjoni għaliha, il-proġett ġie ffinanzjat billi ntużaw riżorsi proprji u self mill-banek. It-Tabella III tagħti ħarsa ġenerali tal-iffinanzjar tal-proġett innotifikat. (f‘EUR) Riżorsa Ammont Riżorsi proprji […] Għotja taħt il-programm tal-Gvern Federali Konġunt/Programm Länder 14142000 Primjum tal-investiment 14329100 Self mill-bank (mhux kopert b’garanzija pubblika) 8000000 Self mill-kumpaniji prinċipali […] Total 65699302
L-intensità massima tal-għajnuna reġjonali applikabbli
(24) L-investiment jinsab f’Thalheim, Landkreis Bitterfeld, Saxony-Anhalt, il-Ġermanja, żona assistita skont l-Artikolu 107(3)(a) TFUE, b’limitu ta’ intensità tal-għajnuna ta’ 35 % għotja sħiħa ekwivalenti (GGE - gross grant equivalent), skont il-Linji gwida dwar l-għajnuna reġjonali nazzjonali (minn hawn ‘il quddiem ir-RAG 1998) u l-mappa tal-għajnuna reġjonali stabbilita għall-Ġermanja u fis-seħħ sal-aħħar tal-2006.
L-ammont tal-għajnuna u l-intensità tal-għajnuna
(25) L-għajnuna taħt skrutinju tikkonċerna bonus tal-SME ta’ 15-il punt perċentwali, innotifikat taħt N 426/05 kif mitlub mid-deċiżjoni tal-approvazzjoni skont l-Artikolu 4(3)(b) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 70/2001 tat-12 ta’ Jannar 2001 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 87 u 88 tat-Trattat tal-KE għall-għajnuna tal-Istat lill-impriżi żgħar u ta’ daqs medju (minn hawn ‘il quddiem ir-Regolament dwar l-eżenzjoni ġenerali tal-SMEs), li għandu jingħata bħala żieda mal-għajnuna reġjonali mogħtija lil Sovello fuq il-bażi tal-iskemi eżistenti tal-għajnuna reġjonali, il-Programm Konġunt tal-Gvern Federali/Länder (Gemeinschaftsaufgabe) għat-Titjib tal-Istrutturi Ekonomiċi Reġjonali (għajnuna mill-Istat N 642/02, il-Liġi dwar il-Primjum għall-Investiment (għajnuna mill-Istat N 142a/04. Il-bonus tal-SME jikkorrispondi għal ammont ta’ għajnuna ta’ EUR 9130995.
Valutazzjoni tal-istatus ta’ SME ta’ Sovello fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni N 426/2005
(26) Fil-każ tal-SMEs, ir-RAG 1998 jippermetti li l-għajnuna reġjonali għall-investiment tiġi supplimentata b’bonus tal-SME. Il-bonus tal-SME lil Sovello ngħata bħala żieda mal-għajnuna reġjonali mogħtija legalment tħat il-Programm Konġunt tal-Gvern Federali Ġermaniż/Länder.
(27) Sabiex ikun stabbilit jekk kumpanija tikkostitwix SME, il-Kummissjoni tapplika r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 dwar id-definizzjoni tal-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (minn hawn ‘il quddiem ir-Rakkomandazzjoni dwar l-SMEs). B’mod partikolari, hija tittestja jekk il-kumpanija tilħaqx ċerti limiti (ammont ta’ persunal, fatturat, total fil-karta tal-bilanċ). F’dawn it-testijiet, tiġi kkunsidrata l-informazzjoni korrispondenti għall-impriżi kollegati (dawk li għandhom influwenza dominanti, prinċipalment billi jkollhom il-maġġoranza ta’ drittijiet tal-vot), filwaqt li l-informazzjoni għall-impriżi msieħba (dawk li jkollhom minimu ta’ 25 % tal-ishma jew drittijiet tal-vot) tiġi kkunsidrata b’mod proporzjonali mas-sehem tagħhom fl-impriża fil-mira.
(28) Fid-Deċiżjoni tagħha N 426/05 (ara l-paragrafu 2 hawn fuq), il-Kummissjoni inkludiet fil-kalkolu tagħha l-informazzjoni rilevanti dwar Sovello u dwar Evergreen, iżda mhux l-informazzjoni dwar Q-Cells u REC, billi fiż-żmien tan-notifika u sakemm il-Kummissjoni ħadet id-deċiżjoni tal-approvazzjoni tagħha, huma kellhom inqas minn 25 % tal-ishma jew drittijiet tal-vot. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li Sovello kienet SME, u approvat l-għajnuna notifikata.
RAĠUNIJIET GĦALL-FTUĦ TAL-PROĊEDURA TA’ INVESTIGAZZJONI FORMALI L-informazzjoni ġdida
(29) L-informazzjoni ġdida li skopriet il-Kummissjoni waqt il-valutazzjoni tagħha ta’ miżura oħra nnotifikata ta’ għajnuna għal Sovello tirrigwarda l-MJVA1 bejn Evergreen u Q-Cells dwar il-ħolqien ta’ Sovello, li ma ġiex ippreżentat lill-Kummissjoni waqt l-investigazzjoni preliminari fil-każ N 426/2005. Din l-informazzjoni wasslet għal tħassib li l-imsieħba fl-impriża konġunta kienu żammew artifiċjalment is-sehem ta’ Q-Cells taħt 25 % (inizjalment għal 24,9 %) sabiex jiksbu ammont akbar ta’ għajnuna mill-Istat (inkluż bonus tal-SME), minkejja li Q-Cells kienet rappreżentata fil-bord tal-impriża konġunta permezz ta’ wieħed minn tliet diretturi, bi dritt tal-veto fuq deċiżjonijiet importanti. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni stiednet lill-Ġermanja sabiex tikkummenta dwar l-intenzjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali qabel ma possibbilment tirrevoka d-deċiżjoni oriġinali tagħha tas-7 ta’ Ġunju 2006 (ara l-paragrafu 2), skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999.
(30) B’ittra datata 15 ta’ April 2008, il-Ġermanja ssottomettiet kopja tal-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni ta’ Sovello u tal-Kapijiet ta’ Ftehim, kif ukoll kopji notarizzati tal-MJVA1, il-MJVA2 u l-MJVA2 emendat. F’din l-ittra, il-Ġermanja sostniet li fil-każ ta’ Sovello, il-kriterji formali fir-rigward tal-limiti kif definiti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni kienu ssodisfati fiż-żmien tan-notifika u li fir-Rakkomandazzjoni dwar l-SMEs m’hemmx indikati kriterji oħra definiti b’mod ċar u li jistgħu jintużaw fil-prattika. Il-Ġermanja argumentat li dawn il-kriterji formali għall-istabbiliment tal-istatus ta’ SME ta’ impriża għandhom ikunu deċiżivi, sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u l-prevedibilità tal-politika ta’ monitoraġġ tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-istat. Jekk il-Kummissjoni tħoss li dawn il-kriterji formali m’għadhomx adegwati, hija għandha tikkunsidra li tbiddel ir-regoli applikabbli stess pjuttost milli tbiddel il-prattika tagħha fil-kuntest ta’ każijiet individwali.
(31) Il-Ġermanja osservat ukoll li hija la ħbiet u lanqas żammet apposta informazzjoni fiż-żmien tan-notifika, u li l-ishma inizjali tal-azzjonisti (75,1 % għal Evergreen u 24,9 % u Q-Cells) kienu bbażati fuq raġunijiet ekonomiċi. Il-Ġermanja rrimarkat ukoll li s-sehem ta’ Q-Cells fl-impriża konġunta inizjali ma ħelisx lil Sovello mill-iżvantaġġi li tipikament jaffettwaw lil SMEs li jkunu qegħdin jibdew.
Konsegwenzi possibbli tal-informazzjoni ġdida għall-valutazzjoni
(32) Madankollu, il-Kummissjoni sabet li, għalkemm Sovello kienet tissodisfa l-kriterji formali tad-definizzjoni ta’ SME, kien hemm indikazzjonijiet qawwija li dan kien il-każ biss minħabba li s-sehem ta’ Q-Cells f’Sovello nżamm artifiċjalment taħt 25 %, bl-iskop li jinkiseb bonus tal-SME, filwaqt li l-influwenza effettiva ta’ Q-Cells fuq Sovello kienet iżjed b’saħħitha. Il-Kummissjoni għalhekk ikkonkludiet li hija trid tkun attenta għall-possibilità li l-istruttura azzjonarja tal-benefiċjarju ġiet immanipulata bil-għan li tkun tista’ ddur mad-definizzjoni ta’ SME.
(33) L-informazzjoni ġdida għalhekk wasslet lill-Kummissjoni sabiex tiddubita jekk Sovello fil-fatt kinitx tikkostitwixxi SME skont it-tifsira tar-Rakkomandazzjoni dwar l-SMEs. Jekk dan ma kienx il-każ, il-bonus innotifikat u approvat tal-SME ma jkunx kompatibbli mat-TFUE.
(34) Qabel ma tirrevoka d-deċiżjoni oriġinali tagħha tas-7 ta’ Ġunju 2006, li setgħet kienet ibbażata fuq informazzjoni inkompleta/mhux korretta, u tieħu deċiżjoni ġdida, il-Kummissjoni fetħet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, li jistipula li il-Kummissjoni tista’ tirrevoka deċiżjoni (…) wara li tkun tat lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità sabiex jissottometti l-kummenti tiegħu, fejn id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq informazzjoni skorretta pprovduta waqt il-proċedura li kienet fattur determinanti għad-deċiżjoni. Qabel ma tirrevoka deċiżjoni u tieħu deċiżjoni ġdida, il-Kummissjoni għandha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 4(4) (…).
KUMMENTI MINN PARTIJIET INTERESSATI
(35) Il-Kummissjoni ma rċevitx osservazzjonijiet minn partijiet interessati.
KUMMENTI MILL-ĠERMANJA Bażi legali L-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 ma japplikax
(36) Il-Ġermanja hija tal-opinjoni li l-kundizzjonijiet għar-revoka tad-Deċiżjoni N 426/05 – fuq il-bażi ta’ allegata informazzjoni ġdida – ma jeżistux. Il-Ġermanja ssostni li t-tagħrif li hija pprovdiet lill-Kummissjoni fil-kuntest tan-notifika tal-kawża N 426/05 la kienet inkompleta u lanqas skorretta, u li għalhekk l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 ma japplikax. Il-Ġermanja targumenta li l-Kummissjoni ġiet infurmata bil-fatt li Sovello kienet impriża teknoloġika ġdida fl-industrija solari - maħluqa bħala impriża konġunta bejn Evergreen u Q-Cells - li ma qabżitx il-limiti tad-definizzjoni ta’ SME u li kienet esposta għall-iżvantaġġi tipiċi ta’ SME. Il-Ġermanja ssostni wkoll li la l-MJVA1 u lanqas il-Kapijiet ta’ Ftehim ma fihom informazzjoni ġdida li tista’ tiġġustifika r-revoka tad-Deċiżjoni N 426/05.
(37) Il-Ġermanja ssostni li, fuq talba tal-Kummissjoni (ittra datata 30 ta’ Diċembru 2005, D/57570), hija pprovdiet għal Sovello d-dikjarazzjoni mudell annessa mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Dikjarazzjoni mudell dwar l-informazzjoni relatata mal-kwalifika ta’ impriża bħala SME (minn hawn 'il quddiem: il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dikjarazzjoni Mudell) fil-kuntest tan-notifika, fejn sostniet li Evergreen hija impriża relatata ma’ Sovello u li Sovello hija indipendenti minn Q-Cells. Il-Ġermanja ssottomettiet ukoll dikjarazzjoni ġuramentata minn Q-Cells fejn din iddikjarat li la hija sħab u lanqas kumpanija relatata ma’ Sovello.
(38) Il-Ġermanja targumenta li la l-awtoritajiet Ġermaniżi u lanqas Sovello ma raw xi indikazzjoni fir-Regolament dwar l-eżenzjoni ġenerali tal-SMEs, fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dikjarazzjoni Mudell, jew fit-talbiet tal-informazzjoni mill-Kummissjoni, li huma kellhom jissottomettu l-ftehim tal-impriża konġunta matul l-andament tan-notifika. Il-Ġermanja għalhekk hija tal-opinjoni li l-informazzjoni li hija ssottomettiet f’dak iż-żmien kienet kompleta.
M‘għandhomx jitqiesu kriterji addizzjonali
(39) Il-Ġermanja tosserva li, filwaqt li r-rakkomandazzjoni preċedenti dwar l-SMEs tal-1996 tiddefinixxi l-SMEs b’referenza għal-limiti kif ukoll għal kriterju tal-indipendenza, id-definizzjoni preżenti ta’ SME tiddistingwi biss bejn impriżi awtonomi, imsieħba u relatati. Il-Ġermanja targumenta li r-Regolament preżenti dwar l-eżenzjoni ġenerali tal-SMEs, flimkien mad-definizzjoni ta’ SME, huwa vinkolanti fuq il-Kummissjoni, u ċertament li ma jistax jiġi ristrett billi jiżdiedu kriterji mhux miktuba. La l-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas il-Qorti tal-Prim’Istanza ma kkunsidraw tali kriterji mhux miktuba fis-sentenzi tagħhom f’każijiet ibbażati fuq id-definizzjoni l-ġdida ta’ SME.
(40) Il-Ġermanja ma taqbilx li l-kriterji tal-indipendenza li ġew stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha fil-Kawża C 91/01 L-Italja vs Il-Kummissjoni (minn hawn 'il quddiem: il-kawża Solar Tech), ibbażati fuq ir-rakkomandazzjoni preċedenti dwar l-SMEs tal-1996, jibqgħu validi għall-każijiet li jridu jiġu valutati fuq il-bażi tad-definizzjoni l-ġdida ta’ SME. Skont il-Ġermanja, li valutazzjoni tkun ibbażata fuq tali kriterji mhux miktuba mhuwiex kompatibbli mal-iskop li tiġi riveduta d-definizzjoni ta’ SME, kif iddikjarat fil-premessa 8 tar-Regolament dwar l-eżenzjoni ġenerali tal-SMEs: Sabiex jiġu eliminati d-differenzi li jistgħu jagħtu bidu għad-distorsjonijiet fil-kompetizzjoni, sabiex tkun iffaċilitata l-kompetizzjoni, bejn l-inizjattivi tal-Komunità u nazzjonali dwar l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju, u għal raġunijiet ta’ kjarezza amministrattiva u ċertezza legali, ….
(41) Il-Ġermanja targumenta li, sabiex ikun hemm ċertezza legali u trattament indaqs, il-Kummissjoni l-ewwel għandha tippubblika l-bidliet possibbli fid-definizzjoni ta’ SME (inkorporazzjoni ta’ kriterji ġodda addizzjonali), qabel ma tapplika dawn il-bidliet għal każijiet individwali. Barra minn hekk, kieku l-leġiżlatur Ewropew xtaq jikkunsidra l-kriterju ta’ l-iżvantaġġi tipiċi ta’ SME, huwa kien jieħu dan il-kriterju fid-definizzjoni l-ġdida tiegħu ta’ SME. Il-kwistjoni jekk kumpanija ssofrix mill-iżvantaġġi tipiċi ta’ SME għalhekk għandha tiġi verifikata billi jintużaw biss il-kriterji formali ta’ SME. Il-Ġermanja ssostni wkoll li l-istabbiliment ta’ limitu ta’ 25 % għall-impriżi msieħba jkun superfluwu jekk dan il-limitu ma jiġix applikat bħala kriterju fil-prattika.
(42) Il-Ġermanja tinnota li l-għan tad-definizzjoni l-ġdida ta’ SME kien li tippermetti li tiġi pprovduta għajnuna lill-SMEs b’mod uniformi u suġġetta għal superviżjoni mill-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali fuq il-bażi ta’ definizzjonijiet ċari u inekwivoċi. Hija kkonkludiet li d-definizzjoni l-ġdida ta’ SME għalhekk ma tħalli l-ebda lok għad-diskrezzjoni jew għal kundizzjonijiet mhux miktuba.
Il-kawżi Solar Tech u Pollmeier mhumiex paragunabbli ma’ Sovello
(43) Il-Ġermanja targumenta wkoll li la l-istruttura azzjonarja u lanqas iċ-ċirkustanzi ekonomiċi tal-kumpaniji msemmija f’Solar Tech u Pollmeier Malchow GmbH & Co. KG v Il-Kummissjoni, li s-sentenzi tagħhom kienu bbażati fuq ir-rakkomandazzjoni preċedenti dwar l-SMEs tal-1996, ma huma paragunabbli mas-sitwazzjoni ta’ Sovello.
(44) F’Solar Tech, kumpanija kbira (il-grupp Permasteelisa) kienet tippossjedi biss 24 % tal-benefiċjarju, iżda l-fundatur u l-azzjonist maġġoritarju ta’ dak il-grupp, li kien ukoll il-maniġer ta’ Solar Tech, kellu 46 % tal-kapital, filwaqt li l-kap tal-grupp u membru tal-bord ta’ Permasteelisa, kull wieħed kellu 15 % tal-kapital. Minħabba din l-interdipendenza finanzjarja, l-influwenza possibbli tal-azzjonisti ta’ Permasteelisa u r-rabtiet ekonomiċi u organizzattivi ma’ Permasteelisa, il-Kummissjoni kkonkludiet li Solar Tech ma sofrietx mill-iżvantaġġi tipiċi ta’ SME u għalhekk ma ssodisfatx il-kriterju tal-indipendenza. Madankollu, il-Ġermanja tinnota li ż-żewġ azzjonisti fl-impriża konġunta ta’ Sovello — Evergreen u Q-Cells — kienu indipendenti minn xulxin, u l-azzjonista minoritarju Q-Cells ma kellux influwenza fuq Sovello iżjed minn azzjonist li kellu 24,9 % (ara wkoll il-paragrafu 5.3 hawn taħt).
(45) F’Pollmeier, il-benefiċjarju, Pollmeier, kienet għal kollox ta’ persuna fiżika permezz ta’ kumpanija intermedjarja. Il-kumpaniji l-oħra kollha kkontrollati minn din il-persuna fiżika kienu attivi fl-istess setturi ekonomiċi jew setturi paralleli. Il-Kummissjoni qieset l-impriżi ta’ din il-persuna fiżika bħala entità ekonomika waħda u ġabret flimkien id-dejta ekonomika u l-għadd ta’ ħaddiema, li b’hekk qabżu l-limiti ta’ SME. Il-Ġermanja tinnota li fiż-żmien tal-ħolqien ta’ Sovello, iż-żewġ azzjonisti kienu indipendenti minn xulxin u kellhom għanijiet differenti (riċerka u żvilupp fit-teknoloġija solari fil-każ ta’ Evergreen u l-produzzjoni ta’ ċelloli solari fil-każ ta’ Q-Cells). Għaldaqstant l-iżvantaġġi tipiċi ta’ SME ta’ Sovello ma setgħux jiġu kkumpensati bl-integrazzjoni fi grupp ta’ kumpaniji kbar.
L-ebda eċċezzjoni għall-impriżi konġunti
(46) Il-Ġermanja ssostni li, fid-deċiżjoni tagħha ta’ ftuħ tas-17 ta’ Ġunju 2008 (ara l-paragrafu 5), il-Kummissjoni tmur lil hinn mill-awtorità tagħha billi tassumi li benefiċjarju għandu jiġi ttrattat awtomatikament bħala entità ekonomika waħda flimkien mal-imsieħba tiegħu fl-impriża konġunta, u li għalhekk id-dejta finanzjarja u l-għadd ta’ ħaddiema tal-imsieħba kollha fl-impriża konġunta għandhom dejjem jingħaddu flimkien għall-kalkolu tal-limiti tal-SMEs.
(47) Il-Ġermanja ssostni li l-Kummissjoni b’dan qiegħda tippretendi l-awtorità li tneħħi grupp sħiħ ta’ impriżi (b’mod speċifiku impriżi konġunti) mill-applikazzjoni tad-definizzjoni legalment vinkolanti ta’ SME u li tapplika kriterji partikolari tal-SMEs għal dan il-grupp ta’ impriżi. Il-Ġermanja tikkontesta li tali setgħa tista’ toħroġ mill-ġurisprudenza tal-Qrati Ewropej ibbażata fuq ir-rakkomandazzjoni preċedenti dwar l-SMEs tal-1996 jew mill-prattika mgħoddija tal-Kummissjoni.
L-iżvantaġġi tipiċi ta’ SME għal Sovello
(48) Il-Ġermanja tafferma li, fiż-żmien tan-notifika, bin-numru limitat tagħha ta’ impjegati u r-riżorsi finanzjarji limitati tagħha, Sovello ma sofrietx mill-iżvantaġġi tipiċi ta’ SME marbuta mal-iffinanzjar tal-proġett ta’ investiment, il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott, u l-organizzazzjoni kummerċjali u operattiva tagħha. Il-Ġermanja tirrikonoxxi l-effetti sinerġiċi tal-kooperazzjoni ma’ Evergreen u Q-Cells, iżda ma taqbilx li dawn setgħu kkumpensaw għall-iżvantaġġi tipiċi ta’ SME għal Sovello.
Żvantaġġi ta’ SME relatati mal-iffinanzjar
(49) Il-Ġermanja ssostni li mingħajr għajnuna pubblika Sovello ma kinitx tikseb finanzjament barrani għall-proġett ta’ investiment tagħha f’Thalheim. Hija ssostni li l-proporzjon tal-investiment barrani fil-proġett ta’ Sovello (EUR 8 miljuni, jiġifieri 13 % tal-investiment totali) huwa tipiku għall-SMEs. Il-Ġermanja tgħid ukoll li […] biss mill-[…] banek avviċinati kienu interessati li jiffinanzjaw il-proġett, li wieħed minnhom kien lest biss li jipprovdi EUR […] kapital ta’ ħidma u finanzjament intermedju sa 50 % tal-għajnuna pubblika. Din is-sitwazzjoni jingħad li hija tipika għall-SMEs, mhux għall-kumpaniji l-kbar.
(50) Il-Ġermanja ssostni li l-kuntratt ta’ self għall-iffinanzjar barrani ġie konkluż biss fil […] ta’ Novembru 2005. Ma kienx possibbli li jiġu nnegozjati kundizzjonijiet ta’ self favorevoli minħabba l-klassifikazzjoni tal-kreditu […] ta’ Sovello u l-parteċipazzjoni finanzjarja […] tal-azzjonisti (kif ukoll is-sitwazzjoni finanzjarja […] ta’ Sovello). Sovello kellha diffikultajiet sabiex tipprovdi garanzija suffiċjenti għas-self (kienet għadha mhijiex is-sid tal-art, il-makkinarju u l-installazzjonijiet kienu għadhom ma ġewx ikkonsenjati, il-bini kien għadu qiegħed jinbena u ma kien hemm l-ebda stokk). L-azzjonisti ma setgħu jipprovdu […] garanzija […] lanqas.
(51) Il-Ġermanja ssostni li l-azzjonisti setgħu jġibu biss riżorsi proprji limitati ħafna. Sal-2006, Evergreen biss ipprovdiet finanzjament li qabeż il-kapital tal-ishma u r-riżervi kapitali tagħha. Q-Cells ma kinitx […] ġġib tali kapital żejjed, billi r-riżorsi […] tagħha kienu marbuta […] fil-proġetti ta’ investiment tagħha stess.
(52) Il-Ġermanja targumenta li l-proġett ta’ investiment ma setax jitwettaq mingħajr għajnuna mill-istat, inkluż bonus tal-SME.
Żvantaġġi ta’ SME relatati mal-kummerċjalizzazzjoni
(53) Il-Ġermanja targumenta wkoll li Sovello kienet iffaċċjata b’riskju kummerċjali sostanzjali, billi kienet għad trid turi li t-teknoloġija String-Ribbon setgħet twassal għal prodotti li setgħu jitpoġġew fis-suq b’mod kummerċjali. Il-fatt li Sovello kellha ftehim ta’ bejgħ ma’ Evergreen ma setax tabilħaqq inaqqas dan ir-riskju billi Evergreen kienet hija stess SME u ma kellha l-ebda għarfien tas-suq Ġermaniż. L-azzjonista l-oħra, Q-Cells, ma kellha ebda esperjenza fil-bejgħ ta’ moduli solari, billi kienet tipproduċi biss ċelloli solari. Barra minn hekk, Q-Cells kienet hija wkoll SME u riedet tikkonċentra fuq il-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott tagħha stess.
Żvantaġġi ta’ SME relatati mal-organizzazzjoni kummerċjali u operattiva
(54) Il-Ġermanja ssostni li l-ispejjeż marbuta mal-organizzazzjoni kummerċjali u operattiva ta’ Sovello kienu ogħla minn dawk ta’ impriżi kbar.
L-influwenza ta’ Q-Cells fuq Sovello
(55) Il-Ġermanja tiċħad li l-influwenza li seta’ kien hemm ta’ Q-Cells fuq Sovello fiż-żmien tan-notifika kienet akbar mill-influwenza normali ta’ azzjonist li kellu 24,9 % ta’ Sovello. Hija ssostni li tali riskju perċentwali ma kienx insolitu għal proġetti simili ta’ bidu fis-setturi tat-teknoloġija avvanzata.
(56) Il-Ġermanja tispjega li kienet Evergreen li ħadet l-inizjattiva biex tibda l-proġett. F’għaxar snin Evergreen kienet nefqet aktar minn USD […] miljun biex tiżviluppa t-teknoloġija String-Ribbon mingħajr ma rnexxielha tagħmilha profittabbli. Il-prezz tal-ishma ta’ Evergreen niżel minn madwar USD 20 fl-2000 għal madwar USD 2 fis-sena 2003-2004. Evergreen kellha żżomm l-akbar kontroll possibbli fuq il-proġett ta’ investiment sabiex tassigura profitt massimu għall-azzjonisti tagħha f’każ ta’ suċċess, iżda ma setgħetx tiġbor kapital suffiċjenti mingħajr il-parteċipazzjoni finanzjarja ta’ msieħeb kummerċjali. Q-Cells kienet kandidata tajba għaliex, minbarra l-finanzi, hija setgħet iġġib ukoll l-esperjenza tagħha fil-bini ta’ impjanti industrijali fis-settur fotovoltajku u l-għarfien tagħha tat-teknoloġija taċ-ċelloli solari. Għal dawn ir-raġunijiet Evergreen iddeċidiet li tagħżel lil Q-Cells bħala sieħeb fl-impriża konġunta pjuttost milli lil […], li kienet iżjed b’saħħitha finanzjarjament iżda riedet iżjed influwenza.
(57) Fiż-żmien meta ġie konkluż il-MVJA1 ma’ Evergreen, Q-Cells diġà kienet investiet fi proġett kbir għall-produzzjoni ta’ ċelloli solari konvenzjonali. Għaldaqstant hija kellha disponibbli biss riżorsi limitati sabiex tinvesti fi proġetti oħra. Skont il-Ġermanja, l-għan tal-parteċipazzjoni ta’ Q-Cells f’Sovello kien li tikseb għarfien dwar teknoloġiji ġodda għall-produzzjoni ta’ wejfers, ċelloli u moduli solari, kif ukoll biex tieħu vantaġġ mill-esperjenza tagħha fl-iżvilupp ta’ fabbriki taċ-ċelloli solari.
(58) Għar-raġunijiet ta’ hawn fuq, Q-Cells aċċettat sehem minoritarju ta’ 24,9 %. Il-Ġermanja ssemmi li, bl-applikazzjoni tal-istess loġika, Q-Cells kienet ħadet sehem minoritarju simili (21,19 %) f’CSG Solar AG, kumpanija li tipproduċi moduli solari bbażati fuq teknoloġija ta’ tertuqa rqiqa. Il-livell tal-parteċipazzjoni mhux ibbażat biss fuq il-kontribut finanzjarju li tista’ tagħmel iżda wkoll fuq il-kontribut teknoloġiku.
(59) Il-Ġermanja tisħaq li l-ishma tal-azzjonisti fil-kapital tal-ishma ta’ Sovello kienu jirriflettu għal kollox l-intenzjonijiet u l-influwenza reali taż-żewġ imsieħba fl-impriża konġunta, u li d-drittijiet tal-vot kienu maqsuma b’dak il-mod. Fil-prattika dan kien ifisser li Evergreen setgħet tieħu deċiżjonijiet kummerċjali importanti waħedha, filwaqt li Q-Cells ma kellhiex din il-possibilità.
(60) Il-Ġermanja ssostni sar qbil dwar żieda potenzjali futura fil-parteċipazzjoni ta’ Q-Cells iżda din kienet suġġetta għal ċerti kundizzjonijiet u għall-kontribuzzjoni tal-kapital żejjed korrispondenti. Waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-MJVA1 kienet li żieda bħal din ma kellhiex tippreġudika l-għajnuna mogħtija lil Sovello. Il-Ġermanja tirrimarka li l-miżura ta’ għajnuna kienet ir-raġuni għaliex il-proġett ta’ investiment sar fil-Ġermanja pjuttost milli fl-Istati Uniti, u li dan mhuwiex f’kontradizzjoni mar-regoli tal-għajnuna mill-istat. Il-Ġermanja ssostni wkoll li Q-Cells ma kellha ebda influwenza fuq id-deċiżjoni u li jekk l-imsieħba fl-impriża konġunta fittxew li jissalvagwardjaw l-iffinanzjar ta’ Sovello, dan ma jikkostitwix ksur jew ħarba mir-regoli dwar l-għajnuna mill-istat.
(61) Fl-opinjoni tal-Ġermanja, hemm distinzjoni bejn l-influwenza li teżisti f’ċertu mument partikolari u l-influwenza li jista’ jkun hemm fil-ġejjieni bbażata fuq żieda li jista’ jkun hemm fis-sehem ta’ Q-Cells. Il-Ġermanja tisħaq li ma kienx ċert jekk din iż-żieda kinitx se sseħħ, u li ż-żewġ imsieħba kienu jafu li ma kinitx se sseħħ malajr u ċertament mhux qabel ma t-teknoloġija l-ġdida tkun ġiet ippruvata u ttestjata. Fil-fatt, iż-żieda proposta sa 50 % li ssemmiet fil-MJVA1 qatt ma ġiet realizzata. Għall-kuntrarju, fuq il-bażi tat-tieni ftehim (il-MJVA2) datat 22 ta’ Novembru 2005, is-sehem ta’ Q-Cells tnaqqas għal 21 %. Skont il-Ġermanja, dan juri biċ-ċar li m’hemm ebda mekkaniżmu awtomatiku li jiġġustifika l-konklużjoni li ġiet stabbilita mill-bidu li Q-Cells kien se jkollha iżjed minn 24,9 % tal-ishma ta’ Sovello.
(62) Il-Ġermanja ssostni wkoll li l-fatt li Q-Cells ipprovdiet uffiċjal eżekuttiv għal Sovello kien biss arranġament tranżitorju (Diċembru 2004 sa April 2005) li ma naqqasx l-influwenza ta’ Evergreen, li wkoll ipprovdiet uffiċjal eżekuttiv mill-bidu tal-impriża konġunta. Barra minn hekk, minħabba l-maġġoranza fuq il-bord superviżorju, Evergreen kellha s-setgħa li taħtar jew tneħħi kwalunkwe uffiċjal eżekuttiv.
(63) Il-Ġermanja tiċħad li l-formulazzjoni tal-Kapijiet ta’ Ftehim — fejn is-sjieda ta’ Sovello minn Q-Cells riedet tkun inqas minn 25 % sabiex tikkwalifika għal ċerti sussidji tal-gvern Ġermaniż - kienet tfisser li Q-Cells seta’ kellha iżjed influwenza milli ġustifikata bis-sehem attwali tagħha ta’ 24,9 %. Il-Ġermanja tispjega li l-formulazzjoni tirrifletti sempliċement dak li aktar tard ġie adottat fil-MJVA1, jiġifieri l-intenzjoni taż-żewġ imsieħba li ma jiksru l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet tal-għajnuna mill-gvern. Il-Ġermanja tirreferi wkoll għal paragrafu ieħor fil-Kapijiet ta’ Ftehim li jsemmi li, billi l-operazzjonijiet ta’ Sovello kienu se jirrappreżentaw maġġoranza sostanzjali tal-kapaċità ta’ produzzjoni ta’ Evergreen, Evergreen kienet se tkun meħtieġa li jkollha interess maġġoritarju fl-ekwità ta’ Sovello fi żmien qasir. Fl-aħħar nett il-Ġermanja tinnota li l-Kapijiet ta’ Ftehim huwa biss bażi ta’ ħidma bejn l-imsieħba li ma kienx jorbot legalment.
(64) Il-Ġermanja tiċħad li l-ftehimiet ma’ Sovello juru li Q-Cells kellha xi influwenza lil hinn mis-sehem tagħha ta’ 24,9 %, fejn tisħaq li kull ftehim bħal dan ġie konkluż bil-kundizzjonijiet tas-suq u li ma kienet teżisti l-ebda relazzjoni ekonomika, finanzjarja, organizzattiva jew xi relazzjoni oħra ulterjuri bejn Q-Cells u Sovello.
(65) Il-Ġermanja tikkonkludi li l-bidliet fid-distribuzzjoni tas-sjieda wara t-twaqqif ta’ Sovello mhumiex ibbażati fuq il-MJVA1 oriġinali, iżda huma marbuta mad-dħul ta’ REC fl-impriża konġunta, bil-qbil ta’ din tal-aħħar li tforni kwantitajiet kbar ta’ Silicon lil Sovello bi skambju għal sehem ta’ 15 % fl-impriża konġunta (kif maqbul fil-MJVA2). Wara d-dħul ta’ REC, Evergreen naqqset is-sehem tagħha bi 11,1 % u Q-Cells bi 3,9 %. Skont il-Ġermanja, din hija prova tal-intenzjoni ta’ Q-Cells li tibqa’ azzjonista minoritarja. Kien biss fi stadju aktar tard, meta REC qablet li tforni aktar silikon, u wara li kien ippruvat is-suċċess teknoloġiku ta’ Sovello1, li l-ishma tat-tliet azzjonisti nġiebu kollha għal 33,3 % (emenda fil-MJVA2, datata 29 ta’ Settembru 2006, effettiva mid-19 ta’ Diċembru 2006).
Is-sehem ta’ Q-Cells ibbażat fuq il-liġi Ġermaniża dwar il-kumpaniji
(66) Il-Ġermanja ssostni li d-drittijiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet mogħtija lil Q-Cells fl-impriża konġunta mhumiex insoliti għal impriżi konġunti teknoloġiċi fil-bidu bħal Sovello, u huma paragunabbli ma’ dawk mogħtija lil investituri ta’ kapital b’riskju li jkollhom interess minoritarju. Q-Cells m’għandhiex iżjed influwenza minn dik ta’ azzjonist minoritarju. Hija tat 24,9 % tal-kapital, iżda wkoll l-għarfien tagħha dwar il-manifattura taċ-ċelloli, u għaldaqstant riedet xi influwenza fuq id-deċiżjonijiet relatati mal-kuntratti dwar il-kooperazzjoni tal-impriża konġunta. Il-Ġermanja targumenta li dawn id-drittijiet biex tinfluwenza ċerti deċiżjonijiet korporattivi kienu meħtieġa sabiex titħares Q-Cells, billi altrimenti ma setax jiġi eskluż li Evergreen setgħet tuża l-influwenza tagħha fuq il-maniġment ta’ Sovello b’mod preferenzjali fl-interess tagħha stess. Il-Ġermanja ssostni wkoll li hija prattika komuni li l-azzjonisti minoritarji jitħallew jaħtru membru fil-bord superviżorju.
(67) Sabiex issostni l-argument li s-sehem ta’ 24,9 % ta’ Q-Cells ma kienx determinat mill-ħsieb li tikseb bonus tal-SME, il-Ġermanja tirreferi wkoll għal-liġi Ġermaniża dwar il-kumpaniji. L-ewwel nett, l-influwenza ta’ Q-Cells tikkorrispondi mar-regoli dwar il-protezzjoni tal-azzjonisti minoritarji. F’dan il-kuntest il-Ġermanja tirreferi għall-Artikoli 50, 61 u 66 tal-Att dwar il-GmbH, li jiddefinixxu ċerti drittijiet tal-azzjonisti minoritarji f’GmbH (li jkollhom minimu ta’ 10 % tal-ishma), bħad-dritt li jitolbu laqgħa tal-azzjonisti, id-dritt li jpoġġu temi fuq l-aġenda tal-laqgħa tal-azzjonisti, id-dritt li jibdew ix-xoljiment tal-kumpanija, eċċ. Skont il-Ġermanja, l-influwenza ta’ Q-Cells ma tmurx lil hinn minn dak li azzjonist minoritarju f’GmbH b’sehem minimu ta’ 10 % tal-ishma għandu dritt għalih skont il-liġi Ġermaniża dwar il-kumpaniji. Il-Ġermanja ssemmi bħala raġuni oħra għall-għoti ta’ drittijiet estensivi fit-teħid tad-deċiżjonijiet lil Q-Cells, il-fatt li s-sehem tagħha ta’ 24,9 % biss kien inqas mill-25 % meħtieġ bil-liġi sabiex tikkostiwixxi minoranza li twaqqaf id-deċiżjonijiet. Dan in-nuqqas ta’ protezzjoni legali għal Q-Cells għalhekk kien ikkumpensat bid-drittijiet korrispondenti ta’ teħid tad-deċiżjonijiet mogħtija fuq il-bażi tal-ftehimiet.
Sommarju
(68) Il-Ġermanja tikkontesta l-bażi legali li fuqha bdiet il-proċedura l-Kummissjoni, fejn targumenta li fiż-żmien tan-notifika hija ssottomettiet informazzjoni sħiħa u korretta, u li għaldaqstant l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 ma japplikax. Il-Ġermanja ssostni wkoll li l-Kummissjoni għandha tibbaża l-valutazzjoni tagħha tal-istatus ta’ kumpanija bħala SME esklussivament fuq il-konformità mal-kriterji formali (l-għadd ta’ ħaddiema u l-limiti finanzjarji) tad-definizzjoni ta’ SME, u mhux iżżid kriterji mhux miktuba sabiex tivverifika jekk kumpanija ssofrix mill-iżvantaġġi tipiċi ta’ SME. Il-Ġermanja tikkontesta li Sovello kisbet il-bonus tal-SME bi ksur tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat, u ssostni li l-allegazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar possibilità ta’ manipulazzjoni mhumiex validi.
(69) Il-Ġermanja ssostni li, fiż-żmien tan-notifika, Sovello kienet tissodisfa l-kundizzjonijiet tad-definizzjoni ta’ SME: Q-Cells kellha biss sehem minoritarju ta’ 24,9 % f’Sovello, u la kienet imsieħba u lanqas impriża relatata ma’ Sovello skont it-tifsira tad-definizzjoni ta’ SME. Għalhekk, ma setgħet tiġi kkunsidrata l-ebda dejta minn Q-Cells sabiex jiġu kkalkulati l-limiti tal-SMEs. Il-Ġermanja tiċħad li l-influwenza ta’ Q-Cells fuq Sovello fiż-żmien tan-notifika kienet akbar minn dik ta’ investitur li kellu 24,9 % tal-ishma. Barra minn hekk, il-Ġermanja hija tal-opinjoni li Sovello fil-fatt sofriet mill-iżvantaġġi tipiċi ta’ SME, u li mingħajr l-għajnuna mill-Istat, inkluż il-bonus tal-SME, il-proġett ta’ investiment ma kienx jitwettaq.
VALUTAZZJONI TAL-GĦAJNUNA Rimarki preliminari
(70) Fis-7 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni approvat bonus tal-SME ta’ 15 % GGE (mogħti bħala żieda mal-għajnuna reġjonali) għal Sovello. Sussegwentement, il-Kummissjoni skopriet evidenza li din id-deċiżjoni inizjali setgħet ittieħdet fuq il-bażi ta’ informazzjoni żbaljata pprovduta man-notifika oriġinali; billi dik l-informazzjoni setgħet ikkostitwiet fattur determinanti fid-deċiżjoni, fis-17 ta’ Ġunju 2008 il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 108(2) TFUE fir-rigward tal-għajnuna inkwistjoni, bl-iskop li tirrevoka d-Deċiżjoni N 426/05 u tadotta deċiżjoni ġdida.
Rekwiżit ta’ notifika, bażi legali u liġi applikabbli
(71) Il-Ġermanja nnotifikat il-bonus tal-SME għal Sovello b’ittra datata 29 ta’ Awwissu 2005, irreġistrata li waslet fl-1 ta’ Settembru 2005.
(72) Il-bonus tal-SME għal Sovello ngħata fil-21 ta’ April 2005 (suġġett għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni) bħala żieda mal-għajnuna reġjonali mogħtija legalment taħt il-Programm Konġunt tal-Gvern Federali Ġermaniż/Länder. Il-programm jinkludi dispożizzjoni speċifika li titlob li l-Ġermanja tinnotifika individwalment kwalunkwe għoti ta’ bonusijiet tal-SME li jaqbeż il-limitu ta’ notifika individwali fir-Regolament dwar l-eżenzjoni ġenerali tal-SMEs. Ir-Regolament dwar l-eżenzjoni ġenerali tal-SMEs li kien japplika fiż-żmien tan-notifika jippermetti li tingħata għajnuna għall-investiment lill-SMEs b’intensità ta’ 7,5 % għotja netta ekwivalenti (NGE) għal kumpaniji ta’ daqs medju u 15 % NGE għal kumpaniji żgħar fi kwalunkwe post fi ħdan l-UE. Fejn l-għajnuna tingħata f’żona assistita, ir-Regolament dwar l-eżenzjoni ġenerali tal-SMEs jeżenta wkoll għajnuna sal-ammont permess skont ir-RAG 1998 flimkien mal-bonus addizzjonali tal-SME. Madankollu, ir-Regolament dwar l-eżenzjoni ġenerali tal-SMEs ma jeżentax għajnuna għal ċerti proġetti bi spejjeż eliġibbli ta’ aktar minn EUR 25 miljun, jew xi proġett li jkun se jirċievi għajnuna gross li taqbeż EUR 15-il miljun. Għajnuna bħal din trid tiġi nnotifikata individwalment.
(73) Sabiex tistabbilixxi jekk kumpanija tikkostitwix SME, il-Kummissjoni tapplika r-Rakkomandazzjoni dwar l-SMEs.
Valutazzjoni tal-istatus ta’ SME għal Sovello L-applikabilità tal-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999
(74) L-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 659/1999 jistipula li il-Kummissjoni tista’ tirrevoka deċiżjoni (…) wara li tkun tat lill-Istat Membru kkonċernat l-opportunità sabiex jissottometti l-kummenti tiegħu, fejn id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq informazzjoni skorretta pprovduta waqt il-proċedura li kienet fattur determinanti għad-deċiżjoni. Qabel ma tirrevoka deċiżjoni u tieħu deċiżjoni ġdida, il-Kummissjoni għandha tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali skont l-Artikolu 4(4). … .
(75) Il-Ġermanja tiċħad illi ssottomettiet informazzjoni skorretta, jew saħansitra inkompleta fi kwalunkwe stadju tal-investigazzjoni preliminari, billi (a) hija ssottomettiet l-informazzjoni kollha mitluba mill-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Mudell ta’ dikjarazzjoni, u (b) l-ebda wieħed mit-testijiet u d-dispożizzjonijiet rilevanti li jinsabu fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ma jeħtieġ li tagħti informazzjoni addizzjonali dwar il-ħolqien ta’ impriża konġunta u/jew l-artikoli ta’ assoċjazzjoni ta’ kumpanija.
(76) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-dikjarazzjoni mudell issemmi, madankollu, li l-użu tad-dikjarazzjoni mhuwiex obbligatorju, iżda mfassal sempliċement bħala eżempju possibbli, u li tali dikjarazzjonijiet huma mingħajr preġudizzju għall-kontrolli u l-investigazzjonijiet previsti fir-regoli nazzjonali jew tal-UE. Matul l-investigazzjoni preliminari, il-Kummissjoni talbet lill-Ġermanja sabiex tissottometti dikjarazzjoni ġuramentata minn Q-Cells li din l-azzjonista ma kienet tissodisfa l-ebda waħda mill-kundizzjonijiet tal-Artikolu 3(3)(a)-(d) tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni dwar l-SMEs, jew, jekk dan ma kienx possibbli, li tipprovdi kopja tal-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni ta’ Sovello. Fit-28 ta’ Ottubru 2005, l-awtoritajiet Ġermaniżi ssottomettew tali dikjarazzjoni ġuramentata minn Q-Cells. Billi l-istruttura azzjonarja ta’ Sovello ġiet immodifikata bl-inkorporazzjoni tat-tielet imsieħeb fl-impriża konġunta (REC) waqt li kienet għaddejja l-investigazzjoni preliminari tal-għajnuna nnotifikata, l-awtoritajiet Ġermaniżi ssottomettew dikjarazzjoni ġuramentata minn dan l-azzjonist il-ġdid (fl-4 ta’ April 2006). Id-Deċiżjoni N 426/05 ittieħdet wara investigazzjoni preliminari fuq il-bażi tal-informazzjoni mibgħuta mill-Ġermanja.
(77) Il-kwistjoni li kellha tiġi eżaminata mill-Kummissjoni kienet jekk il-benefiċjarju kienx SME. Jekk, fiż-żmien ta’ investigazzjoni preliminari, ikunu jeżistu dokumenti li jiddikjaraw b’mod espliċitu bil-miktub li l-istruttura azzjonarja ta’ impriża konġunta tkun imfassla b’mod li tikkonforma mad-definizzjoni ta’ SME, jew li turi intenzjoni ċara li tinbidel l-istruttura tal-kumpanija malli jiġi assigurat il-bonus tal-SME, ma jistax jiġi argumentat li informazzjoni bħal din mhijiex għall-inqas rilevanti sabiex jiġi valutat l-istatus ta’ SME tal-impriża inkwistjoni u ma tikkostitwix fattur determinanti għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.
(78) Għaldaqstant, billi l-Kummissjoni ma rċeviet l-ebda wieħed minn dawn id-dokumenti (Kapijiet ta’ Ftehim, Artikoli ta’ Assoċjazzjoni, MJVA1 u MJVA2), hija ma kellhiex stampa sħiħa tas-sitwazzjoni fattwali rilevanti f’dak iż-żmien, u b’hekk ħadet deċiżjoni inizjali pożittiva dwar il-bonus tal-SME għal Sovello fuq il-bażi ta’ informazzjoni mhux kompleta, u b’hekk skorretta.
(79) Il-Kummissjoni tqis illi l-Ġermanja kellha l-obbligu li tissottometti l-informazzjoni kollha li kienet disponibbli f’dak iż-żmien u li kienet rilevanti għad-Deċiżjoni N 426/2005. Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-informazzjoni illi pprovdiet il-Ġermanja ma kinitx kompleta u għaldaqstant skorretta. Għaldaqstant huwa applikabbli l-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, li jistabbilixxi proċedura oġġettiva li tippermetti lill-Kummissjoni tirtira deċiżjonijiet ħżiena.
(80) Taħt il-liġi Ġermaniża, il-Ġermanja kienet obbligata illi tivverifika jekk kienx hemm evażjoni xi tidwir mad-definizzjoni ta’ SME. It-test tal-iskema Ġermaniża li fuq il-bażi tagħha ngħata l-bonus tal-SME jiddikjara b’mod espliċitu li l-istatus ta’ SME huwa eskluż — anki jekk ikunu ssodisfati l-kriterji formali tad-definizzjoni ta’ SME — f’każijiet fejn impriżi kbar ikollhom kontroll fattwali, jew fil-każ ta’ entitajiet ekonomiċi li f’sens ekonomiku ma jistgħux jitqiesu bħala SME.
L-ammissibilità ta’ kriterji addizzjonali għall-valutazzjoni tal-istatus ta’ SME
(81) Il-Ġermanja targumenta li, billi fir-Rakkomandazzjoni dwar l-SMEs ma huma definiti l-ebda kriterji oħra għajr il-kriterji formali rigward il-limiti, dawn il-kriterji formali għall-istabbiliment tal-istatus ta’ SME għal impriża għandhom ikunu deċiżivi, sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u l-previdibilità tal-politika tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat. Il-Ġermanja targumenta wkoll li kriterji oħra possibbli jistgħu jiġu previsti biss fil-kuntest ta’ reviżjoni tad-definizzjoni ta’ SME, u mhux fil-kuntest ta’ każijiet individwali.
(82) Fid-definizzjoni tagħha tal-impriżi msieħba, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni fil-fatt ma tipprovdix għal kriterji ħlief il-limitu ta’ 25 % tal-ishma jew tad-drittijiet tal-vot. Lanqas ma tinkludi klawsola speċifika kontra t-tidwir mar-Regolament. Madankollu, il-Kummissjoni tgawdi livell ta’ poter diskrezzjonali fil-kamp tal-għajnuna mill-Istat, sabiex jipproteġi s-suq intern kontra distorsjoni mhux ġustifikata tal-kompetizzjoni.
(83) Il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-ħtieġa ta’ ċertezza legali u trasparenza fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat. Għaldaqstant, valutazzjoni li tmur lil hinn minn dik tal-applikazzjoni tal-kriterji formali għandha fi kwalunkwe każ tkun limitata għal każijiet eċċezzjonali ħafna li jistgħu jiġu kkwalifikati b’mod ċar bħala tidwir mar-Regolament.
(84) Madankollu, il-Kummissjoni mhix qiegħda żżid kriterji addizzjonali mad-definizzjoni ta’ SME, iżda sempliċement tmur lil hinn minn analiżi purament formali. Dan irid ikun possibbli jekk il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni individwali bbażata fuq l-Artikolu 6 tar-Regolament dwar l-eżenzjoni ġenerali tal-SMEs. B’dan il-mod il-Kummissjoni tkun qiegħda tassigura li l-bonus tal-SME jingħata biss lil SMEs ġenwini li għalihom id-daqs jirrappreżenta verament żvantaġġ u mhux lil impriżi li permezz ta’ impriżi relatati u/jew imsieħba jkollhom aċċess għal fondi u għajnuna li ma jkunux disponibbli għal kompetituri tal-istess daqs. Sabiex jiġi żgurat li jkunu inklużi biss SMEs ġenwini, irid ikun hemm mod kif jiġu eliminati arranġamenti legali li fihom isir tidwir mad-definizzjoni ta’ SME. Approċċ bħal dan huwa konformi mas-sentenzi mogħtija f’Solar Tech u Pollmeier (ara n-noti 20 u 21 ta’ qiegħ il-paġna), li fihom il-Qrati tal-Unjoni Ewropea aċċettaw ir-rifjut min-naħa tal-Kummissjoni, tal-bonus tal-SME, meta dan jista’ jwassal għal tidwir mad-definizzjoni. Għaldaqstant huwa impliċitu fid-definizzjoni ta’ SME li din id-definizzjoni ma tapplikax fejn ikun jeżisti tali riskju u l-kriterji jkunu rrispettati fil-forma biss.
(85) L-argument tal-Ġermanja li s-sitwazzjoni ta’ Sovello hija differenti minn dik ta’ Solar Tech u Pollmeier, u li dawk id-deċiżjonijiet kienu bbażati fuq ir-Rakkomandazzjoni dwar l-SMEs tal-1996 u għalhekk ma japplikawx għad-definizzjoni preżenti ta’ SME, mhijiex rilevanti. Il-kriterji prinċipali fir-Rakkomandazzjoni dwar l-SMEs tal-1996 sabiex jiġi determinat x’inhi impriża msieħba (sehem ta’ 25 % jew aktar tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot) kienu adottati fir-Rakkomandazzjoni dwar l-SMEs 2003/361/KE u sempliċement irfinuti. Madankollu, billi jista’ jsir tidwir anki mal-iżjed kriterji komprensivi u dettaljati, irid ikun dejjem possibbli li jiġi miġġieled kwalunkwe tentattiv ta’ tidwir mad-definizzjoni applikabbli ta’ SME. Fil-fatt, il-Qrati żammew prinċipju ġenerali ħafna f’dan is-sens - l-ebda tidwir mad-definizzjoni.
Id-dokumenti tal-kumpanija u s-sitwazzjoni fattwali
(86) Hemm indikazzjonijiet ċari fid-dokumenti tal-kumpanija (Kapijiet ta’ Ftehim, Artikoli ta’ Assoċjazzjoni ta’ Sovello datati 13 ta’ Jannar 2005, u l-MJVA1) li l-arkitettura inizjali tal-kumpanija kienet imfassla u mmirata sabiex tikseb il-bonus tal-SME. Il-Punt 5 tal-Kapijiet ta’ Ftehim huwa espliċitu ħafna fuq din il-kwistjoni: Il-Partijiet jifhmu li, sabiex jikkwalifikaw għal għotjiet massimi, huwa fl-interess ta’ JVCo li Q tillimita l-porzjon tal-ekwità tagħha ta’ JVCo sakemm E jew JVCo ma jkunux aktar klassifikati bħala impriżi żgħar jew ta’ daqs medju skont ir-regoli għall-għotjiet ta’ investiment, eċċ., jew li din ir-restrizzjoni ssir nulla u bla effett. Bħala tali, is-sjieda ta’ JVCo minn Q trid tkun inqas minn 2 % sabiex tikkwalifika għal ċerti sussidji tal-gvern Ġermaniż. (Il-linja taħt hija miżjuda)
(87) Din l-intenzjoni ċara hija kkonfermata mill-Artikolu 2.5(c) tal-MJVA1: Il-Partijiet għandhom jużaw l-aħjar sforzi raġonevoli sabiex jiksbu l-Approvazzjoni tal-Għotja għall-Investiment mill-Gvern malli jkun raġonevolment prattikabbli wara d-Data tal-Għeluq, fosthom, iżda mhux limitata għal, bidliet fl-istruttura ġenerali tal-impriża konġunta, dan il-Ftehim, l-azzjonisti f’VentureCo, l-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni u l-Ftehimiet Simultanji sabiex jiġi żgurat li VentureCo tassigura l-ammont massimu ta’ Għotjiet għall-Investiment mill-Gvern disponibbli għall-impriżi żgħar u ta’ daqs medju; u sabiex jinkisbu l-fondi neċessarji sabiex jitħallsu lil VentureCo l-ammonti speċifikati fis-Sezzjoni 2.4 (b) u 2.4 (c) meta jkunu dovuti.(Il-linja taħt hija miżjuda)
(88) Diversi elementi jissuġġerixxu li mill-bidu nett, l-intenzjoni ta’ Evergreen u Q-Cells kienet li jagħtu drittijiet indaqs liż-żewġ imsieħba malli jinkiseb il-bonus tal-SME:
L-Artikolu 3(6) tal-MJVA1 jistabbilixxi li, jekk ikun possibbli skont ir-regoli applikabbli dwar l-għotjiet li Q-Cells iżżid l-interess tas-sjieda tagħha f’Sovello għal 50 %, mingħajr ma tali żieda fl-interess tas-sjieda ta’ Q-Cells f’Sovello possibbilment tirriżulta fir-rifjut ta’ applikazzjoni għal Għotjiet għall-Investiment mill-Gvern, (…), Q-Cells għandha tiġi offruta li żżid l-interess taż-żjieda tagħha f’Sovello għal livell ugwali għall-perċentwali li dak iż-żmien kellha Evergreen. F’dan il-kuntest, ikun japplika prezz preferenzjali.
L-Artikolu 3(6) tal-MJVA1 jinkludi wkoll pjan ta’ emerġenza li bih Q-Cells tista’, jekk ikun meħtieġ, iżżid is-sjieda tagħha b’mezzi differenti mill-parteċipazzjoni azzjonarja tagħha: Jekk fil-ħin ta’ talba għal Finanzjament Addizzjonali ma jkunx jista’ jinkiseb Avviż ta’ Impunità għall-Għotja, il-Partijiet għandhom jidħlu f’diskussjonijiet dwar jekk Q tistax tipparteċipa fil-Finanzjament Addizzjonali fil-livell meħtieġ sabiex tkun tista’ żżid is-sjieda tagħha f’VentureCo għal 50 %, kif ipprovdut hawnhekk, b’mod apparti mis-sottoskrizzjoni tal-ishma.(Il-linja taħt hija miżjuda)
(89) Il-Kummissjoni tħoss li d-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni, il-Kapijiet ta’ Ftehim, u l-MJVA1 jagħtu lil Q-Cells livell ta’ influwenza fuq id-deċiżjonijiet kummerċjali ta’ Sovello li jmur lil hinn minn dak li azzjonist minoritarju b’parteċipazzjoni ta’ 24.9 % jista’ jistenna skont il-liġi normali dwar il-kumpaniji (għalkemm f’arranġament ta’ impriża konġunta, dan mhux bilfors ikun insolitu). Il-Kapijiet ta’ Ftehim jistipula li: Il-Governanza ta’ JVCo ġeneralment se tkun strutturata u bbilanċjata biex tqis l-interess ekonomiku ta’ kull Parti f’JVCo u l-fatt li fil-bidu E jrid ikollha livell ogħla ta’ kontroll fuq JVCo b’riżultat tal-materjalità tal-operazzjonijiet ta’ JVCo relattivi mal-operazzjonijiet ta’ E fuq bażi konsolidata. Fl-istess ħin, il-governanza ta’ JVCo għandha tinkludi dispożizzjonijiet li jassiguraw li kemm E kif ukoll Q ikollhom vuċi kondiviża fl-azzjonijiet importanti ta’ JVCo.(Il-linja taħt hija miżjuda)
(90) Barra minn hekk, il-Kapijiet tal-Ftehim isemmi li l-imsieħba għandhom jiftiehmu li jidentifikaw ċerti deċiżjonijiet korporattivi importanti li jeħtieġu l-kunsens taż-żewġ partijiet, b’mod li jkun maqbul mill-partijiet kollha.
(91) Fil-fatt, l-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni inizjali ta’ Sovello jipprovdu li:
il-bord superviżorju jkun magħmul minn tliet persuni (tnejn maħtura minn Evergreen, fosthom iċ-chairman, li għandu jkun aċċettabbli għal Q-Cells; persuna maħtura u mneħħija minn Q-Cells, li fl-istess ħin isservi bħala deputat chairman);
għal diversi deċiżjonijiet korporattivi importanti (approvazzjoni tal-pjan annwali u l-karta tal-bilanċ; deċiżjonijiet strateġiċi rigward iż-żmien u l-volum tal-produzzjoni, l-estensjoni tal-kapaċità, il-bejgħ ta’ wejfers/ċelloli b’mod addizzjonali mal-moduli; id-definizzjoni tal-marki (brands) u l-ismijiet tal-marka; ftehimiet rigward il-proprjetà intellettwali, eċċ.).
(92) Il-fatt li Q-Cells għandha drittijiet sostanzjali fit-teħid tad-deċiżjonijiet jimmina l-argument tal-Ġermanja li Evergreen kienet teħtieġ parteċipazzjoni li taqbeż il-75 % sabiex tipproteġi l-interessi tagħha (u għaldaqstant li l-parteċipazzjoni ta’ 24,9 % ta’ Q-Cells hija ġġustifikata minn konsiderazzjonijiet oħra apparti t-tidwir mar-regolament). Il-Kummissjoni tinnota li Evergreen fil-fatt għall-ewwel fittxet interess maġġoritarju f’Sovello (kif iddikjarat fil-punt 5 tal-Kapijiet tal-Ftehim: E dalwaqt se tkun meħtieġa li jkollha interess maġġoritarju fl-ekwità ta’ JVCo), iżda tali maġġoranza setgħet tinkiseb b’livell differenti ta’ parteċipazzjoni (bejn 51 % u 75 %).
(93) L-influwenza ta’ Q-Cells fuq deċiżjonijiet strateġiċi hija kkonfermata mir-rapport annwali 2004 ta’ Evergreen, li jsemmi li: is-sħubija strateġika tiddependi ħafna fuq l-għarfien espert ta’ Q-Cells, (Il-linja taħt hija miżjuda) u li: għalkemm fil-bidu se tkun azzjonista minoritarja fis-sħubija strateġika, Q-Cells se jkollha l-kapaċità li tinfluwenza d-direzzjoni strateġika tas-sħubija strateġika u deċiżjonijiet materjali oħra tas-sħubija strateġika; minħabba f’hekk, jista’ jkun li ma nkunux nistgħu nieħdu ċerti azzjonijiet li aħna nemmnu li jkunu fl-aħjar interessi tagħna, li, minħabbea l-materjalità prevista tas-sħubija strateġika għall-operazzjonijiet kombinati tagħna, tista’ tagħmel ħsara konsiderevoli lin-negozju tagħna; barra minn hekk, jista’ jkollna nwieġbu lil partijiet terzi għad-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet materjali ta’ Q-Cells fis-sħubija strateġika, liema azzjonijiet jistgħu jagħmlu ħsara lis-sħubija strateġika u lin-negozju tagħna. (Il-linja taħt hija miżjuda)
(94) Is-siltiet li ġejjin mill-Kapijiet tal-Ftehim juru li r-rwol ta’ Q-Cells f’Sovello kien essenzjali għall-operabilità tal-impriża konġunta:
Huwa previst li minħabba li l-faċilità se tkun fil-Ġermanja qrib l-operazzjonijiet preżenti ta’ Q, Q se tkun sors ewlieni ta’ impjegati trasferiti u ssekondati għal JVCo. Barra minn hekk, Q għall-ewwel se tieħu r-responsabbiltà primarja sabiex tirrekluta impjegati ġodda għall-faċilità.
JVCo tista’ tikkuntratta fuq bażi permanenti jew temporanja lil xi Parti, ċerti servizzi (Infrastruttura, maniġerjali, operattivi, appoġġ u żvilupp teknoloġiku, eċċ.) li jistgħu jiġu pprovduti minn parti lil JVCo fuq bażi iżjed kost-effettiva milli kieku JVCo kellha tipprovdi dawn is-servizzi hija stess. B’mod partikolari għall-fażijiet bikrija ta’ JVCo, iż-żewġ Partijiet jintrabtu li jidħlu fi ftehimiet sabiex ifornu s-servizzi meħtieġa lil JVCo għal perjodu ta’ mill-inqas sentejn, sakemm JVCo tkun f’pożizzjoni li tiffunzjona b’mod effettiv mingħajr din l-għajnuna mill-entitajiet proprjetarji tagħha.
[…, huwa previst li minħabba l-qrubija tal-faċilità ta’ JVC lejn Q, Q se tkun f’pożizzjoni sabiex tipprovdi b’mod effettiv servizzi ta’ infrastruttura lil JVCo sakemm din tal-aħħar tkun kapaċi tipprovdi dawn is-servizzi b’mod indipendenti.
(95) Il-MJVA1 jelenka wkoll firxa sħiħa ta’ servizzi li jistgħu jiġu pprovduti lil Sovello (miż-żewġ imsieħba, Q-Cells u Evergreen): parir ġenerali dwar kwistjonijiet ta’ ġestjoni, għajnuna fl-applikazzjonijiet għall-għotjiet tal-Gvern għall-investiment, għajnuna fl-applikazzjonijiet għall-permessi Ġermaniżi, għajnuna fil-proċess Ġermaniż tal-għażla u r-reklutaġġ ta’ persunal maniġerjali, għajnuna fi kwistjonijiet tat-taxxa, parir rigward l-istruttura korporattiva u organizzattiva, parir u appoġġ rigward attivitajiet ta’ finanzjament, provvediment tal-fornituri tal-imsieħba, parir b’rabta mat-trasferiment tat-teknoloġija tal-imsieħba, appoġġ teknoloġiku, xiri ta’ infrastruttura lokali, riżorsi umani u għajnuna fir-reklutaġġ (Artikolu 9.9 tal-MJVA1). Għalkemm id-dokumenti jsostnu li dawn is-servizzi se jiġu pprovduti b’rata tas-suq jew fuq bażi tal-prezz u aktar, dan kollu juri li hemm relazzjonijiet mill-qrib bejn Sovello u Q-Cells.
(96) Stqarrija għall-istampa maħruġa mill-imsieħba fl-24 ta’ Jannar 2005 tgħid li Il-faċilità proposta hija mistennija li tinbena fuq proprjetà qrib il-fabbriki eżistenti taċ-ċelloli solari ta’ Q-Cells, u għalhekk għandha taqbad sinerġiji b’saħħithom mal-operazzjonijiet ta’ Q-Cells.
(97) Barra minn hekk, Q-Cells akkwistat il-kumpanija inattiva (shelf company) għall-ħolqien ta’ Sovello, u d-diretturi maniġerjali ta’ din il-kumpanija kienu s-CEO u s-CFO ta’ Q-Cells, filwaqt li s-COO ta’ Q-Cells kellu awtorità li jiffirma.
(98) Q-Cells ipprovdiet uffiċjal eżekuttiv lil Sovello, u anki jekk il-Ġermanja targumenta li dan kien biss arranġament tranżitorju, u li Evergreen ukoll ipprovdiet uffiċjal eżekuttiv, dan madankollu huwa għal darba oħra indikazzjoni li r-relazzjonijiet bejn Q-Cells u Sovello kienu qrib ħafna, għallinqas fil-bidu tal-impriża konġunta.
(99) Il-Ġermanja argumentat li Evergreen kienet innegozjat ma’ msieħba oħra tal-impriża konġunta fuq il-bażi ta’ parteċipazzjoni akbar minn 75 %, iżda naqset li tissottometti evidenza bil-miktub ta’ dawn in-negozjati. F’xi korrispondenza l-Ġermanja offriet li tipprovdi dikjarazzjonijiet ġuramentati minn rappreżentanti ta’ Evergreen u Q-Cells dwar il-konsiderazzjonijiet wara s-sehem ta’ 24.9 %, iżda finalment naqset milli tissottomettihom.
(100) Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni ma tistax taċċetta l-argument li s-sehem ta’ 24,9 % ta’ Q-Cells jirriżulta neċessarjament mil-liġi Ġermaniża dwar il-kumpaniji u mhuwiex determinat mill-intenzjoni li jinkiseb bonus tal-SME.
(101) Il-Kummissjoni mhijiex konvinta mill-argument tal-Ġermanja li l-possibiiltà fil-MJVA1 li Q-Cells iżżid is-sehem tagħha għal 50 % kienet kondizzjonali mhux biss fuq iż-żamma tas-sussidju statali, iżda wkoll fuq deċiżjoni miż-żewġ imsieħba li jespandu l-kapaċità tal-produzzjoni fuq il-bażi tas-suċċess ekonomiku ta’ Sovello1, billi d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(6)(c) tal-MJVA1 isostnu: Finanzjament Addizzjonali. Jekk, b’rabta ma’ Espansjoni tal-Kapaċità jew mod ieħor, VentureCo titlob bil-miktub kemm mingħand E kif ukoll mingħand Q finanzjament addizzjonali minbarra l-Finanzjament Totali tal-Ekwità jew Finanzjament Alternattiv (Finanzjament Addizzjonali), u l-Azzjonisti japprovaw iż-żieda korrispondenti tal-kapital skont l-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni (Talba għal Finanzjament Addizzjonali), għandu japplika dan li ġej:
(101)
(i) Jekk ikun possibbli skont ir-regolamenti applikabbli dwar l-għotjiet, kif muri b’konferma bil-miktub mill-awtorità rilevanti tal-għotja (l-Avviż tal-Impunità tal-Għotja), li Q iżżid l-interess tas-sjieda tagħha f’VentureCo għal 50 %, mingħajr ma tali żieda fl-interess tas-sjieda ta’ Q f’VentureCo possibbilment tirriżulta fir-rifjut ta’ applikazzjoni għal Għotjiet mill-Gvern għall-Investiment, b’mod sħiħ jew parzjali, jew fit-talba lura, b’mod sħiħ jew parzjali, ta’ Għotjiet Governattivi għall-Investiment li jkunu diġà nkisbu, mill-awtoritajiet kompetenti, Q għandha tiġi offruta bil-miktub li tipprovdi tali ammont ta’ Finanzjament Addizzjonali li jippermettilha li żżid l-interess tas-sjieda tagħha f’VentureCo għal livell daqs (iżda li ma jaqbiżx) il-perċentwali miżmum dak iż-żmien minn E (…).(Il-linja taħt hija miżjuda)
(102) Wara analiżi bir-reqqa ta’ diversi dokumenti tal-kumpanija, il-Kummissjoni tikkonkludi li, fiż-żmien tan-notifika oriġinali, is-sjieda formali u l-istruttura tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ Sovello, inklużi kemm is-sehem ta’ 24,9 % ta’ Q-Cells kif ukoll l-influwenza sostanzjali ta’ Q-Cells fuq it-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ Sovello, kienet fil-fatt imfassla apposta u essenzjalment sabiex tippermetti lil Sovello tikseb il-bonus tal-SME, filwaqt li fl-istess ħin kien dejjem l-għan taż-żewġ imsieħba strateġiċi li jistabbilixxu s-sħubija fuq termini ugwali ladarba jkun inkiseb il-bonus tal-SME.
(103) Il-Ġermanja ssostni wkoll li l-parteċipazzjoni ta’ Q-Cells hija bbażata fuq il-liġi Ġermaniża dwar il-kumpaniji. B’mod partikolari hija argumentat li l-iżvilupp b’suċċess tal-impriża konġunta ta’ Sovello kien tant importanti għas-suċċess ekonomiku ta’ Evergreen li Evergreen riedet iżżomm massimu tad-drittijiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet u influwenza fuq Sovello u għalhekk ma aċċettatx, għall-ewwel fażi tal-iżvilupp ta’ Sovello, li jkollha ishma u drittijiet tal-vot li ma jaqbżux il-75 %. Dan l-argument jista’ jittieħed biss li jfisser li Evergreen ma kinitx lesta li tagħti ishma u drittijiet tal-vot lil Q-Cells li kienu jaqbżu l-25 %.
(104) Sabiex tifhem u tivvaluta l-kredibilità ta’ din il-linja ta’ argument, il-Kummissjoni vverifikat id-dispożizzjonijiet tal-Att Ġermaniż dwar il-GmbH, li huwa l-liġi nazzjonali applikabbli billi Sovello AG dak iż-żmien kienet EverQ GmbH u kienet taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tiegħu.
(105) L-Att Ġermaniż dwar il-GmbH joħloq ċerti drittijiet minoritarji statutorji, b’mod partikolari l-Artikoli 50, 61, 66, u 53. Id-drittijiet minoritarji stipulati fl-Artikoli 50, 61, u 66 jirreferu għad-drittijiet ta’ azzjonisti li jaqbżu 10 % tal-voti u għalhekk mhumiex rilevanti għall-valutazzjoni preżenti, billi Q-Cells fil-fatt għandha tali sehem. L-Artikolu 53 tal-Att dwar il-GmbH biss jipprovdi għal dritt minoritarju li Q-Cells mhijiex legalment intitolata għalih minħabba s-sehem tagħha ta’ 24,9 %. Skont l-Artikolu 53, azzjonist minoritarju li jkollu aktar minn 25 % tad-drittijiet tal-vot jista’ jimblokka emenda fl-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni tal-kumpanija limitata. Għaldaqstant Evergreen, bħala azzjonista maġġoritarja bi drittijiet tal-vot li jaqbżu 75 %, setgħet bil-liġi tieħu d-deċiżjonijiet kummerċjali importanti kollha, fosthom dwar bidliet fl-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni. Jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni u tal-MJVA dwar id-drittijiet tat-teħid tad-deċiżjonijiet ma kinux jipprovdu għal drittijiet addizzjonali ta’ teħid tad-deċiżjonijiet għal Q-Cells, l-argument tal-Ġermanja li Evergreen kienet teħtieġ sehem li jaqbeż 75 % ikun kredibbli, u s-sehem ta’ 24,9 % ta’ Q-Cells jista’ jkun ġustifikat bħala l-konsegwenza ta’ applikazzjoni stretta tad-drittijiet statutorji u għalhekk ma tistax tiġi preżunta li tirrifletti arkitettura korporattiva artifiċjali mmirata sabiex iddur mad-definizzjoni ta’ SME.
(106) Madankollu, skont il-liġi Ġermaniża dwar il-kumpaniji, u minkejja l-konformità mad-dispożizzjonijiet statutorja, tapplika l-libertà kuntrattwali, u l-artikoli ta’ Assoċjazzjoni tal-kumpanija jistgħu jinkludu dispożizzjonijiet li jagħtu protezzjoni akbar minn dik ipprovduta mil-liġi.
(107) Din hija eżattament is-sitwazzjoni ta’ Sovello, fejn l-imsieħba stipulaw fl-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni li t-tnejn li huma jridu jaqblu dwar id-deċiżjonijiet kollha l-importanti, speċjalment dwar tibdil f’dawk l-Artikoli. Jekk — bħal fil-każ preżenti — tiġi maqbula l-unanimità, f’dak il-każ ma tapplikax ir-regola ta’ hawn fuq, billi din tipproteġi biss id-drittijiet ta’ azzjonist minoritarju, iżda ma tillimitax id-drittijiet tiegħu. Min-naħa l-oħra, xejn naturalment ma kien inaqqas id-dritt tal-imsieħba li jdaħħlu l-istess klawsola fl-Artikoli ta’ Assoċjazzjoni, kieku ma ftehmux fuq sehem ta’ 24,9 % iżda fuq sehem differenti għal Q-Cells. Għalhekk, fil-każ inkwistjoni, l-argument li jagħmel referenza għad-drittijiet tal-azzjonisti minoritarji li jwaqqfu d-deċiżjonijiet, mhuwiex rilevanti. Id-dikjarazzjonijiet tal-Ġermanja għaldaqstant huma kontradittorji; id-drittijiet statutorji ta’ azzjonist maġġoritarju b’maġġoranza li taqbeż il-75 % huma argument irrilevanti meta d-drittijiet sostanzjali ta’ teħid tad-deċiżjonijiet mogħtija minn dik il-maġġoranza jkunu limitati b’kuntratt. Minħabba f’hekk, il-Kummissjoni tikkonkludi li taħt il-liġi Ġermaniża dwar il-kumpaniji, m’hemm l-ebda raġuni sabiex jintgħażel perċentwali ta’ 24,9 %. It-tnaqqis temporanju fl-ishma ta’ Q-Cells wara d-dħul ta’ REC fl-impriża konġunta, li nżamm biss għal tliet xhur wara l-approvazzjoni inizjali tal-bonus tal-SME mill-Kummissjoni, ma jbiddilx din l-analiżi.
(108) Il-Ġermanja targumenta li f’Novembru 2005 (bid-dħul ta’ REC li kisbet 15 % tal-ishma), u għalhekk qabel ma l-Kummissjoni ħadet id-Deċiżjoni N 426/05 dwar il-bonus tal-SME, (1) il-MJVA1 kien abolit u ġie sostitwit mill-MJVA2, u (2) is-sehem ta’ Q-Cells tnaqqas għal 21 %.
(109) B’mod ġenerali, il-Kummissjoni tivvaluta każ fuq il-bażi tal-fatti kif ikunu jeżistu fiż-żmien tan-notifika, sakemm l-Istat Membru ma jimmodifikax espliċitament in-notifika. Madankollu, f’każ fejn kumpanija ma tkunx diġà SME (anki jekk ikunu ġew irrispettati formalment il-limiti ta’ SME) fiż-żmien tan-notifika oriġinali, u f’kuntest ta’ tidwir possibbli mad-definizzjoni ta’ SME, il-Kummissjoni hija partikolarment viġilanti fl-iċċekkjar ta’ bidliet sussegwenti li jiġu kkomunikati lilha wara n-notifika oriġinali. F’dan il-każ, il-modifiki fl-istruttura tal-azzjonisti li ġew ikkomunikati lill-Kummissjoni wara n-notifika oriġinali ma jistgħux ibiddlu l-valutazzjoni legali. L-intenzjoni preżunta li s-sjieda ta’ Q-Cells tinżamm b’mod artifiċjali taħt 25 % ma nbidlitx bil-bidliet iżjed tard fl-istruttura tal-kumpanija (qabel id-Deċiżjoni N 426/2005 dwar il-bonus tal-SME), u l-influwenza qawwija ta’ Q-Cells fuq Sovello nżammet fil-MJVA2.
(110) Il-fatt li l-influwenza ta’ Q-Cells fl-impriża konġunta inizjali qabżet is-sehem tagħha ta’ 24,9 % huwa kkonfermat ukoll mill-MJVA2, li jipprovdi li, kieku kellhom jitħallsu lura parti mill-għotjiet, it-tliet imsieħba kienu se jsellfu l-ammont li ried jitħallas lura, lil Sovello, fuq il-bażi tal-ftehim segwenti: REC tagħti self b’mod proporzjonali mal-perċentwali tas-sjieda tagħha u l-bqija tas-self jinqasam b’mod ugwali bejn Evergreen u Q-Cells.
(111) Ir-regoli wara li REC issieħbet fl-impriża konġunta huma stipulati fil-MJVA2. Il-MJVA2 jipprovdi li, wara talba għal finanzjament addizzjonali, sew jekk tkun marbuta ma’ espansjoni tal-kapaċità jew mod ieħor, Q-Cells tista’ żżid il-parteċipazzjoni tagħha għall-istess livell ta’ Evergreen (Artikolu 3.5.c). Suġġett għal kuntratt ieħor għall-forniment tas-silikon li ġie ffirmat qabel il-[…], REC tista’ żżid l-ishma tagħha għal 21 %, billi tikseb 6 % mingħand Evergreen (Artikolu 3.4). Fil-każ ta’ talba għal finanzjament addizzjonali, u xorta suġġett għal kuntratt ieħor dwar il-forniment tas-silikon, REC tista’ żżid l-ishma tagħha f’Sovello għal 33,3 % (Artikolu 3.5.d), jiġifieri l-istess livell ta’ Evergreen u Q-Cells. Id-deċiżjoni interna tal-kumpanija li tespandi l-kapaċità tal-produzzjoni ttieħdet fl-aħħar ta’ Ġunju 2006. Il-parteċipazzjoni ugwali tat-tliet imsieħba ġiet maqbula madwar tliet xhur wara l-approvazzjoni inizjali tal-bonus tal-SME min-naħa tal-Kummissjoni, meta Q-Cells u REC it-tnejn żiedu s-sehem tagħhom għal 33,3 % (MJVA2 emendat).
(112) Ir-regoli dwar il-ħatra tad-diretturi u l-proċeduri għat-teħid tad-deċiżjonijiet inżammu fil-biċċa l-kbira tagħhom: taħt il-MJVA2, kemm Q-Cells kif ukoll REC kellhom id-dritt jaħtru direttur wieħed (tnejn, ladarba s-sehem tagħhom jaqbeż 30 %), u d-deċiżjonijiet jittieħdu mill-maġġoranza tad-diretturi, bil-kundizzjoni li jridu jaqblu għallinqas tnejn mit-tliet kumpaniji proprjetarji. Għal darba oħra, dan imur lil hinn mis-setgħat ta’ teħid tad-deċiżjonijiet li azzjonist minoritarju jista’ jistenna f’sitwazzjoni normali ta’ kumpanija (għalkemm jista’ jkun inqas insolitu f’impriża konġunta).
(113) Barra minn hekk, kienet Q-Cells li daħħlet lil REC fl-impriża konġunta. Q-Cells kellha relazzjonijiet mill-qrib ta’ klijent u fornitur ma’ REC u s-sussidjarji tagħha ScanModule AB, Glava, l-Iżvezja (ScanModule), ScanCell AS, Narvik, in-Norveġja (ScanCell), u ScanWafer ASA, Høvik, Glomfjord, Porsgrunn, in-Norveġja. Fil-fatt, REC kienet tforni s-silikon u kienet il-fornitur ewlieni tal-wejfers għal Q-Cells, u Q-Cells kienet tbigħ parti sinifikanti tal-produzzjoni taċ-ċelloli tagħha lil ScanModule. Iċ-ċelloli prodotti minn ScanCell kienu jinbiegħu fis-suq minn Q-Cells. Barra minn hekk, fl-2004 ġie konkluż ftehim verbali bejn Q-Cells u REC rigward il-bejgħ u s-servizzi ta’ għajnuna għall-kummerċjalizzazzjoni min-naħa ta’ Q-Cells fin-Norveġja. Barra dan, jeżistu wkoll rabtiet ċari permezz ta’ M. Brenninkmeijer, li kien membru tal-bord superviżorju kemm ta’ Q-Cells kif ukoll ta’ REC, kif ukoll direttur maniġerjali ta’ Good Energies, il-kumpanija li kellha 16 % tal-ishma fi Q-Cells u 39 % tal-ishma f’REC (ara s-sezzjoni 2.2). Ġiet maħluqa struttura simili għal CSG Solar, li fiha kemm Q-Cells kif ukoll REC kienu azzjonisti minoritarji u s-CEO ta’ Q-Cells kif ukoll M. Brenninkmeijer kienu membri tal-bord superviżorju.
(114) Fid-dawl tal-konsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tħoss li kemm fiż-żmien tan-notifika kif ukoll fiż-żmien tad-Deċiżjoni N 426/05, is-sjieda formali u l-istruttura tat-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ Sovello kienet imfassla apposta sabiex Sovello tkun tista’ tikseb il-bonus tal-SME (billi s-sehem ta’ Q-Cells jinżamm taħt 25 %), filwaqt li fl-istess ħin dejjem kien l-għan taż-żewġ imsieħba strateġiċi, li aktar tard saru tlieta, (REC tassigura d-disponibilità tas-silikon) li jistabbilixxu s-sħubija fuq termini ugwali ladarba jinkiseb il-bonus tal-SME. Fil-fatt, tliet xhur wara li l-Kummissjoni approvat il-bonus tal-SME, bidla fil-MJVA2 ikkonferiet sjieda indaqs (33,3 % kull waħda) lit-tliet imsieħba.
Kalkolu tal-limitu ta’ SME bis-suppożizzjoni li Q-Cells għandha sehem ta’ 25 %
(115) Skont l-Artikolu 2 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni dwar l-SMEs, l-impriżi żgħar u ta’ daqs medju huma definiti bħala impriżi li:
għandhom inqas minn 250 impjegat, u
għandhom fatturat annwali li ma jaqbiżx EUR 50 miljun, jew
total annwali fil-karta tal-bilanċ li ma jaqbiżx EUR 43 miljun.
(116) Il-kalkolu ta’ dawn il-limiti jiddependi fuq l-istruttura tal-kumpanija kkonċernata (jekk tkun impriża awtonoma jew impriża imsieħba/relatata skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni dwar l-SMEs). Skont l-Artikolu 4 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni dwar l-SMEs, id-dejta rilevanti għan-numru ta’ impjegati u l-limiti finanzjarji sabiex ikun determinat jekk il-benefiċjarju tal-għajnuna huwiex SME, hija dik relatata mal-aħħar perjodu approvat ta’ kontabilità u kkalkulata fuq bażi annwali. Skont l-Artikolu 6 tal-Anness għar-Rakkomandazzjoni dwar l-SMEs, għall-kalkolu tal-limiti ta’ SME trid tiġi kkunsidrata d-dejta tal-impriżi relatati/imsieħba (100 % għall-impriżi relatati, u għall-impriżi msieħba, proporzjon li jirrifletti s-sehem tagħhom, jiġifieri mill-anqas 25 %).
(117) B’konsegwenza tal-konsiderazzjonijiet kollha ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni tqis li Q-Cells kienet tkun ikklassifikata bħala impriża msieħba ta’ Sovello (jiġifieri bħal li kieku kellha sehem ta’ 25 %) fid-deċiżjoni oriġinali kieku l-Kummissjoni ġiet ipprovduta bl-informazzjoni kollha rilevanti. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni reġgħet ikkalkulat il-limiti ta’ SME għal Sovello kif definiti fir-Rakkomandazzjoni dwar l-SMEs.
(118) Minħabba s-sehem maġġoritarju tagħha, Evergreen kienet impriża relatata ma’ Sovello. Dan ifisser li għall-kalkolu tal-limiti ta’ SME kellha tiġi kkunsidrata 100 % tad-dejta tagħha. Id-dejta użata għal Evergreen tirrigwarda s-sena 2004 (215-il impjegat, u fatturat annwali ta’ EUR 18,9 miljun u total fil-karta tal-bilanċ ta’ EUR 36,5 miljun). Fl-istess sena, Sovello ma kellhiex impjegati, l-ebda fatturat u karta tal-bilanċ ta’ EUR 0,025 miljun. Fl-aħħar tal-2004, Q-Cells kellha 350 impjegat, fatturat annwali ta’ EUR 128,7 miljun u total fil-karta tal-bilanċ ta’ EUR 105,6 miljun.
(119) Il-Kummissjoni reġgħet ikkalkulat il-limiti ta’ SME għal Sovello billi inkludiet 100 % tan-numru ta’ impjegati, il-fatturat u t-total fil-karta tal-bilanċ għal Sovello (dejta ppreżentata man-notifika), 100 % tad-dejta għal Evergreen (impriża relatata, dejta kif kienet fl-2004 ippreżentata man-notifika), u 25 % tad-dejta għal Q-Cells. Fuq il-bażi ta’ din il-kalkolu, il-limiti kollha ta’ SME huma maqbuża u b’hekk Sovello ma tikkwalifikax għal status ta’ SME u għalhekk mhijiex intitolata li tirċievi bonus tal-SME.
(120) Il-Ġermanja ssostni li l-Kummissjoni donnha tassumi li impriża konġunta għandha awtomatikament tiġi ttrattata bħala entità ekonomika waħda flimkien mal-imsieħba tagħha fl-impriża konġunta, u b’hekk tiżviluppa u tapplika kriterji partikolari tal-SME għall-impriżi konġunti. Il-Kummissjoni ssib li l-valutazzjoni tal-każ preżenti turi li dan l-argument mhuwiex validu. B’mod konformi mal-Artikolu 6 tar-Rakkomandazzjoni dwar l-SMEs, il-Kummissjoni kkunsidrat biss id-dejta ta’ Q-Cells pro-rata (25 %) billi hija tħoss li s-sehem ta’ Q-Cells inżamm b’mod artifiċjali taħt dan il-limitu.
L-ebda ħtieġa għall-bonus tal-SME
(121) Billi l-limiti ta’ SME ġew maqbuża, m’hemmx bżonn jiġi investigat aktar jekk Sovello tassew sofrietx mill-iżvantaġġi tipiċi ta’ SME u jekk l-għoti tal-bonus tal-SME kienx meħtieġ għal dawk ir-raġunijiet. Il-Ġermanja xorta waħda telenka diversi żvantaġġi ta’ SME li jingħad li ffaċċjat Sovello (ara s-sezzjoni 5.2). Dwar l-aċċess limitat għall-finanzi, u l-argument tal-Ġermanja li, mingħajr bonus tal-SME, il-proġett ta’ investiment ma kienx jitwettaq, il-Kummissjoni tinnota li l-MJVA1 jipprovdi għal modi sabiex jinkiseb finanzjament alternattiv f’każ li ma jimmaterjalizzawx is-sussidji tal-gvern. Il-MJVA2 jipprovdi għal kumpens għall-obbligi ta’ ħlas lura tal-għotja mit-tliet imsieħba fl-impriża konġunta (permezz ta’ self lil Sovello, ara l-paragrafu 110). Il-Kummissjoni għalhekk mhijiex konvinta li l-investiment ma kienx iseħħ mingħajr il-bonus tal-SME. Rigward ir-riskju kummerċjali, il-Kummissjoni tħoss li dan huwa kkumpensat mill-possibbiltà li Sovello tistrieħ fuq l-esperjenza kombinata ta’ Evergreen (għad-distribuzzjoni u l-bejgħ), Q-Cells (preżenza fis-suq Ġermaniż) u REC (attiva fis-suq tal-moduli solari permezz tas-sussidjarji tagħha) (ara l-paragrafu 113). Il-Kummissjoni twarrab l-argument tal-Ġermanja li Sovello kellha spejjeż operattivi u kummerċjali ogħla minn impriżi kbar, billi rċeviet appoġġ sostanzjali mingħand Q-Cells, kif deskritt fil-paragrafi 94 u 95, u kienet assigurat aċċess għas-silikon permezz ta’ REC (fl-2005 kien hemm aċċess ristrett serju għall-provvista fl-industrija solari).
(122) Il-Kummissjoni tħoss li l-valutazzjoni tagħha bbażata fuq l-informazzjoni l-ġdida turi li, permezz tal-imsieħba tagħha fl-impriża konġunta, li kienu attivi fl-istess settur industrijali, Sovello kellha aċċess potenzjali għal fondi u għajnuna li ma kinux disponibbli għal kompetituri tal-istess daqs li ma kinux appoġġati minn impriżi relatati jew imsieħba. Kuntrarju għall-argumenti tal-Ġermanja, il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-bonus tal-SME li ngħata lil Sovello ma kienx meħtieġ sabiex jassigura l-iffinanzjar tal-investiment.
Konklużjoni
(123) Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li Sovello ma kinitx eliġibbli għall-bonus tal-SME ta’ 15 %, u li l-bonus tal-SME li ngħata mhuwiex kompatibbli mas-suq intern.
(124) Skont l-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 659/1999, il-Kummissjoni hija fil-prinċipju obbligata li tordna l-irkupru ta’ din l-għajnuna inkompatibbli mingħand il-benefiċjarju,
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1 Id-Deċiżjoni adottata fis-7 ta’ Ġunju 2006 fil-każ dwar l-Għajnuna mill-Istat N 426/05 hija rrevokata.
Artikolu 2 L-għajnuna mill-Istat li tammonta għal EUR 9130995 bil-prezzijiet tal-2007 mogħtija b’mod illegali mill-Ġermanja, bi ksur tal-Artikolu 108(3) TFUE, favur Sovello, mhijiex kompatibbli mas-suq intern.
Artikolu 3
1. Il-Ġermanja għandha tirkupra mingħand il-benefiċjarju l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2.
2. L-ammonti li jridu jiġu rkuprati għandhom jinkludu l-imgħax mid-data li fiha tħallset l-għajnuna lill-benefiċjarju sal-irkupru attwali tagħhom.
3. L-imgħax għandu jiġi kkalkulat fuq bażi komposta skont il-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004.
4. Il-Ġermanja għandha tħassar il-ħlasijiet pendenti kollha tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 b’effett mid-data ta’ notifika ta’ din id-Deċiżjoni.
Artikolu 4
1. L-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2 għandha tkun immedjata u effettiva.
2. Il-Ġermanja għandha tassigura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur wara d-data tan-notifika tagħha.
Artikolu 5
1. Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, il-Ġermanja għandha tissottometti l-informazzjoni segwenti lill-Kummissjoni:
1.
(a) l-ammont totali (prinċipali u mgħax) li jrid jiġi rkuprat mingħand il-benefiċjarju;
(b) deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri diġà meħuda u ppjanati sabiex tiġi osservata din id-Deċiżjoni;
(c) dokumenti li juru li l-benefiċjarju ġie ordnat iħallas lura l-għajnuna.
2. Il-Ġermanja għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali meħuda sabiex tiġi implimentata din id-Deċiżjoni sakemm jitlesta l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 2. Hija għandha tissottometti immedjatament, meta tiġi mitluba biex tagħmel dan mill-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri diġà meħuda u ppjanati sabiex tiġi osservata din id-Deċiżjoni. Hija għandha tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti ta’ għajnuna u l-imgħax li diġà jkunu ġew irkuprati mingħand il-benefiċjarju.
Artikolu 6 Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.
Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Jannar 2010. Għall-Kummissjoni Neelie Kroes Membru tal-Kummissjoni